Riflessjoni għas-6 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Illum tgħallimna nagħrfu dak li hu ta’ livell għoli jew le, tgħallimna wkoll nindunaw dak li hu aċċettabli jew le. Tista’ tgħid li għal ħafna minna l-kwalità hi mportanti; mhux kuntenti b’kemm sempliċement niddobbaw; jekk se tixtri xi ħaġa, tara li hi ta’ standard għoli, jekk tixtieq tagħmel xi biċċa xogħol fid-dar tara li min jaħdimlek ikun bniedem tas-sengħa u fl-istess ħin tal-affari tiegħu, jew jekk qed tfittex li timpjega lil xi ħadd miegħek tfittex li jkollu l-kwalifiki meħtieġa jew forsi aktar ukoll. Sirna nafu nagħżlu! Aktar ma jkunu għoljin l-istandards, aktar se jkollok kwalità tajba.
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù qed ikompli jidendtifika l-istandards, pjuttost għoljin, tad-dixxipulat. Ġesù ma jikkuntentax b’nies medjokri, li jkejlu u jkunu kuntenti biss bil-ftit. Mhux biżżejjed, għal Ġesù, li tħares il-liġi u l-kmandamenti kif inhuma, imma jistenna wisq aktar; jistenna li ngħixu fl-ispirtu tal-kmandamenti jiġifieri li nagħrfu ngħixu f’imħabba safja, imħabba li tixbaħ l-imħabba ta’ Alla l-Missier. Fi kliem ieħor irid li jkollu dixxipli qaddisin.
Il-qdusija mhix xi ħaġa awtomatika. Titlob minna li nagħmlu diversi għażliet, kif ukoll impenn biex ngħixu skond dawk l-għażliet li nkunu għamilna. Alla ħalaqna biex insiru qaddisin imma ma riedx jagħmilna qassisin mingħajr ir-rieda tagħna. Tana l-libertà biex ngħażlu bejn il-ħajja u l-mewt. L-għażla hi f’idejna! “Liema tixtieq qalbu lesta għalih,” kif smajna fl-ewwel qari tal-lum. Forsi naħsbu u ngħidu, “mhux ovvja, kulħadd il-ħajja jixtieq?” Imma le, ma hi ovvja xejn! Sfortunatament sirna nitkellmu mill-kultura tal-mewt: kemm nies jiġu maqtula ntortament fi gwerrer bla sens! Kemm nies imutu minħabba traskuraġni u negliġenzi fuq il-postijiet tax-xogħol! Kemm nies fit-triq jitilfu ħajjithom minħabba sewqan bl-addoċċ? Kemm ħajjiet jintilfu minħabba droga u xorb eċċessiv? Kemm miljuni ta’ trabi fil-ġuf qed jinqerdu madwar id-dinja? Kemm nies qed ifittxu li jtemmu ħajjithom għax xebgħu jgħixu? X’qed nagħżlu l-ħajja jew il-mewt?
Imma anke jekk ngħażlu l-ħajja, xorta jibqa’ ħafna aktar għażliet x’nagħmlu. Mhux biżżejjed li tgħix, imma mportanti li tgħix il-ħajja fil-milja tagħha. U hawn fejn Ġesù jagħtina gwida ġdida kif ngħixu, biex tassew inkunu qaddisin.
Għal Ġesù l-qtil mhux biss xi ħaġa fiżika, imma jista’ jsir wkoll “bil-kliem.” Meta toffendi, tgħajjar, tgħid kontra xi ħadd ieħor, twarrab lil xi ħadd ieħor, tkun qed toqtlu għax taqtgħu minn ħajtek. F’kultura tal-mewt, din il-ħaġa ssir xi ħaġa komuni; min idejqek, aqtalu rasu u warbu 'l hemm - eskludih.
Għal Ġesù l-persuni huma sagri wisq u ma tistax tilgħab bihom; l-adulterju mhux biss xi ħaġa tal-ġisem imma jiġri kull meta tuża persuna bħala oġġett ta’ gost u wara li tkun inqdejt biha tarmieha ‘l hemm. Dan jista’ jiġri fil-moħħ u fil-qalb ta’ dak li jkun. F’kultura tal-mewt, il-bniedem jiġi kkumerċjalizzat, il-prostituzzjoni ssir xi ħaġa aċċettata, l-pornografija tiġi mfittxija mill-kotra, inkluż mit-tfal u ż-żgħażagħ, ir-relazzjonijiet intimi ma jibqgħu intimi xejn għax faċli tibdel in-nisa u l-irġiel tiegħek.
Għal Ġesù s-sinċerità u l-irġulija neċessarji biex ikun hemm rispett u mħabba vera; ma hemmx bżonn taħlef u ġġib provi li dak li qed tgħid hu minnu. Imma f’kultura tal-mewt, il-gidba ssir il-kelma ta’ kuljum; ma tafx lil min tista’ temmen u tafda; isir diffiċli tafda lil xi ħadd u ma jiddispjaċikx.
Anke jekk qed ngħixu f’kultura tal-mewt, aħna x’għażla se nagħmlu? Ejjew nagħżlu l-istandards għoljin tal-ħajja, kif qed jiproponielna Ġesù nnfisu.