Qari u Hsibijiet Corpus

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”         CORPUS 

 

IT-TIFKRA SOLENNI TAL-ĠISEM U D-DEMM TA’ KRISTU

 

L-1 QARI – Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju – Dewt 8, 2-3, 14b-16a

F’dak iż-żmien: Mosè kellem lill-poplu u qal: “Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej Alla tiegħek matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek f’qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu jew le. Huwa ċekknek, ried li tbati l-ġuħ, imbagħad temgħek il-manna li la int u anqas missirijietek ma kontu tafu biha, biex jurik li mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.
La tinsiex lill-Mulej Alla tiegħek, li ħarġek mill-art ta’ l-Eġittu, minn dar il-jasar; hu, li mexxiek fid-deżert ta’ l-Eġittu, minn dar il-jasar; hu, li mexxiek fid-deżert il-kbir, deżert tal-biża’ bis-sriep jaħarqu w l-iskorpjuni tiegħu, art niexfa bil-għatx u bla ilma, fejn huwa ħariġlek l-ilma mill-blata żonqrija; hu, li fid-deżert temgħek manna li missirijietek ma kinux jafu biha.”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 147
Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej.

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej,
faħħar ’l Alla tiegħek, Sijon.
Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek,
bierek lil uliedek ġo fik. R/.

Hu qiegħed is-sliem lil truf artek,
u bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Jibgħat il-kmand tiegħu fuq l-art,
kelmtu ħafifa tiġri ma’ kullimkien. R/.

Hu jxandar kelmtu lil Ġakob,
il-preċetti u l-liġijiet tiegħu lil Israel.
Ma’ ebda poplu ma għamel hekk,
il-liġijiet tiegħu ma għarrafhomlhomx. R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. – 1 Kor 10, 16-17

Ħuti: Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex xirka mad-demm ta’ Kristu? Il-ħobż li naqsmu mhuwiex xirka mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; għax minn ħobża waħda nieħdu sehem, ilkoll kemm aħna.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Jiena hu l-ħobż ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. – Ġw 6, 51-58

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż ħaj,  li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”
Fuq hekk il-Lhud ma qablux bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” Ġesù mela qalilhom: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.
Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”

Il-Kelma tal-Mulej.

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.:   [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=29TVDSTLuyE[/youtube]