Paniġierku tal-Festa ta’ Santa Marija 2014 – Il-Kanonku Dun Joe Zammit

DSC_0746

 

Fost kollha kemm huma t-titli

li sebbħu lil ismek sabiħ

hemm dak li l-Knisja offrietlek,

mill-qedem għal qalbna qatigħ.

 

Għax Santa Marija nsejħulek

minn mindu konna għadna tfal żgħar;

għalina m’hemmx bħalek fid-dinja,

ix-xemx li tant tiddi binhar.

 

Tgħid Mosta, tgħid Santa Marija,

hekk lilna jqisuna flimkien,

u int tibqa’ x-xenqa ta’ ruħna

li ttul bla ma tgħib qatt fiż-żmien.

 

Jekk qatt tisfa’ mċaħħda minn ħutna

fl-imħabba li dejjem wrew lejk,

żgur minna ma tibqax miftuma,

fil-ħarsa rżina t’għajnejk.

 

Għax lilna minn dejjem ħabbejtna

fis-siegħa tal-hena, tal-hemm,

minn dejjem kont magħna bħal ommna

biex taqsam ta’ ħnientek is-sehem.

 

Kif nistgħu qatt lilek minn qalbna

inwarrbu biex nagħtu l-ġieħ

lil min mhux il-ġid, imma d-deni

xtaqilna w seraqna għalih?

 

Ibqa’ inti Ġmiel, Santa Marija,

setgħana fost slaten, rejiet,

dik illi l-poplu ta’ Malta

tgħaddih minn rebħiet għal rebħiet.

 

U qatt għalhekk jista’ dal-poplu

li jaf lilek storja ta’ ġieħ

imur kontra Ibnek waħdieni

li ħareġ biex jirbaħ, rebbieħ.

 

Eċċellenza Reverendissma, Wisq Rev.du Arċipriet u kleru ta’ din il-parroċċa għażiża, ħuti Nsara devoti ta’ Santa Marija.

 

“Hodie Maria Virgo cælos ascendit!”. Hekk l-Antifona tal-Magnificat tat-Tieni Għasar tas-Solennità.  U fl-istess talba ta’ filgħaxija tkompli l-Knisja: “Assumpta est Maria in cælum: Gaudent Angeli laudantes benedicunt Dominum.  Gaudete et exultate omnes recti corde quia hodie Maria Virgo cum Christo regnat in æternum!”.  ‘Hodie – Illum’, għax diġà fil-konċepiment immakulat tagħha l-Knisja tgħannilha: “Hodie egressa est Virgo de radice Iesse”.  Dan hu l-Jum li jixxiebah ma’ dak ta’ Kristu glorjuż fuq il-mewt: “Dan hu l-jum li għamel il-Mulej, ħa nifirħu u nithennew fih” (Salm 117); ma ssaltanx, le, il-mewt iktar fuqu, kif ma ssaltanx fuqha għax it-tnejn, wara tlitt ijiem ta’ stennija, meħlusa mit-taħsir tal-qabar u t-tnejn ikkontemplati fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem.  Ma jfakkarniex ukoll fl-Assunta l-bidu tal-innu meraviljuż tat-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum tal-Għid il-Kbir: “Feġġ il-jum fis-sebħ u l-ħmura, mas-smewwiet il-għana jidwi; taqbeż l-art bil-ferħ u l-hena, l-għadu mxejjen jara u jagħdab”.

 

Sabiħa u wisq propja għalina silta minn Omelija ta’ awtur antik fuq l-Għid il-Kbir: “Hawn il-Knisja kollha tinġabar f’xirka waħda ta’ mħabba u, waqt li tqim Alla wieħed fi Tliet persuni, ittenni mal-profeta s-salm tal-festa tal-lum: Dan hu l-jum li għamel il-Mulej, nifirħu u nithennew fih.  X’jum hu dan?  Hu l-jum li jagħti l-ħajja, hu l-bidu tal-glorja, hu l-awtur tad-dawl, hu Ġesù Kristu Sidna li għalih innifsu jgħid: Jiena hu l-jum; min jimxi fid-dawl tal-jum ma jitfixkilx.  Dan ifisser li min jimxi f’kollox wara Kristu jasal miegħu fid-dawl ta’ dejjem; dan hu stess talbu għalina lill-Missier meta kien għadu fil-ġisem fostna: Missier, irrid li dawk li jemmnu fija jkunu miegħi fejn inkun jien kif inti fija u jiena fik, ħalli jkunu huma wkoll fina”.

 

Liema kittieb jista’ jkun għaqli biżżejjed biex jiktiblek vrus hekk għolja li jistgħu jixirqu lill-glorja tiegħek!  Liema pittur jista’ jimraħ tant fil-fantasija tiegħu biex lilek b’naqra ta’ pinzell iżewwaq il-ferħ ta’ ruħek!  Liema kelliem jista’ jagħraf il-kobor ta’ ġieħek hekk li jitkellem dwarek b’sengħa li l-widna tieħu pjaċir tibqa’ għal ħin twil tisma’ u titgħolla l-qalb u żżid għalik fl-imħabba!  Ma aħniex kittieba, ma aħniex pitturi, ma aħniex kelliema imma aħna wliedek u għalhekk ħadd daqsna ma jista’ jurik imħabba li sibna diġà miċ-ċokon għax missirijietna għallmuna fuqek, bik saħħruna u ma nafux ħlief nitkellmu dwarek, ma nafux ħlief lewn nagħtuk fi ħsibijietna u naqsmu mal-oħrajn ix-xewqat ta’ qalbna biex lilek, kif nafu ta’ bnedmin, fil-glorja nfaħħruk, il-ferħ nuruk, il-ġieħ nagħtuk.

 

Hekk kif nilmħek fuq xefaq ħsieb moħħi

u nitriegħed għax nagħraf ċkuniti,

tilma tiddi bħal ġawhra mis-sema

u fis tixref quddiemi dgħufiti.

 

Hekk kif nilmħek qawwija w setgħana

fit-taqbida mal-ħażen qalila,

fija nifs ma jibqax li jaħjini,

kemm kbira, Alla, kemm għamlek ta’ ħila.

 

Hekk kif nilmħek fil-bieb ta’ dil-knisja

fuq dirgħajn li għal żmien jafuk sewwa,

kemm iġelben id-dmugħ ma’ ħaddejhom

għax fil-ferħ sabuk qrib u fid-dnewwa.

 

Sbejħa Santa Marija ngħajtulek

għax dak ismek li trabba fuq fommna

kien dak l-isem li ntagħżel minn Alla

biex fi mħabbtek jgħollina u jżommna.

 

Imma għaliex ma nħallux lilek, Santa Marija, titkellem dwarek innifsek biex nagħrfuk bħala l-Glorja ta’ Ġerusalemm, il-ferħ ta’ Israel, il-Ġieħ tal-poplu tagħna?  “Jien kbirt bħal ċedru tal-Lebanon”, tmur tgħidilna fil-ktieb ta’ Bin Sirak (24:1-33), “bħal ċipressa fuq il-muntanja tal-Ħermon.  Kbirt bħal tamra f’Engadi u bħal xitel tal-ward f’Ġeriko; bħal żebbuġa sabiħa f’għalqa, għolejt bħal siġra tal-platanu.  Bħall-kannella u l-balzmu rħejt irwejjaħ ifuħu, bħal mirra magħżula rħejt il-fwieħa tiegħi, bħal ingwent u trab ifuħu, bħal gomma tal-fwieħa, bħal inċens ifewwaħ fit-tabernaklu mqaddes.  Jien bħal balluta frixt il-friegħi tiegħi, u l-friegħi tiegħi kollhom ġieħ u ħlewwa.  Jien bħal dielja rmejt żraġen li jgħaxxqu, iż-żahar tiegħi frott il-ġieħ u l-għana.  Ejjew għandi, intom li tixtiquni, u mtlew sax-xaba’ bil-frott tiegħi.  It-tifkira tiegħi oħla mill-għasel, u l-wirt tiegħi minn xehda għasel.  Min jiekol minni jkun irid iżjed, min jixrob mingħandi jixtieq jixrob iżjed.  Min jisma’ minni ma jkollux għax jistħi, min jaħdem bil-għajnuna tiegħi ma jidnibx”.  U kulma qalet kien: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej”!

 

“Jekk tgħix ħajja safja u qaddisa u sewwa, tista’ tara lil Alla”, jistqarr San Teofilu, Isqof ta’ Antjokja.  “Imma qabelxejn, qis li jkollok f’qalbek il-fidi u l-biża’ ta’ Alla, imbagħad tifhem dan kollu.  Meta tinża’ dan il-ġisem li jmut u tilbes l-immortalità, imbagħad ikun jistħoqqlok tara lil Alla.  Alla jqajjem il-ġisem tiegħek imżejjen bl-immortalità mar-ruħ, issir bniedem li ma jmutx, u tara lil dak li ma jmut qatt, jekk hawnhekk tkun emmint fih”…  U Marija: “Ħa jkun minni skont kelmtek”!

 

“Warrdet Marija, id-dielja l-ġdida li ħadet il-post tad-dielja l-oħra, il-qadima”, jgħidilna d-Djaknu San Efrem f’wieħed mid-diskorsi tiegħu, “fiha għammar Kristu, il-ħajja l-ġdida, biex meta l-mewt tersaq bħas-soltu qalbha qawwija biex taħtaf, issib, moħbija fil-frott li jintemm, il-Ħajja li ttemm il-mewt.  U meta l-mewt, bla biża’ ta’ xejn, belgħet ’il-Mulej, ħelset il-ħajja, u mal-ħajja ħelset ukoll il-kotra kollha”!

 

L-isbaħ warda li stajna noffrulek,

o kbir Alla, mill-ġnien tal-art kollha

biex issebbaħ il-ġenna ta’ qalbek

bla ma qalbha minn qalbna qatt tħollha.

 

L-isbaħ warda li fiha ma nħasset

l-iċken xewka li tniġġes lil ruħha,

għax sabiħa minn mindu Int ħlaqtha,

ta’ ħajjitna hi l-wens illi jsuqha.

 

L-isbaħ warda għax hi omm ħanina

illi tostor il-fwejjaħ tal-ġonna

biex imtellgħa fis-Sema tferragħhom

hemm fejn aħna qatt s’issa ma konna.

 

Jekk kien hemm xi ħadd li sejjaħlek bl-isem propju tiegħek, Santa Marija, kien Alla nnifsu meta minn fuq fomm il-ħabbar tiegħu mar jiltaqa’ ma’ sbuħitek fid-dar ta’ Nazareth u hemm stqarr miegħek dak li int kont minn dejjem fil-menti ta’ Alla, “mimlija bil-grazzja”, jiġifieri mimlija bil-qdusija, dik li ’l quddiem fl-istorja l-Knisja marret tiddikjara bħala domma ta’ fidi “kollha kemm hi sabiħa” u  żmien wara “Marija mtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem”.  Iva, Santa Marija, kont dejjem inti għal Alla, qatt ma kont għalih jekk mhux Santa Marija, għax għalih ma kienx hemm ħlejqa umana oħra li setgħet tkun mara u fl-istess waqt qaddisa għax propju verġni u pura qabel it-twelid, fit-twelid u wara t-twelid tagħha.  Għad-dinja inti dhert mara bħal kull mara oħra, Marija ta’ Nazareth, għal Alla inti minn dejjem dhert bħala l-Qaddisa, “mulier amicta sole”, il-mara mlibbsa bix-xemx, Santa Marija.  Ma joqogħdux ħdejk in-nisa kbar tal-poplu l-magħżul, ta’ Israel, minkejja minn Alla wkoll magħżula biex isebbħu l-istorja fil-mixja tagħha, għax ħadd bħalek ma kien minn dejjem il-Qaddisa, mhux tal-poplu l-magħżul imma ta’ dak li għażel dan il-poplu, ta’ Alla nnifsu.  Santa Marija, inti tirrifletti lil Alla, l-għerf tal-Missier miġjub fi ħdanek bħala l-Verb etern minn dejjem fi ħdan Alla, il-ġmiel waħdieni tal-Iben li minnek issawwar u ħa l-ġisem fid-dinja, il-qdusija tal-Ispirtu Divin li bħal tbissima twaħħdet miegħek biex għamlet minnek kapolavur ta’ ġmiel, għerf, qdusija, kollha miġbura fik fil-kelma ‘tjubija’.  Inti l-ħarsa ħanina tal-Missier fuq il-bnedmin, għalhekk Omm il-ħniena, kif insejħulek tajjeb fis-Salve Regina; int il-qalb tal-Iben minfuda għall-bnedmin, għalhekk ko-redentriċi, kif jistqarr dwarek it-tagħlim tat-teoloġija tal-Knisja; int il-hena li jnissel fi qlubna l-Ispirtu Qaddis, għalhekk “gratia plena”, mimlija b’Alla, mimlija bl-Imħabba, mimlija bil-Ġustizzja, mimlija bil-Qdusija, bix-xieraq għalhekk tissejjaħ Santa Marija.

 

Għax Santa Marija ssejjaħlek dil-ġemgħa

miġbura madwarek dal-għodu u f’kull ħin,

kif fik il-ġustizzja bikrija ta’ Alla

inżergħet u feġġet ix-Xemx għall-bnedmin.

 

Għax Santa Marija meqjusa mis-Sema

li niżel fi ħdanek fil-milja taż-żmien,

bik ferħet id-dinja mitlufa f’stennija

kif sebħet il-grazzja u mliet kullimkien.

 

Għax Santa Marija l-festa ta’ Malta

miżmuma minn dejjem fid-damma tal-jiem,

fil-ħlewwa ta’ Art li b’isimha għanietna,

fl-imħabba ta’ niesna, bla temma, fis-sliem.

 

“Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek, int u l-arka tal-qawwa tiegħek” (Salm 132:8).  Kellu raġun Sant’Antnin ta’ Padova jissellef il-kliem tas-salmista fil-festa tal-Assunta u jħares lejha bħala l-arka, l-Arka l-ġdida, li ġġorr fiha l-Verb etern ta’ Alla fi tliet xhur tqala lejn qaribtha Eliżabetta b’tifkira tad-dar ta’ Obed fejn straħet l-Arka qabel ittieħdet Ġerusalemm lura (ara 2 Sam 6:9-14).

 

L-Arka tal-injam tal-gażżi, żewġt idriegħ u nofs twila u driegħ u nofs wiesgħa u driegħ u nofs għolja.  Indurata b’deheb safi minn ġewwa u minn barra, b’dawra tad-deheb.  B’erba’ ħolqiet tad-deheb imdewweb għall-erba’ saqajn tagħha, u żewġ ħolqiet għal naħa u żewġ ħolqiet għan-naħa l-oħra.  B’lasti tal-injam tal-gażżi indurati bid-deheb, bil-ħoloq biex tinġarr.  B’għatu tad-deheb fin, żewġt idriegħ u nofs twil u driegħ u nofs wiesgħa.  B’żewġ kerubini tad-deheb battut, magħmula fiż-żewġ truf tal-għatu, wieħed fuq din in-naħa u l-ieħor fuq in-naħa l-oħra, maħruġin ’il barra mill-għatu, bi ġwenħajhom miftuħa ’l fuq u  jgħattu bi ġwenħajhom l-għatu, b’wiċċhom lejn xulxin, u jħarsu lejn l-għatu.  Jekk l-Arka tal-Patt il-Qadim, kif insibu fil-ktieb tal-Eżodu, kienet dan il-ġmiel kollu, kemm iktar l-Arka tal-Patt il-Ġdid li fiha kien hemm jgħammar u li minnha ħa l-ħajja umana l-Verb Divin, Alla magħmul bniedem għalina!  Jekk kellu jkun l-Ispirtu ta’ Alla, bil-ħila, id-dehen, l-għerf u s-sengħa biex fassal u ħadem għall-poplu ta’ Israel l-Arka tal-Preżenza fl-injam, kemm iktar kellu jkun l-Ispirtu ta’ Alla li jfassal u jaħdem għall-poplu l-ġdid il-ġuf safi ta’ Marija Santissma, l-Arka tal-Preżenza tal-Iben il-Waħdieni ta’ Alla!  U kif seta’ qatt dan il-ġisem immakulat tal-Verġni Mbierka jara t-taħsir meta minnu jtir – jekk qatt kien tar! – in-nifs tal-ħajja?  Għalhekk Marija, minn dejjem Immakulata, ma setgħetx ħlief ’il quddiem tkun bir-ruħ u l-ġisem fis-Sema Assunta.

 

Araw b’liema qawwa San Robertu Bellarmino jiddefendi t-Tlugħ fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem tal-Verġni Marija: “Min jista’ qatt jemmen li l-arka tal-qdusija, l-għamara tal-Verb, it-tempju tal-Ispirtu s-Santu, waqa’ frak?  Lanqas qatt ma nasal biex naħseb li dak il-ġisem verġinali li ta l-ħajja lil Alla, wildu, għajxu, ġarru, jew sar irmied, jew ġie mogħti bħala ikel lid-dud!”.  Il-ħdan tal-Verġni, jgħidilna Sant’Atanasju, Isqof u Duttur tal-Knisja, “li għamlu qisu strument propju tiegħu biex fih jgħammar u fih jidher fostna”.  U San Franġisk ta’ Assisi, jistqarr San Bonaventura fil-Legenda Maior Sancti Francisci, biex jagħtik ġieħ kbir, Santa Marija, kien isum b’devozzjoni liema bħalha mill-festa tal-Appostli San Pietru u San Pawl sal-festa tat-Tlugħ tiegħek fis-Sema, festa ċċelebrata qabel is-seklu sitta, imniżżla fil-jum tal-15 ta’ Awwissu mill-Imperatur Biżantin Mawrizju u li f’qasir żmien ittieħdet mid-dinja kollha.

 

Jistqarr Ġwanni fil-gżira ta’ Patmos fis-sena 90 wara Kristu fl-Apokalissi: “Minnufih ħassejtni merfugħ fl-Ispirtu, u rajt…” (4:2). “Meta d-Dragun ra li safa mwaddab għal fuq l-art, huwa telaq għal wara l-Mara li wildet it-Tifel.  Iżda lill-Mara tawha ż-żewġ ġwienaħ tal-Ajkla l-kbira biex ittir lejn il-post tagħha fid-deżert, fejn għandha tkun mitmugħa għal żmien, għal żewġ żminijiet, u għal nofs żmien, ’il bogħod  mis-Serp” (12:14-15)…  “U  d-Dragun imtela bil-korla għall-Mara, u mar biex jagħmel gwerra mal-bqija ta’ nisilha, ma’ dawk li jħarsu l-preċetti ta’ Alla u li għandhom ix-xhieda ta’ Ġesù” (12:18).

 

Naqraw f’Omelija antika fuq is-Sibt qaddis tal-Għid il-Kbir: “Qum, nitilqu minn hawn.  L-għadu ġagħlek toħroġ mill-Għeden; imma jien se nqiegħdek mhux fi ġnien tal-art, imma fuq tron fis-Sema.  L-għadu firdek minn siġra li kienet biss xbieha tal-ħajja; imma ara, jien, il-Ħajja, issa ninsab ħaġa waħda miegħek.  Fl-imgħoddi qegħedtlek il-kerubini qishom qaddejja tiegħek biex iħarsuk; issa nagħmel li l-kerubini, b’mod li jixraq lil Alla, jagħtuk il-qima tagħhom.  Jien ħejjejtlek it-tron tal-kerubini; dawk li se jwassluk hemm huma lesti u qegħdin jistennewk; bnejtlek il-post fejn se toqgħod; għandek l-ikel imħejji; it-tinda tiegħek ta’ dejjem mgħammra u mżejna; it-teżori ta’ kull ġid huma miftuħa għalik; is-saltna tas-Sema tħejjietlek sa minn dejjem”.  U jekk dan kollu huwa minnu għall-proġenitura li twaqqgħet fil-jasar tad-dnub, kemm jgħodd u bil-wisq iktar għall-Immakulata, Omm il-ħajjin kollha, u għalhekk Assunta!

 

Tistqarr, bir-raġun eżistenzjali kollu, il-Kostituzzjoni Pastorali dwar il-Knisja fid-Dinja tal-Lum, marbuta mas-Solennità tal-Immakulata, li “l-ogħla raġuni tad-dinjità tal-bniedem qiegħda fis-sejħa li hu għandu biex jikkomunika ma’ Alla.  Din is-sejħa li Alla jagħmillu… bdiet mal-ħolqien tiegħu; għax jekk il-bniedem jeżisti, huwa jeżisti biss minħabba l-fatt li Alla ħalqu għax iħobbu u jżommu ħaj għax jibqa’ dejjem iħobbu.  U l-bniedem ma jgħixx għal kollox skont il-verità jekk ma jagħrafx liberament din l-imħabba ta’ Alla u jagħti ruħu lil Dak li ħalqu” (19).

 

Tilma quddiemna għalhekk il-Verġni Mbierka bħala sejħa għad-dinjità tar-ruħ umana – Verġni purissma qabel it-twelid: Tota pulchra –; sejħa għad-dinjità tal-ġisem uman – Verġni purissma wara t-twelid: Assumpta –; sejħa għad-dinjità tal-persuna umana – Verġni purissma fit-twelid: Mater Dei.

 

Imma ħa nidħlu fit-test propju tad-Domma tal-Assunta, li tħaddan b’għożża l-Kostituzzjoni Appostolika tal-Papa Piju XII Munificentissimus Deus u li ġġib id-data tal-1 ta’ Novembru 1950: “Nippronunzjaw, niddikjaraw u niddefinixxu bħala domma minn Alla rrivelata illi l-Immakulata Omm Alla, dejjem Verġni Marija, meta għalqet iż-żmien tal-ħajja fuq l-art, kienet imtellgħa fil-glorja tas-Sema bir-ruħ u l-ġisem” (Denzinger, 3903).

 

“Missirijiet il-Knisja u l-għorrief kbar tagħha, fl-omeliji u t-talb tagħhom f’jum il-festa tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija”, tgħidilna l-istess Kostituzzjoni Appostolika, “jitkellmu fuq dan il-misteru bħala verità magħrufa minn dejjem u milqugħa mill-Insara kollha.  Huma jgħarblu sewwa dan il-misteru u juru t-tifsir sħiħ tiegħu hekk li aħna nifhmu malajr li din il-festa mhux biss tfakkar li l-ġisem mejjet tal-Verġni Marija qatt ma ra t-taħsir tal-qabar, imma tfisser ukoll li Marija kisbet rebħa sħiħa fuq il-mewt, u għalhekk tgħolliet għall-glorja tas-Sema, glorja bħal dik ta’ l-Iben il-waħdieni tagħha”.

 

Imtellgħa fis-sema fost l-għana tal-qtajja’

ta’ anġli smewwija, t’erwieħ qaddisin,

li jsebbħu l-Ġenna bil-ħajja tal-grazzja

li dlonk saret glorja u magħha mħaddnin.

 

Imtellgħa għax ħielsa mill-qabar tad-dinja

li jgħakkes lill-bniedem fir-reżħa tad-dlam,

mogħnija bil-ħajja glorjuża tal-Iben

li mejjet kien, imma rebbieħ Huwa qam.

 

Imtellgħa minkejja li f’qalbna ser tibqa’

għax inti għalina s-sens ta’ kull żmien;

kemm jitlef il-poplu li jinsa tjubitek

li biha trid tgħaqqdu bħal darba flimkien.

 

Imtellgħa b’ħarsitna merfugħa fid-dija

ta’ ġmielek li nxtered u nfexx kullimkien,

hekk kif bħal f’titjira ħafifa grazzjuża

dħalt fl-hena ta’ dejjem bħal qamar fiddien.

 

Hemm jilqgħek sibt bilġri l-Missier wisq setgħani

li rak sa mill-bidu sabiħa bla qies

u għannqek b’tgħanniqa li fakkret is-sejħa

li biha kien għażlek għalih minn tant nies.

 

Hemm jilqgħek sibt issa jistenna wkoll l-Iben

waħdieni ta’ Alla u minnu maħtur

li b’qalbu minfuda bi mħabba għall-bniedem

mar jerfgħu mill-art fejn kien sabu magħtur.

 

Hemm jilqgħek l-Ispirtu sibt f’għaxqa ta’ tjieba

li biha kien ħejja s-safa u l-ġieħ

li fihom id-dinja rat dawl bħal qatt qabel

fis-satra u l-ħemda ta’ lejl wisq sabiħ.

 

“L-Għerf waħdieni ta’ Alla għamel kollox u ħalaq kollox”, jinsisti l-Isqof Sant’Atanasju f’wieħed mid-diskorsi tiegħu kontra l-Arjani.  “Hemm miktub: ‘Kollha bl-għerf għamilthom l-għemejjel tiegħek, mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek’.  Alla ried li mhux biss jaħlaq kollox, imma ried ukoll li kulma jaħlaq ikun sewwa, għalhekk il-Għerf tiegħu resaq lejn il-ħlejjaq, biex fihom kollha u f’kull waħda minnhom iħalli xbieha sura tiegħu, ħalli b’hekk jidher ċar li kulma sar, sar skont l-għerf u kien jixraq ’l Alla”.  Issa jekk dan hu minnu għal kull kreatura, kemm jixraq iktar għal dik li sema u art ma setgħux jesgħuha, għax l-għamara li fiha ġiet maħsuba u mixtieqa kienet l-għamara ta’ Alla.  Santa Marija.  Imwaħħda mal-Verb fil-Missier u l-Verb imwaħħad magħha fl-opra tal-ħolqien ta’ jdejh.  Miraklu ħaj u meravilja li tieħu n-nifs mir-Ruħ ta’ Alla l-Qaddis!  L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jissejjaħ Bin il-Għoli.

 

Ikompli jwessa’ l-istess ħsieb il-Papa San Girgor il-Kbir f’wieħed mill-kotba tal-Morali fuq Ġob: “San Pawl, meta qies l-għana tal-għerf tas-Sema li bih kien imfawwar u mbagħad qies li kellu ġisem li kien għad irid jara t-taħsir, qal: ‘Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar’.  F’Ġob, meta din il-ġarra tal-fuħħar kienet kollha ġrieħi u nfafet, it-teżor tal-għerf mis-Sema baqa’ sħiħ fih.  Minn barra kien kollu muġugħ minħabba ġrieħi u nfafet ma’ ġismu kollu, imma minn ġewwa t-teżor tal-għerf tas-Sema qatt ma naqas, u minn fommu kien joħroġ kliem mimli tagħlim”.

 

“Aħna mitna ma’ Kristu”, jissokta l-Isqof San Ambroġ fit-Trattat fuq il-ħarba tad-dinja; “qegħdin inġorru fil-ġisem tagħna l-mewt ta’ Kristu, biex fina tidher ukoll il-ħajja ta’ Kristu.  Mela m’aħniex ngħixu iżjed il-ħajja tagħna, imma l-ħajja ta’ Kristu, il-ħajja tal-innoċenza, tas-safa, tas-sempliċità u ta’ kull virtù.  Jekk qomna ma’ Kristu, infittxu li ngħixu fih u nintrefgħu ’l fuq miegħu, ħalli riġlejna ma jibqgħux mal-art fejn jistgħu jingidmu mis-serp”.  U għal dan il-għan jiġbidna l-ktieb ta’ Bin Sirak fil-bidu tiegħu meta jgħid li “il-biża’ tal-Mulej hu ġieħ u tifħir; hu ferħ u kuruna ta’ hena.  Il-biża’ tal-Mulej hu l-għaxqa tal-qalb; jagħti ferħ u hena u ħajja twila.  Min jibża’ mill-Mulej ikollu tmiem tajjeb; u jkun imbierek fl-aħħar jum ta’ ħajtu”.  Xhieda ta’ dan kien il-kbir Mosè li “tela’ ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: ‘Rajtu intom x’għamilt lill-Eġizzjani, u kif lilkom tellajtkom fuq il-ġwienaħ tal-ajkli u rassaqtkom lejja.  Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi.  Intom tkunu għalija saltna ta’ qassisin u poplu qaddis’.  Dan hu l-kliem li tgħid lil ulied Israel” (Eż 19:1-19).  Fuq ġwienaħ il-ajkli u ressaqna lejh!  Biex inkunu nazzjon qaddis, poplu miksub.

 

X’sejħa għandu l-poplu Malti kollu, mill-kbir saż-żgħir!  Għax il-kawża hija ta’ Alla u ma tistax tintilef.  Għajb għan-Nazzjon għażiż tagħna jekk jitlef dan iż-żmien ta’ issa, iż-żmien tas-sejħa, iż-żmien ta’ grazzja, iż-żmien tal-familja, iż-żmien tal-libertà reliġjuża, iż-żmien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem…  Xi jsir minnu dan in-Nazzjon għażiż tagħna, li nilmħuh diġà mill-bogħod fil-ħsieb ħanin ta’ Alla kif itarraf il-ktieb ta’ Bin Sirak – “bi ħsiebu biss hu sikket qiegħ il-baħar, u ħawwel ġo fih il-gżejjer” (43:14-37) – jekk itellef il-kawża ta’ Alla!  “Innissel mibegħda bejnek u bejn il-Mara, bejn nislek u nisilha, hu jisħaqlek rasek”…  Kemm jitwieżnu sewwa dawn il-kliem f’widnejna, x’xorti għandu l-ġejjieni ta’ pajjiżna meta jisma’ b’din il-wegħda ta’ Alla li ma jafx iqarraq, x’ġid jaf joħroġ mill-ħarsien sħiħ tal-liġi ta’ Alla!  Il-marbut fih innifsu jsib il-ħelsien, il-marid fir-ruħ is-saħħa, min fit-tilwim jitħabbeb u għalenija jimxi l-poplu Malti, bħala nazzjon qaddis, poplu miksub.  Poplu ta’ eżempju għall-popli kollha.  Għax il-ħarsa tiegħu hija ’l fuq lejn Alla, bħal dik ta’ Santa Marija.

 

Mara ta’ fidi li fik dubju qatt daħal

biex jifxel fiċ-ċpar ta’ dik ruħek id-dija,

għax sħiħa żammejt int mal-kelma ta’ Alla

li raddlek il-ġieħ, kbira Santa Marija.

 

Mara ta’ tama li fik jidwu tamietna

f’dinja bla sabar u bid-dalma mifnija,

għax int ħarist dejjem bla waqfa lejn Alla

li minnu l-għerf ġbart, kbira Santa Marija.

 

Mara ta’ mħabba li fik nikta qatt dehret

għax ħriġt minn fomm Alla bil-grazzja mimlija,

hekk b’dan il-kobor ta’ żina u qdusija

dejjem fuq fommna, kbira Santa Marija.

 

Mara ta’ fidi meta tistaqsi fil-għoġba: “Kif ser ikun dan ladarba ma nagħrafx raġel?”?  U għax propju fil-għoġba tas-seħer tal-misteru li Marija tidher fil-kobor tal-fidi tagħha f’Alla li minnu qatt ma ddubitat u li fih dejjem tħaddnet permezz tal-grazzja… u quddiem Gabrijeli qalet l-Iva tagħha.

 

Mara ta’ tama meta sejf jinfdilha qalbha biex jinkixfu l-fehmiet ta’ bosta?  U għax propju t-tama tagħha kienet biss f’Alla ta’ Israel, Alla ta’ missirijietha, li hi żammet sħiħa sal-aħħar quddiem kull tħarrika tal-Ispirtu Qaddis fiha… u quddiem Xmuni qalet l-Iva tagħha.

 

Mara ta’ mħabba meta tara dik il-moħqrija f’dak il-ġisem li tnissel fiha u tatu l-ħajja?  U għax propju hi l-omm li l-iktar taf x’inhi l-imħabba li tista’ tissejjaħ hekk fuq kull omm umana oħra u għalhekk fuq il-Għolja tal-Fidwa taċċetta li tkun omm il-ħajjin kollha… u quddiem Ġwanni qalet l-Iva tagħha.

 

Bħal mitmuma imma wieqfa,

bqajt imħaddna mas-Salib

illi fuqu l-Iben t’Alla

ried li l-fidwa tagħna jġib.

 

Bħal f’kbir’għajta imma siekta

tajt lid-dinja messaġġ kbir,

li fil-ħemda tar-ruħ ħiemda

tista’ r-Rieda t’Alla ssir.

 

Bħal intilef imma ntrebaħ

il-pjan t’Alla għall-bnedmin,

b’għaġeb kbir għall-għadu ħajjen,

minn midinba wlied henjin.

 

Bħal intfiet imma mixgħula

baqgħet tilma l-virtù fik,

għax l-imħabba qatt ma waqfet

w issoktat il-ġieħ tagħtik.

 

Bħal mitluqa imma qawwija

dhert fuq l-Għolja tal-barkiet,

hemm fejn l-Iben tak il-ħniena

tal-imfietaħ tas-Smewwiet.

 

Nilmħu fik l-innu għall-ħajja, Santa Marija, mill-bidu nett tat-tnissil tagħha sat-temma li tiġborha b’dinjità fil-qabar.  Ġieħ lejn il-ħajja fil-kors tal-mixja tagħha u għalhekk fil-ħarsien sħiħ u bla heda minn dawk responsabbli għal-libertà umana u reliġjuża tagħha.  Xejn ma jieħu l-post ewlieni tal-bniedem li Alla ħaseb għalih minn meta ħalqu, u xejn ma jiġi fuqu fil-ħabi tad-diplomazija.  Għax is-Sibt hu għall-bniedem u mhux bil-kontra.  Ma jagħmilx sens u ta’ stmerrija kull tip ta’ jasar bl-iskuża li n-nazzjon għandu jirbaħ.  Quddiem il-ġid veru tal-bniedem trid tinżel kull bandiera hekk kif bi mħabba bla tarf lejh għamel l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, il-bniedem per eċċellenza, li biex jgħollih ’il fuq, fuq ġwienaħ l-ajkla, ma qies xejn li hu daqs Alla imma tneżża’ minn kollox billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bniedem, ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib… u Alla għollieh u miegħu lil kull bniedem li jiġi fid-dinja, u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù, fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art kull ilsien jistqarr: Ġesù Kristu hu l-Mulej u fih kull bniedem bil-libsa l-ġdida tat-tieni ħolqien, fil-Magħmudija, għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

 

Santa Marija mtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, int tixhed quddiem kull idea falza ta’ ġisem il-bniedem għas-sbuħija li Alla ħażżeż fih meta ra li kollox kien sewwa ħafna.  Il-ġisem li mhuwiex propjetà tal-bnedmin imma don meraviljuż tal-Ħallieq li tah il-ħajja; il-ġisem li mhuwiex magħmul biex jistagħna fil-ġid u bih dlonk jikrieh, imma biex jingħata u jisbieħ; il-ġisem li mhuwiex oġġett ta’ dnub imma tempju tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla.  Tilma int għalhekk, Santa Marija, quddiem id-dinja tal-lum li kasbret din il-ġawhra prezzjuża li hu l-ġisem li jterraq fi ħdanha, bħala sinjal ewlieni tal-qdusija li mhux għajr l-Imħabba ta’ Alla li dehret fostna fil-ġisem glorjuż tal-Iben, fil-ġisem li ħa mingħandek ix-xbieha, u fiH, fil-ġisem ta’ kull kreatura umana.

 

Kif toqtol lil min ma għandux vuċi biex jastieni għall-mewt qerrieda?  Kif toqtol u tieħu b’idejk il-proġett li Alla mmarka fuq kull ruħ umana?  Kif toqtol meta tmidd idek fuq ħajjet ħaddieħor meta lanqas fuq tiegħek innifsek ma ngħatalek id-dritt li teħodha?  U hekk issir qattiel, avolja tiddejjaq li tiġi hekk imsejjaħ.  Ħares, jekk inti għadek taħsibha, lejn il-ġmiel li ttajjar minnha Santa Marija, dik li kollha kemm hi sabiħa bħala l-omm u l-bint, ix-xebba u l-għarusa, Tota Pulchra kif issejħilha l-Knisja, għax propju fil-ġisem tagħha dehret il-milja tal-grazzja ta’ ruħha.  Għax il-ġisem hu l-mera ta’ dak li hemm ġewwa fina.  Mhux ta’ b’xejn il-Knisja tgħallem u tgħolli d-dinjità tal-ġisem tal-bniedem meta tħares lejh bħala l-benniena tal-ħajja, ta’ dak li hu virtù li jitwassal għall-milja fil-glorja, għax il-bniedem li jgħix – hekk tgħid l-Iskrittura – hu l-glorja ta’ Alla, hekk kif Kristu kien jikber fiż-żmien, fl-għerf u l-grazzja, għax il-grazzja hi l-glorja fl-eżilju waqt li l-glorja hi l-grazzja li waslet f’darha.  Gratia Plena, Benedicta!  

 

Imbierka tagħrfek id-dinja

li għollietlek tempji sbieħ,

xhieda ħajja ta’ qdusitek

li minn ruħek rħiet qatigħ.

 

Imbierka tagħrfek il-Knisja

li matul iż-żminijiet

xandret fis dik l-aħbar tajba

tat-Tlugħ tiegħek fis-Smewwiet.

 

Imbierka tagħrfek Gżiritna

sa mill-bogħod u l-eqdem żmien

għax ħassitek tant qrib tagħha

f’kull mument li hu, li kien.

 

Imbierka tagħrfek din beltna

f’dik il-ħeġġa tal-Mostin

li jqimuk b’kull raġun f’qalbhom

bħal Sultana tal-Maltin.

 

Sejħilna mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb, iddestinana minn qabel biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba, daħħalna max-xorti tal-qaddisin fid-dawl, ħelisna mill-ħakma tad-dlamijiet (Kol 1:12-13); ulied Alla bla tebgħa f’nofs ġenerazzjoni ħażina u qarrieqa, li fiha għandkom tiddu bħal kwiekeb fis-sema (Fil 2:14-15).

 

“…Għax kif dawk li jimxu fid-dawl jirċievu d-dawl, hekk dawk li jimxu wara s-Salvatur jieħdu s-salvazzjoni”, hekk l-Isqof San Irinew fit-Trattat tiegħu “Kontra l-ereżiji”, u jkompli: “Mhux min hu fid-dawl idawwal lid-dawl, imma hu d-dawl li jiddi fuqu u jdawwal lilu; hu ma jagħtih xejn lid-dawl; għall-kuntrarju, huwa d-dawl li jagħti lilu l-ġid tad-dija tiegħu.  Hekk jiġri meta nagħtu s-servizz tagħna lil Alla.  Lil Alla ma nkunu nagħtuh xejn, u anqas hu ma għandu bżonn il-qadi tagħna; imma lil dawk li jimxu warajh u jaqduh, huwa jagħtihom il-ħajja li ma titħassarx u l-glorja ta’ dejjem; fuq dawk li jaqduh u jimxu warajh, huwa jxerred il-ġid tiegħu għax ikunu jaqduh u jimxu warajh; iżda huma lilu ma jżidulu xejn, għax huwa l-għani, għandu kollox u ma jonqsu xejn”.

 

Kemm tkun isbaħ il-Knisja kieku kellha tassew tkun “Lumen Gentium” kif sejħilha l-Konċilju!  Knisja li l-Apokalissi diġà kienu ħabbru x’setgħet titlef jew tħaddan fiha: il-Knisja ta’ Efesu: knisja li tilfet l-ewwel imħabba (Apok 2:1-7); il-Knisja ta’ Pergamu: knisja li tittollera l-idolatrija (Apok 2:12-17); il-Knisja ta’ Tjatira: knisja li ċediet għall-kompromess (Apok 2;18-29); il-Knisja ta’ Sardi: knisja rieqda (Apok 3:1-6); il-Knisja ta’ Laodiċija: knisja fietla (Apok 3:14-22); il-Knisja ta’ Żmirna: knisja ppersegwitata u fqira (Apok 2:8-11); il-Knisja ta’ Filadelfja: knisja ċkejkna imma fidila (Apok 3:7-13).  Tidħol tajjeb hawn it-twissija ta’ Pawlu lill-Galatin: “Dak li bniedem jiżra’, dak jaħsad.  Min jiżra’ f’ġismu, jaħsad mill-ġisem it-taħsir; min jiżra’ fl-ispirtu, jaħsad mill-ispirtu l-ħajja ta’ dejjem” (Gal 6:7b-8).

 

Id-Dokument tal-Konċilju fuq il-Knisja jtemm it-tagħlim tiegħu billi jħares lejn Marija Omm Ġesù fis-Sema fejn hi diġà fil-glorja bir-ruħ u l-ġisem, bħala “il-bidu u x-xbieha tal-Knisja kif għad tkun fil-milja tagħha fiż-żmien li ġej”, u sakemm jasal dak li Pietru jsejjaħlu Jum il-Mulej (2 Piet 3:10), l-Assunta titqies bħala “sinjal jiddi ta’ tama żgura u ta’ faraġ għall-poplu ta’ Alla fil-mixja tiegħu lejn is-Sema” (68).

 

Mas-salib imdendel, mifni

għal ħtijietna l-bnedmin,

li bil-ħeffa mingħajr għaqal

nisġu l-ħtija tad-dgħajfin.

 

Mas-salib glorjuż li rebaħ

fuq il-qerda tal-qarrieq,

hemm fejn deher it-trijonf t’Alla,

fejn il-bniedem straħ għax fieq.

 

Mas-salib tal-Iben t’Alla

xrift glorjuża wkoll, Marija,

għax min bħalek fost in-nisa

għen daqstant fl-akbar tisfija!

 

Mas-salib li lkoll inġorru

fit-triq tad-dixxipulat

niksbu r-rebħa tal-imħabba

għax qawwija daqs il-blat.

 

Min hija din li tielgħa mid-deżert, tielgħa mistrieħa fuq il-maħbub tagħha?  San Bonaventura japplika dan il-kliem tal-Għanja tal-Għanjiet (8:5) għall-Assunta bir-ruħ u l-ġisem.  Min hija din jekk mhux dik li l-Apokalissi jsejħilha “Mulier amicta sole, luna sub pedibus eius et in capita eius corona stellarum duodecim”.  U l-ktieb ta’ Bin Sirak (42:15-43:13) jikkummenta: “Ix-xemx, hi u tielgħa, ixxandar kemm hi tal-għaġeb: għemil ta’ Alla l-Għoli.  F’nofsinhar hi tikwi wiċċ l-art; is-sħana tagħha min jiflaħ għaliha?  Min ikebbes il-forn jaħdem fi sħana qalila; imma x’xemx taħraq tliet darbiet aktar il-għoljiet!  Hi tarmi ilsna tan-nar; bid-dija tagħha tgħammex il-għajnejn.  Kbir il-Mulej li għamilha; għall-kelma tiegħu hi tiġri fil-mixja tagħha.  Għamel ukoll il-qamar biex jiddi f’waqtu, sinjal dejjiemi biex juri ż-żminijiet.  Mill-qamar jidhru jiem il-festi; dawlu jonqos wara li jaqdi dmiru.  Mill-qamar ix-xhur jieħdu isimhom; tal-għaġeb kif jitbiddel fiż-żminijiet tiegħu.  Hu jmexxi l-eżerċti tal-kwiekeb fil-għoli, hu u jiddi fil-firxa tas-smewwiet.  Ġmiel il-kwiekeb isebbaħ is-sema, sebħhom jiddi fis-smewwiet tal-Mulej.  Bl-ordni ta’ Alla qaddis joqogħdu f’posthom; ma jorqdu qatt f’ħin il-għassa tagħhom”.

 

Mulier amicta sole – tindika lil Alla li fih biss inti tfisser dak li int, li bih biss tista’ tiftaħar għal għemil idejh fik, li għalih biss kull xewqa u ħsieb, kull pass li meddejt fit-triq tal-fidi żonqrija fih.  Mhux ta’ b’xejn li fit-teoloġija ta’ ħutna Nsara Ortodossi inti titqies bħala r-raba’ waħda fit-Trinità, bħallikieku ma nistgħux nikkontemplaw lil Alla mingħajr ma naħsbu fik, ma nistgħux nixxenqu għal Alla jekk ma nixxenqux fl-istess waqt għalik, ma nistgħux nagħtu ġieħ lil Alla jekk mhux ukoll ġieħ għalik.  U dan tgħidhulna wkoll ir-raġuni safja bla nikta ta’ raġuni oħra, għax l-imħabba tagħti lilha nfisha, amor est diffusivum sui, u toħloq dak li jixbahha.  Jekk dan jgħodd għal kull ħlejqa li ħarġet minn idejn Alla, kemm iktar għal dik li kellha tkun hi li tagħti s-sura umana lill-Verb etern ta’ Alla fil-ġuf purissmu tagħha!  U propju għax inti omm Alla, hekk minnu magħżula, ma stajtx ħlief tkun immakulata u assunta, ma stajtx tkun l-omm tal-perfezzjoni f’ġisem imperfett, la fil-bidu la fit-tmiem tiegħu fuq l-art, u għalhekk meħlusa mit-tebgħa tad-dnub u mit-taħsir tal-qabar.

 

Luna sub pedibus eius – tindika lill-bniedem, imġarraf taħt it-toqol tad-dnub, tal-jasar, tal-mewt.  Il-bniedem imkeċċi fis-suppervja tiegħu mill-isbaħ post li Alla fl-imħabba bla tarf tiegħu kien ħejja għalih biex jgħix jitpaxxa bis-sbuħija tal-ħolqien li tagħha kien magħmul sinjur, kap, ħarries, werriet.  Il-bniedem ta’ darba u tal-lum li jrid jgħix mingħajr in-nifs tal-ħajja li tah Alla meta jbarri lill-Ħallieq u jrid isir alla hu.  Il-bniedem li jaħseb li x-xemx ma titlax mingħajru, li jaħseb li kollox bih u għalih sar, hu qabel kollox u kollox miegħu qiegħed jistkenn.  Il-bniedem li jara lil oħrajn qajl bħala ħutu fl-istess pjaneta imma wisq iktar bħala konkorrenti, li jħalli f’qalbu tikber l-għira għax bħalxejn l-oħrajn jeħdulu postu u ma jibqa’ xejn għalih.  Kien għalhekk li twarrab minn ġnien il-hena.

 

Et in capita eius corona stellarum duodecim – tindika l-pont li jgħaqqad is-Sema mal-art, ma’ Alla l-bniedem mill-ġdid, ċentru fil-ħsieb etern divin kif il-kbir Dante jqisek bla tlaqliq, ċentru fl-univers li mingħajrek jitlef kull bilanċ tal-ordni li fih Alla ra li kollox kien sewwa.  U għalhekk kien li permezz tiegħek reġa’ l-univers stabbilixxa ruħu meta kien waqa’ fid-diżordni tad-dnub, hekk kif dhert fuq ix-xefaq bħala dik li n-nisel tagħha kien ser jisħaq ras is-serp infernali.  Santa Marija, il-Mara tal-Ġenesi, il-Mara tal-Apokalissi, il-Mara tal-Golgota, il-Mara tal-Fidi, il-Mara tal-Imħabba li tirbaħ fuq kull imħabba.

 

Id-domma tal-fidi fl-Assunzjoni ta’ Marija kienet ilha miktuba fil-qalb tal-Mostin li sa minn żmien qadim u mbiegħed kienu jonorawha bit-titlu ta’ Santa Marija tant li għollew il-ġieħ tagħha għal reġina.  Bid-Digriet tal-Inkurunazzjoni tat-12 ta’ Diċembru 1973, il-Papa – dalwaqt Beatu – Pawlu VI bil-parir tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin laqa’ t-talba li kienet saritlu mill-Arċisqof ta’ Malta Mikiel Gonzi imaginem illam pretiosa diademate coronandi f’ittra tat-23 ta’ Novembru tal-istess sena, u għalhekk jiddekreta li l-kwadru ta’ Santa Marija meqjum fit-tempju tal-Mosta, venerabile quidem ob antiquitatem artisque maiestatem merito habeturpretiosam coronam Nostro nomine et auctoritate imponendi.

 

Ma stajtx tkun isbaħ, o Verġni Mbierka,

kif xrift fix-xefaq minn tal-ħolqien

fejn Tota Pulchra kulħadd sejjaħlek

għax ġmielek saħħar il-ħin u ż-żmien.

 

Ma stajtx tkun itjeb fi ħlewwa bnina

li għamlet minnek omm il-bnedmin,

meta fuq l-għolja, f’salib il-fidwa,

inħtart biex miegħek tgħożżna mrekknin.

 

Ma stajtx tkun iktar bil-wisq setgħana

biex tmexxi d-dinja fir-rebħ u s-sliem

għax fik il-wegħda ta’ Alla l-Qawwi

kellha fil-milja sseħħ tal-jiem.

 

Ma stajtx tkun ogħla fl-aqwa qdusija

li tajret ruħek, ġismek flimkien

lejn Sema sbejjaħ u f’għana ħlejju

li bħalu qatt ma nstema’ mkien.

 

Il-Mosta: il-belt li tgħaqqad lil Malta flimkien.  Belt li tmur ħafna lura fl-istorja, li tgħożż bħal f’għira moħbija l-Victoria Lines, kappelli Medjevali, l-Għarusa tal-Mosta, Wied il-Għasel…  Belt mimlija ħajja żagħżugħa, ċiklisti, scouts u girl guides…  Joqgħodilha tajjeb lil din il-belt il-motto Spes alit ruricolam, l-ispirazzjoni tal-ħajja tagħha ta’ darba u wkoll tal-lum f’dik li hi bżulija.  F’nofsha mbagħad tispikka r-rotunda ta’ Ġorġ Grongnet, “bħal ġenna fejn Marija tiddi bħala l-isbaħ kewkba” fil-ħsieb tal-istess arkitett, il-knisja monumentali li waqqfu l-Mostin f’ġieħ Marija Assunta mija u ħamsin sena ilu.  Fuq xbihat il-Pantheon ta’ Ruma li jiġbor fih l-allat, tiġbor fiha meravilja Marjana.  B’koppla t-tielet l-ikbar fl-Ewropa u d-disa’ l-ikbar fid-dinja. Jekk hu minnu dak li kien qal Napuljun li kwadru waħdu jiswa daqs elf kelma, ix-xbieha tiegħek, Marija, fit-titular tiswa daqs l-Iskrittura Mqaddsa kollha għax tiġbor fik il-Liġi ta’ Alla.  Żewġ kmamar tan-nar, żewġ soċjetajiet mużikali jsebbħu l-festa waħdanija ta’ din beltna.  Mhux ta’ b’xejn minn kullimkien jinqalgħu n-nies li bi gzuz jimlew il-misraħ u l-inħawi tagħha.

 

F’jum il-festa tal-Assunta għażiż ħafna għall-Maltin,

f’jum il-festa tal-Assunta mkabbrin aħna l-Mostin.

Kewkba tiddi f’sema safi, int qawsalla tal-ħolqien,

Alla ħalqek l-isbaħ waħda, egħżeż minnek m’hemm imkien.

 

Festa li dejjem iċċelebrajna minn qabel ma sirna parroċċa fl-1608, li fiha dritt twaqqfu l-konfraternitajiet tas-Sagrament u tar-Rużarju.  L-ewwel statwa tal-Assunta tal-iskultur Mosti Mastru Salvatore Dimech fl-1868 minn zokk ta’ żebbuġa.  Fl-1860 il-festa saret għall-ewwel darba ġor-Rotunda.

 

L-Assunta l-ikbar u l-egħżeż teżor għall-Mostin u għalhekk minn żmien għal żmien lilha jagħnu bl-ikbar imħabbiet: fl-1948 statwa ta’ Ċensu Apap, fl-1952 damask ġdid tal-palma, fl-1957 bankun tal-ġewż mill-ifjen bil-bronż, fl-1985 ċintorin tad-deheb lill-istatwa, fis-sena 2000 stilel tad-deheb fil-kwadru…  Imma l-parroċċa tal-Assunta għaniet lill-Knisja bil-vokazzjonijiet u minn din l-għożża tal-Mostin daqu personalitajiet distinti, Kardinali, Isqfijiet, Patrijarki… fost eluf ta’ nies li kuljum iżuruha.

 

Bħal donnu mhemmx ifjen mid-deheb li xeraqlek

li jżejjen xbihetek fil-kwadru prezzjuż

frott l-għaraq ta’ niesna li ħasbu biex lilek

santwarju jgħollulek, għażiż, maestuż.

 

Bħal donnu mhemmx eħlew mill-għanja fl-akkordji

li jgħaqqdu flimkien l-innu marċja għalik

miktuba minn qalbna iktar milli minn moħħna,

bħal stilel maħlula w marbuta ġo fik.

 

Bħal donnu mhemmx isbaħ minn nar kbir tal-ajru

jew minn dak tal-art magħmul b’sengħa mill-qlub

li b’qima noffrulek fil-festa ta’ ġieħek

li qatt mill-memorja ta’ wliedna ma jdub.

 

Il-Mosta: il-belt ta’ Marija, li riedet li l-ħarsien tagħha fuqha jibqa’ stampat għal dejjem fil-koppla mċarrta b’bomba li ma splodietx fit-Tieni Gwerra Dinjija.  Mijiet minn ħutna miġbura għat-talb kienu meħlusa!  U meħlus mill-ġuħ u l-għera kien il-poplu ta’ Malta u Għawdex kollu fil-Konvoj bix-xieraq imsejjaħ ta’ Santa Marija.  Għax kien propju fil-15 ta’ Awwissu li l-Ohio, l-uniku tanker essenzjali għall-ilma tax-xorb, rebaħ kull għadu mill-ajru, mill-baħar u taħtu u daħal jitkaxkar fil-Port il-Kbir… iwassal petrol lill-ajruplani u trasport, għad-dawl u tisjir, diżil għall-pompi fil-bjar… it-tieni ta’ Malta assedju l-kbir!  Rebħa fuq l-iktar attakki konċentrati mill-ajru fl-istorja tad-dinja, l-ammirazzjoni ta’ popli ċivilizzati.  Għalhekk  il-GeorgCross, fil-15 ta’ April 1942, mir-Re Ġorġ biex jingħata ġieħ lil niesha qalbiena lill-Gżira Fortizza ta’ Malta, xhieda ta’ eroiżmu u qlubija li mal-medda taż-żmien tibqa’ tissemma’.

 

Ma kienx biss dak id-dħul tant mistenni

tal-vapur li ġabilna l-ħajja,

bħalma darba ġiet fostna l-fidi

meta l-grazzja żżerżqet mal-bajja…

 

Ma kienx biss il-ħelsien mill-għedewwa

li bħal riedu jixħtuna fil-jasar

meta rajna l-id tiegħek żmien ilu

u l-ġustizzja għarrqithom fil-baħar…

 

Kienet rebħa wisq ikbar għall-bniedem

it-Tlugħ tiegħek fis-Sema, Marija,

għax tamietu fil-ħajja ta’ dejjem

sabet fik iċ-ċertezza żonqrija.

 

Tista’ ssemmi l-Mosta mingħajr ma ssemmi l-Kungress Ewkaristiku li fid-dinja baqa’ jissemma!  Domenico Azzopardi, wieħed mill-awturi li ġabru l-ġrajjiet kollha fi ktieb fuq il-Kungress ta’ Malta, dan għandu x’jgħidilna: “Il-lok ta’ din il-ġemgħa Nisranija kellu jkun tempju, li fl-għamla tiegħu, fis-sengħa li biha ġie maħdum, fil-qdusija li jiġbor fih, kellu jibqa’ tifkira tal-fidi u tas-sagrifiċċju tal-poplu Nisrani, tifkira tal-qalb u tal-inġenju Malti, u aħjar mill-knisja tal-Mosta ma kienx jista’ jinsab ieħor f’Malta. Knisja l-aktar wiesgħa, mibnija mill-għaraq tal-poplu, li kollox jissagrifika għar-Reliġjon tiegħu, knisja fl-għamla tonda tagħha simbolu tal-Ostja kif ukoll tad-dinja, għalhekk denja weħidha li tilqa’ Kungress miġbur għall-ġieħ ta’ Ġesù Ostja mid-dinja kollha”.

 

Mitt sena għaddew minn fuq il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali, l-24 wieħed li kellu jiġi ċċelebrat għall-ewwel darba f’pajjiżna u propju fil-Mosta.  Ir-Rotunda tagħna fetħet il-bibien tagħha biex tilqa’ fiha numru kbir ta’ saċerdoti u dinjitarji oħra tal-Knisja flimkien ma’ nies distinti oħra li ġew għal dan l-avveniment u li fiha saru s-seduti ġenerali kollha ta’ dan il-Kungress magħruf, avveniment uniku.  Mibgħut mill-Papa San Piju X li kien hu li sejjaħ għal din il-ġrajja, il-Kardinal Domenico Ferrata, Prefett tal-Kongregazzjoni tas-Sagramenti, miżmum bi stima kbira mill-poplu Malti kif ukoll mill-Awtoritajiet Ingliżi ta’ dak iż-żmien, ingħaqad mal-Kardinali Bourne, Lualdi, Nava u ma’ 57 arċisqof u isqof mid-dinja Kattolika li lkoll intlaqgħu b’għożża fir-Rotunda u mill-qalb ferħana tal-poplu tagħna.  Festi kbar lil Ġesù Ewkaristija li bqajna nfakkruhom u nħarsu lejhom mill-bogħod b’nostalġija.  Kull darba li nterrqu minn Triq il-Kungress Ewkaristiku, isem li ħa post Strada Nuova Valletta, qisu bħal nimirħu mill-ġdid fis-seħer ta’ dak il-ġmiel, ta’ dik il-ġrajja s-sena l-oħra ċentenarja.  Triq li għall-okkażjoni kienet imsaqqfa ma’ tulha b’festuni mill-isbaħ.

 

X’ma ħallietx qrib dil-ġrajja kbira

għalkemm wisq tar u għadda ż-żmien,

l-imħabba għall-Ewkaristija

qatt m’għebet f’tarf xefaq l-ilwien!

 

X’ma jdumx ma jgħib minn quddiem moħħna

is-seħer kbir ta’ dawk il-jiem

li b’bosta ġieħ niesna għaddewlna

mill-bidu nett sat-tarf tat-tmiem!

 

X’ma jinfexxux fi dmugħ għajnejna

għad-dehra rżina tal-Mostin

li laqgħu b’qalb tgħum fit-tjubija

kemm lill-Maltin u ’l-barranin!

 

X’ma nitkabbrux meta r-Rotunda

b’sinjal għall-ġnus tal-bogħod, tal-qrib,

magħżula ġiet biex fiha tilqa’

il-frott tal-fidwa tas-Salib!

 

U x’ma nifirħux aħna l-Mostin b’din il-ġrajja storika meta hi l-Ewkaristija li tfakkarna li x-xorti ta’ Marija Mtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem ser tkun ukoll ’il quddiem ix-xorti tagħna.  Isimgħu kif jispjega din il-verità l-Isqof San Irinew fit-Trattat tiegħu “Kontra l-Ereżiji”: “Għalhekk ġisimna, li tmantna bl-Ewkaristija, midfun fl-art fejn isir trab, meta jasal il-waqt, jerġa’ jqum mill-art, għaliex il-Verb ta’ Alla jagħtih il-qawmien mill-imwiet, għall-glorja ta’ Alla l-Missier, li jlibbes bin-nuqqas ta’ taħsir dak li jitħassar u bl-immortalità dak li jmut”.

 

U għalhekk, fl-aħħar ta’ din il-ġabra ta’ għana ferrieħi għalik, kbira Santa Marija, x’hemm isbaħ u mimli b’tant tifsira mit-talb ħerqan li l-Knisja tmur tagħmel lil Alla bl-interċessjoni qawwija tiegħek fil-Liturġija tas-Sigħat iddedikata lilek, fejn hi tagħrfek l-ewwel u qabel kollox bħala Assunta, u fl-istess waqt Immakulata, Glorjuża, Omm tagħna, Mimlija bil-grazzja, Omm Ġesù, Sultana…  Hekk titlob għall-merti tiegħek il-ġemgħa tal-Knisja: “O Alla, li tagħmel l-għeġubijiet, int tellajt fis-Sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa Marija, u seħibtha ma’ Kristu fil-glorja, ibqa’ mexxi l-qlub ta’ wliedek sa ma jaslu fl-istess sebħ; Int, li tajtna lil Marija bħala ommna, bit-talb tagħha fejjaq il-morda, farraġ l-imnikktin, aħfer lill-midinbin: agħti lil kulħadd is-salvazzjoni u s-sliem; Int sawwabt fuq Marija l-milja tal-grazzja: ferraħ lilna wkoll bil-kotra tal-grazzji tiegħek; Żomm il-Knisja tiegħek magħquda qalb waħda u ruħ waħda fl-imħabba: agħmel li l-fidili tiegħek jibqgħu ħaġa waħda bejniethom fit-talb flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù; Int żejjint lil Marija bil-kuruna ta’ Sultana tas-Sema: agħmel li ħutna l-mejtin jidħlu għal dejjem fl-hena tas-saltna tiegħek mal-qtajja’ tal-qaddisin”.

 

Ħalli nċapċpu jdejna ħerqana

f’dan il-jum, il-ħmistax minn tax-xahar,

meta nilmħu r-raġġi ta’ qalbek

jimlew bl-ilma n-nixfa tal-bjar.

 

Ħalli nduru lejn ħarstek ħanina

li mis-Sema d-dawl tislet qatigħ,

sabiex artna troddilna l-frott tagħha,

il-miżrugħ li bik jikber sabiħ.

 

Ħalli qalbna tissokta f’taħbita

illi twennes id-demgħa t’għajnejk

hekk kif lilna tarana miġbura

bħal djamant fuq il-palma ta’ jdejk.

 

Ħalli tinżel barkietek mill-għoli

fuq id-djar tal-familji Mostin

għax int dejjem miżmuma b’Reġina

minn dal-poplu, il-ġieħ tal-Maltin.

 

Viva Santa Marija ngħajtulek,

Viva Stilla tas-Sema w tal-art,

Viva Grazzja milqugħa fil-Ġenna,

Viva Glorja li biha tfawwart.

 

Viva l-Assunta Inkurunata!