Ċelebrazzjoni tal-Milied fid-djar ta’ familji Nsara

Ċelebrazzjoni tal-Milied fid-djar ta’ familji Nsara

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispritu s-Santu.  Ammen.

Illum nieħdu sehem f’din il-purċissjoni bix-xbieha ta’ Ġesu’ Bambin minn ħdejn il-bieb ta’ barra tad-dar tagħna. Nitolbu lil Ġesu’ jidħol għandna. Nimxu minn kamra għall-oħra sa ma naslu ħdejn il-benniena ta’ Ġesu’ Bambin.

Inkantaw jew naqraw flimkien ‘Qed jinfirex mal-widien’

Qed jinfirex mal-widien
Leħen l-anġli tas-smewwiet
Għanja ħelwa rahan ta’ ferħ
Qiegħda tfawwar qalb l-għoljiet.

Gloria in excelsis Deo x2

Ħallu l-għorfa tajjru n-ngħas
Rgħajja nġabru għall-aħbar
Aħbar tajba riesqa ’l hawn
Kollha ferħ bla qatra mrar.

Gloria in excelsis Deo x2

Fostkom twieled il-Mulej
Is-sultan tas-sema u l-art
Twieled f’għar sid il-ħolqien
Fuq ftit tiben f’lejl ta’ bard.

Gloria in excelsis Deo x2

Għaġġlu mela biex tarawh
Dak li xtaqu ż-żminijiet
Faħħruh magħna lkoll flimkien
Ġo dil-ħemda, ġo das-skiet. 

Gloria in excelsis Deo x2

Il-lejla se niftakru fit-twelid ta’ Ġesu’ Bambin; twieled u sar jixbah lil kull wieħed u waħda minna. Ġesu’ tkellem bil-lingwa tagħna biex inkunu nistgħu nifhmu min tassew hu Alla. Għalhekk, ejjew ninġabru fit-talb bħala familja waqt li ngħidulu:  Ejja Ġesu’ u sib post magħna f’din id-dar.

Nisimgħu ir-rakkont tal-Milied skont San Luqa (2, 4-7):

Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David - 5biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. 6Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, 7u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.

Ġesu’, smajna li ma kienx hemm post għalik fil-lukanda;  imma llum nixtiequ ngħidulek li fid-dar tagħna għandek post, anzi il-post li lestejna għalik hi qalbna. Nixtiequ, għalhekk, li tiġi u ssib postok f’qalbna.

Kif inti, Ġesu’, inti hu daqshekk qrib tagħna, nduru lejk u nitolbuk biex tbierek lill-familja kollha tagħna, lill-ġirien u lill-qraba tagħna.

Nitolbu

Nitolbuk għall-morda, l-aktar dawk li jinsabu l-isptar f’din il-lejla sabiħa tal-Milied.

Nitolbu

Ħu ħsieb lil dawk li huma fid-dwejjaq minħabba xi problema kbira li jinsabu fiha.

Nitolbu

Għat-tfal kollha tad-dinja bħalek, Ġesu’, l-aktar dawk li huma bil-ġuħ u nieqsa mill-bżonnijiet ta’ kuljum.

Nitolbu

 Inżidu talb ieħor li nixtiequ nagħmlu ...

Missierna 

Ngħalqu billi nkanta flimkien: Ninni la tibkix iżjed

Ninni la tibkix iżjed

Ninni Ġesù bambin

Ħallih għalina l-biki

Għax aħna midimbin

Ejjew ejjew ja anġli

Mis-sema mija mija

Araw lil min ħalaqkom

Bambin ġewwa l-fisqija

 

Ejjew taraw b’għajnejkom

Dan Alla Kbir tal-ħniena

Bambin sabiħ u ħelu

Ininni ġol-benniena

 

Ħallu ja rgħajja ħallu

Il-merħla tan-nagħġiet

Tibżgħux min jindukrahom

Hemm l-anġli tas-smewwiet

 

Il-Mulej iberikna, iħarsina minn kull deni u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Nispiċċaw billi nagħtu l-paċi lil xulxin u nawguraw il-Milied it-tajjeb lil xulxin.