Riflessjoni għas-Solennita ta' Marija Omm Alla
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Ħafna nisa jġorru magħhom xi handbag jew basket, biex fih ipoġġu dak li huma jistgħu jiġu bżonn meta jkunu barra mid-dar. Imma naħseb li handbag ta’ omm ikun kemmxejn differenti. Ħafna drabi jkun handbag akbar, għax fih l-omm iġġor mhux biss dak li tista’ tiġi bżonn hi, imma wkoll dak kollu li taħseb li uliedha jistgħu jiġu bżonn; ħafna drabi l-omm iġġorr u taħseb aktar għal uliedha milli għaliha nfisa! Ħafna ġenituri jġorru fil-handbag tagħhom xi ritratt ċkejken tat-tfal tagħhom; dan juri b’mod ċar kemm il-ġenituri jgħożżu l-memorji kollha ta’ uliedhom.
U Marija ma kienet xejn inqas minn ommijiet oħra! F’nofs il-festi tal-Milied, il-knisja tgħinna nitfgħu l-ħarsa tagħna u niffukaw fuq Marija, biex permezz tagħha nidħlu aktar fil-fond tal-misteru tal-inkarnazzjoni. Is-sollennità tal-lum: “Marija omm Alla” tenfasiżża li Ġesù kien tassew “imwieled minn mara,” kif jgħidilna San Pawl fl-ittra lill-Galatin, biex niftakru li Ġesù kien tassew bniedem, u mhux biss Alla.
Marija kienet iġġorr fil-handbag tagħha mhux biss dak li t-tfajjel Ġesù seta’ jiġi bżonn tul it-triq bħala bniedem, imma wkoll kull esperjenza li kienet qed iġġarrab minħabba fih, l-aktar dawk l-esperjenzi li kienu jikkonfermaw dak li kien qalilha l-anġlu Gabriel dwar Ġesù. Hi kienet taf min kien binha, kienet taf li hu Alla, kienet taf li “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jgħatih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” (Lq 1, 32-33)
L-Evanġelista llum jgħidilna: “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” Fis-skiet kienet iġġor kull kelma li kienet semgħet, kull memorja li kellha, kull post li żaret. Marija ma’ setgħetx tifhem kif ir-rgħajja saru jafu li hi weldet, ma setgħetx tifhem kif kienu sabu tarf ta’ fejn kienu moħbija, tant li skantat kif dawn l-imsejkna rnexxielhom jaslu sal-għar li kienu fih. Imma meta r-rgħajja rrakuntawlhom x’ġara, u kif kienet qtgħaja ta’ anġli li għarfuhom bit-twelid tas-salvatur, hi mill-ewwel ftakret fi kliem l-anġlu Garbiel. Kompliet tgħaraf li kien Alla li qed jaħdem l-istorja tas-salvazzjoni tal-bniedem. L-istess ġralha f’okkażżjonijiet oħra, bħal meta kienet fit-tempju u x-xwejjaħ Xmun ħabrilha x’għad ikun binha, anke hemm kienet tgħożż f’qalba dak kollu li rat u semet.
Marija hi tassew Omm, u mhux biss omm Ġesù, imma omm il-ħajjin kollha, għax hi welldet ħajja ġdida, li ġabet ħajja ġdida f’kull bniedem ta’ rieda tajba. Bla ma kienu jafu r-rgħajja kienu diġa’ qed jixbħu lil Marija u jimxu fuq il-passi tagħha. Huma marru jgħaġġlu, kif Marija marret tgħaġġel għand Eliżabetta wara t-tħabbira tal-anġlu. Bħalha kienu mimlija b’ħeġġa u entużjażmu biex ixerrdu l-aħbar it-tajba, waqt li jfaħħru u jsebbħu lil Alla, kif faħritu hi fil-magnifikat. Bla dubju Marija żammet fil-handbag tagħha l-memorja ta’ kull ragħaj li żar lil Ġesù, u għożżitu u ħabbitu bħala binha.
Ma għandu jibqagħlna ebda dubju li hi wkoll iġġorr f’qalbha l-memorji ta’ kull wieħed u waħda minna. Hi Omm! U bħala omm kif tista’ tinsa lilna uliedha! Bla dubju ta’ xejn Marija tgħożż f’qalbha l-ħeġġa tagħna għal Kristu, dak kollu li ngħidu dwaru u kull azzjoni ta’ mħabba u karità li nagħmlu. Hi għandha tkun mudell għal kull omm, biex tħares lejn uliedha u tara fihom il-qawwa u l-ħidma ta’ Alla fihom. Marija mhix mudell biss għall-ommijiet, imma għalina lkoll, għax ilkoll nistgħu ngħarfu l-ħajja ġdida li toħroġ minnha jekk inħallu lil Alla jaħdem fina kif ħallietu hi.
Fil-bidu ta’ sena ġdida ejjew nixbħuha ftit aktar, ejjew nimxu fuq il-passi tagħha, u bħala, bħar-rgħajja u bħal ħafna oħrajn li mxew fuq l-eżempju tagħha ngħaġġlu nagħmu t-tajjeb, infaħħru u nsebbħu lil Alla u fis-skiet ngħożżu f’qalbna dak kollu li Alla jgħaddina minnu. Ejjew f’din is-sena nkunu tassew strumenti ta’ paċi, niżirgħu t-tama fejn hemm bżonn u nkabbru l-imħabba kull fejn inkunu.