Riflessjoni għall-5 Ħadd tar-Randan
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Kultant nisimgħu b’xi sejbiet ta’ oqbra antiki. Dawn is-sejbiet huma ta’ nteress kbir għall-arkeoloġija minħabba li joffru tagħrif ġdid dwar il-ħajja umana fi żminijiet differenti. Hekk per eżempju fl-Eġittu nsibu piramidi, li fihom nstabu diversi oġġetti midfuna mal-mejtin, oġġetti li kienu jqisu li huma ta’ utilità għall-vjaġġ li l-mejjet jagħmel wara mewtu. L-eġizzjani tal-qedem kienu jemmnu li wara l-mewt hemm ħajja. Kienu jemmnu li meta wieħed imut, il-ġisem spiritwali jibqa’ jeżisti f’ħajja simili ħafna għad-dinja ta’ hawn. Madanakollu, id-dħul f’din il-ħajja ta’ wara ma kienx garantit, il-mejjet kellu jagħmel vjaġġ perikoluż taħt id-dinja biex jasal għall-ġudizzju finali u minn hemm jingħata aċċess għal din l-ħajja ta’ wara. Ir-Rumani mill-banda l-oħra kienu jemmnu li l-mewt tbiddel lill-mejtin f’allat, u għalhekk kienu jiġu meqjuma mill-familji tagħhom, kif wkoll b’mod kollettiv mill-istat Ruman. L-Induisti jemmnu fir-ri-inkarnazzjoni, jiġifieri li wara l-mewt, wieħed jgħix mill-ġdid f’forma differenti, skond ma kif ikun għix fil-ħajja ta’ qabel. Hekk per eżempju bniedem ġeneruż, jista’ jitwieled mill-ġdid bħala sinjur kbir fil-ħajja l-ġdida, u bniedem arroganti u xħieħ jista’ jitwieled fqir fil-ħajja ta’ wara.
Ir-reliġjon ġudajka wkoll waslet għal twemmin ta’ ħajja ġdida wara l-mewt. Fl-ewwel qari nsibu lill-Mulej jwiegħed li għad jiftaħ l-oqbra u jtellgħa mill-oqbra lill-poplu tiegħu u jagħtihom l-ħajja mill-ġdid. Ħafna mil-Lhud kienu jemmnu li dan se jseħħ fl-aħħar jum, il-jum li fih it-tajbin iqumu biex jgħixu għal dejjem. Dan it-twemmin narawh espress fi kliem Marta: ‘jien naf li jeġra’ jqum fl-aħħar jum’.
Ġesù’ pero’, wriena li l-ħajja ta’ dejjem m’hiex xi ħaġa li wieħed jakkwista bil-taqbid u l-ħila tiegħu nnifsu. L-anqas ma se naslu għaliha xi darba fil-futur – meta jasal l-aħħar jum. Imma tingħata minn stess lil kull min jiftaħ qalbu għalih, għax Ġesù’ hu l-qawmien u l-ħajja. Ġesù’ jixtieq li ngħixu l-ħajja ta’ dejjem minn din id-dinja stess, u mbagħad nkomplu ngħixuha wara mewtna għal dejjem. Il-mewt fiżika ma hiex ta’ ostaklu għal din il-ħajja, mwiegħda minn Ġesù’. L-ostaklu vera m’hiex il-blata li kien hemm tagħlaq il-qabar ta’ Lażżru, imma l-ostaklu vera hu n-nuqqas ta’ fidi f’Ġesu’, u għalhekk, ħafna drabi nispiċċaw nitħabtu fuq li nitħabtu biex insibu ftit sens u skop f’din id-dinja. Meta nwarrbu lil Ġesù’, li hu s-sid tal-ħajja, nippruvaw nimlew ħajjitna bi ħwejjeġ oħra, imma xejn u ħadd ma jkun jista’ jagħtina l-ħajja vera, u b’ekk ħajjitna ssir taħbita waħda. ‘Min jemmen f’Ġesu’ ‘wkoll jekk imut jgħix, u kull min jgħix u jemmen fih, dan ma jmut qatt.’
Fir-rakkont ta’ Lażżru nsibu lil Ġesù’ jitqanqal u jibki quddiem il-mewt tal-bniedem. Imma l-bikja ta’ Ġesù’ ma kienitx sempliċiment bikja ta’ telfa ta’ ħabib, l-anqas kienet bikja quddiem l-mewt tal-ġisem biss, imma aktar kienet bikja quddiem it-telfien tal-bniedem sħiħ, tal-bniedem li jgħix marbut fid-dlam tal-qabar. Il-bikja ta’ Ġesù’ hi l-bikja ta’ Alla għal bniedem li jagħżel li jgħix fid-dlam mingħajru, bikja quddiem għażliet li jwasslu għat-telfien tal-bniedem innifsu. Alla ma jaħmilx jara ‘l-bniedem, li tant iħobb jimxi f’din it-triq tal-mewt u għalhekk fit-triq tat-telfien ta’ dejjem. B’hekk qabad hu stess din it-triq, mexa fit-triq tad-dlam u tal-mewt u hemm jiltaqa’ mal-bniedem mejjet u jreġġgħu lura lejn l-ħajja. Fir-rakkont tal-lum Ġesù’ talab li jmur ħdejn il-qabar, fejn kien Lażżru. Talab wkoll li jneħħu l-blata, biex ikun jista’ jsejjaħ lill-mejjet lejn il-ħajja mill-ġdid. Dan ir-rakkont, għalhekk, hu simbolu ċar tal-azzjoni ta’ Ġesù’ meta resaq, mhux sempliċiment lejn qabar tal-ġebel, imma lejn il-mewt infisha bis-salib tiegħu, daħal fil-qabar hu stess, u minn hemm sejjaħ u reġġa’ lura lill-mejtin kollha li posthom kien il-qabar. L-għajta ta’ Ġesù’ ‘Lażżru oħroġ’, inbidlet f’għajta siekta imma qawwija fuq is-salib - minn hemm sejjaħ lill-umanita kollha.
F’dawn il-ġranet li ġejjin ejjew nisktu ftit biex nisimgħu l-għajta ta’ Ġesù’ li qed issejħilna biex nersqu lejh u nemmnu fih. Nisktu biex nisimgħu l-bikja ta’ Alla li jibki quddiem il-qalb iebsa tal-bniedem li ma jridx jemmen fih, imma aktar jemmen f’dak li hu materjali u temporanju. Nisimgħu l-bikja ta’ Alla, l-għajta ta’ Alla minn fuq is-salib, li qed joffrilna b’xejn il-ħajja ta’ dejjem.