Riflessjoni għall-Ħadd il-Palm

Riflessjoni għall-Ħadd il-Palm

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Erġajna wasalna biex niċċelebraw il-Ġimgħa Mqaddsa, ġimgħa li twassalna għall-Għid il-Kbir. Hi ġimgħa mimlija attivitajiet li jfakkruna fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Diġà ħafna minna mxew wara x-xbieha ta’ Marija Addolorata fil-purċissjoni ta’ nhar il-Ġimgħa, diġà nistgħu nsibu ħafna wirjiet marbuta ma’ din l-istorja, miftuħa għall-pubbliku, diġà l-ħwienet u t-toroq tagħna mimlija bil-qagħaq tal-appostli u l-figolli. U se nkomplu matul din il-ġimgħa, b’kunċerti ta’ marċi funebri, b’via sagri organiżżati f’postijiet differenti, u b’purċissjonijiet b’vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Imma nistaqsi: hemm bżonn nagħmlu daqshekk fuss fuq ġrajja ta’ mewt? Hemm bżonn li kull sena nieqfu mill-ħidmiet tagħna biex niftakru f’dak li ġara elfejn sena ilu? Hemm bżonn nieħdu dan ix-xogħol kollu biex nagħmlu dak li għamilna fis-snin l-imgħoddija? Iva, altru li hemm bżonn! Kemm hu faċli li aħna l-bnedmin ninsew! Aħna għandna memorja qasira u donnu ż-żmien malajr inessina; kapaċi nadattaw ruħna għal dak li hu ġdid u malajr dak li ġara ngħodduh bħala storja passata. Biex ma ninsewx, hemm bżonn li nibqgħu nfakkru lilna nfusna; għalhekk isiru l-anniversarji, għalhekk niċċelbraw il-birthdays, għalhekk il-ħin kollu nagħmlu remindrers. U din il-ġimgħa hi ġimgħa ta’ reminder; tfakkarna fir-rebħa li saret fuq il-mewt permezz tal-mewt ta’ Ġesù. Waqt li qed niftakru f’dan nistgħu nibqgħu ngħixu fil-ġrajja 'l ġdida li Ġesù kisbilna.

Imma mill-banda l-oħra, irridu noqgħodu ferm attenti li ma nidrawx wisq din il-ġrajja, għax faċli li ssir dramm sabiħ, ritwal anwali, jew wirja tagħna nfusna. Jekk nieqfu biss fuq l-attivitajiet marbuta mal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù u nieqfu hemm, xorta nkunu nsejna dak li tassew ġara. Kemm hu faċli nispiċċaw nikkomparaw aktar milli niftakru u ngħixu mill-ġdid il-ġrajja tas-salvazzjoni tagħna! Kemm hu faċli nikkomparaw il-follol tan-nies minn sena għall-oħra! Kemm hu faċli nikkomparaw wirja ma’ oħra jew sepulkru ma’ ieħor!

L-aktar importanti f’din il-Ġimgħa hu li niftakru f’dak li għamel għalina Ġesù, u b’hekk nagħrfu aħjar kif twettqet ir-rebħa fuq id-dnub u l-mewt. Aħna u niftakru f’dan, niftakru wkoll kif nistgħu ngħixu aħjar ta’ segwaċi ta’ Ġesù rebbiegħ fuq il-mewt.

  • Niftakru kif Ġesù ċċekken u ma baqgħax iffittex dak li hu tiegħu. San Pawl fit-tieni qari jgħidilna: “Ġesù Kristu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bedmin... ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. Meta qed niftakru f’dan niftakru li aħna wkoll m’għandniex nitkabbru imma bħalu niċċeknu, ma nfittxux dak li hu tagħna imma nobdu u noqgħodu għar-rieda ta’ Alla, għax imsejħa biex inkunu dixxipli tiegħu.
  • Niftakru li Ġesù baqa’ jsejjaħ lil Ġuda ħabib, anke jekk ittradih b’beswa. Niftakru kif baqa’ jħares lejn Pietru b’fiduċja anke jekk ċaħdu għal tlett darbiet. U għalhekk niftakru li meta aħna nġarbu xi tradiment min-nies li għażilna f’ħajjitna, meta nħossu li hemm minn qed iwarrabna, meta niġu feruti min-nies għeżież, ma nimtlewx bi qrusa u nieqfu nħobbu.
  • Niftakru kif Ġesù sar vittma tal-għira. Il-Lhud waslu għal għażla żbaljata għax ippreferew lil wieħed kriminal minfloku; għażlu lil Barabba u warrbu lilu minħabba l-għira li ħakmithom. Quddiem din l-ġrajja ejjew niftakru li aħna wkoll nistgħu nagħmlu għażliet żbaljati minħabba l-għira. Nitolbu lill-Mulej biex jeħlisna minn kull għira u mibgħeda.
  • Niftakru wkoll kif inħarsu lejn Ġesù. Nistgħu nħarsu lejh kif ħarsu lejh il-Lhud, li qiesu lil Ġesù bħala ostaklu li ma jħallihomx jagħmlu li jridu, imma nistgħu inħarsu lejh kif ħares lejh iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa, li qalu: dan kien tassew Bin Alla!”

Ejjew għalhekk din l-Ġimgħa ngħixuha f’riflessjoni kontinwa biex niftakru fl-imħabba enormi ta’ Alla għall-bniedem, waqt li nħallu lill-Mulej jigwidana biex ngħixi l-ġrajja tal-ħajja tagħna ta’ kuljum b’fidi, b’tama u b’ħafna mħabba.