Riflessjoni għall-25 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għall-25 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

1+1=___. Somma ħafifa li nibdew nitgħalmuha hekk kif nersqu lejn l-iskola. Meta nibdew nikbru ftit, jgħalmuna somom aktar diffiċli. Jasal iż-żmien tal-problem solving, fejn jagħtuna każijiet u jistennew li nsolvuhom bil-matematika. Quddiemna għandna każ li nistgħu ngħidu li għandu bżonn ftit somom biex insolvuh. Numru ta’ ħaddiema ħadmu tnax-il siegħa u ġew imwiegħda dinar (paga ta’ ġurnata xogħol). Ejjew ngħidu li dawn ġew imwegħda paga tajba ta’ 10 euro s-siegħa, mela nistgħu nikkalkulaw li kien ħaqqhom 120 euro. Il-problema daħlet meta dawk li ħadmu 9 siegħat ħadu wkoll 120 euro fi tmiem il-jum, anke dawk li ħadmu sitta jew tlett siegħat ħadu l-istess ammont. Dawk li ħadmu siegħa waħda ma ħadux 10 Euro, kif kien mistenni għas-siegħa xogħol li għamlu, imma tħallsu ta’ tnax-il siegħa. Ovjament il-payslip ma ġietx maħduma tajjeb. Donnu l-Mulej ma jafx jgħodd is-sommom sew! Ma jafx jikkalkula!

Din il-parabbola turina li Alla ma jaħdimx bin-numri, kif naħdmu aħna.  Aħna l-ħin kollu nkejlu, niżnu, nqisu u nfittxu fejn jaqblilna l-aktar. Nimmaġina li fid-dar ilkoll issibilna riga, rutella, miżien, arloġġ, temperatura, measuring jar eċċ; dawn niġu bżonnhom l-ħin kollu!  Imma Alla, għax hu nfinit, jaħdem biss mill-infinità tiegħu. U nofs l-infinit hu nfinit, kwart tal-infinit ukoll jibqa’ infinit. Tassew Alla hu mħabba nfinita, u kull min ikun fis-saltna tiegħu jgawdi mill-imħabba nfinita tiegħu. Dawk li daħlu fl-għalqa minn filgħodu bdew igawdu mill-imħabba nfinita minn filgħodu, anke jekk tħabtu u sofrew is-sħana tal-jum, u dawk li daħlu fid-disa’ siegħa bdew igawdu mill-imħabba nfinita tas-sinjur mill-ħin li sabu ruħhom fl-għalqa.  Hekk l-oħrajn kollha daqu l-imħabba nfinita ta’ Alla hekk kif aċċettaw l-istedina tas-sinjur. Id-dinar juri l-milja tal-imħabba tas-sinjur Alla.

L-istedina li qed jagħmlilna l-Mulej Alla llum, hi biex nitgħallmu nħobbu bla ma nikkalkulaw u nqisu x’jaqblilna. Hi stedina biex nagħtu l-massimu ta’ mħabbitna. Tajjeb li niftakru li fil-mument li nibdew inqisu u nikkalkulaw, nitilfu ħafna mill-gost u s-sabiħ tal-imħabba fil-ħajja. Jekk inħarsu lejn it-tfal jgħalmuna. Niftakar darba kien hemm tifel tal-età tal-praċett, u staqsejtu: “kemm tħobbhom lill-mama u l-papa?” u pront pront qalli: “inifinty.” Ma setax jagħtini numru, anqas elf jew miljun ma kienu biżżejjed għal dak it-tifel biex jispjegali kemm iħobb lill-ġenituri tiegħu! It-tfal żgħar ma jqisu xejn, ma jafux jikkalkulaw, imma dak li għandhom jagħmlu jagħmluh bil-qalb. Donnu hu meta nibdew nikbru li nitgħalmu nqisu u nfittxu anke ma’ min iħobbna. Din il-ħaġa Alla ma jitgħallima qatt, għax Alla ma jitgħallem qatt iqis u jikkalkula magħna; b’hekk Alla jaħfer ħafna. Fl-ewwel qari tal-lum smajna li “l-fehmiet ta’ Alla m’humiex il-femiet tagħna, u t-triqat tiegħu m’humiex triqatna.”  Il-fehmiet ta’ Alla huma frott l-imħabba infinita, waqt li l-fehmiet tagħna huma ikkundizjonati minn diversi fatturi. Madankollu, ninsabu fi proċess; ninsabu fit-triq. Darba fost l-oħrajn Ġesù qalilna li hu t-triq; Santa Katarina ta’ Siena qalet li jekk inkunu fit-triq aħna diġà ninsabu fil-ġenna, diġà nistgħu nduqu mill-imħabba nfinita ta’ Alla. Il-ħaddiema li kienu fl-għalqa kellhom diġà x-xorti li jkunu parti mid-dar tas-sinjur. Imma l-fatt li xi wħud gergru minħabba li bdew iqisu u jqabblu, turi li huma kienu għadhom ma qabdux it-triq tal-imħabba. Kellhom bżonn jitgħalmu aħjar il-ħajja tas-sinjur li ma jikkalkulax u ma jqabbilx, biex b’hekk igawdu l-paċi tal-qalb huma wkoll tul il-ħidma tagħhom.

Aħna lkoll ninsabu fl-għalqa tas-Sinjur, ninsabu fid-dinja nitħabtu u nirsistu biex ngħixu tajjeb, b’hekk ilkoll minn issa nistgħu ngawdu l-ġenna. Imma jekk f’din id-dinja, noqgħodu nikkalkulaw min hu l-aħjar, min hu l-aktar qaddis, min jistħoqlu u min ma jistħoqlux l-imħabba ta’ Alla, żgur li nitilfu l-paċi ta’ qalbna – ma nkunu tgħallimna xejn fir-rigward tal-ħajja tal-qdusija li tiġi minn Alla. Fis-sema ma hemmx qaddis aqwa minn ieħor, kif kultant naħsbu aħna bil-moħħ ċkejken tagħna. Ma hemmx megalomartri, jew l-aqwa fost l-għorrief u l-għalliema tal-knisja, ma hemmx verġni akbar mill-verġni l-oħra, l-anqas ħadd ma jissejjaħ magnus. San Franġisk hu qaddis daqs il-ħalliel imsallab ħdejn Ġesù, li ġie mwiegħed il-ġenna fl-aħħar mument ta’ ħajtu.

Ejjew nieqfu nikkalkulaw u nkejlu fejn tidħol il-qdusija u fejn tidħol l-imħabba.