Riflessjoni għas-6 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Jekk tkun il-kesħa, ilbes sew, għax inkella tieħu riħ. Qabel taqsam it-triq ħares lejn ix-xellug u lejn il-lemin għal darba, tnejn. Studja jekk trid tgħaddi minn eżami. Forsi tgħiduli: mhux ovja! Kull ma trid hu ftit common sense. Veru, imma kultant il-common sense, ma hu common xejn. Ħafna drabi jinqalgħu ħafna nċidenti bla bżonn minħabba nuqqas ta’ ħsieb. Nistgħu nevitaw ħafna problemi jekk naħsbu ftit qabel x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi ta’ dak li ngħidu u nagħmlu. Naħsbu qabel nagħmlu ċerta għażliet, naħsbu qabel ngħidu xi ħaġa, u naħsbu qabel nagħmlu xi ħaġa. Kull ma rridu hu ftit prudenza. Il-prudenza hi assoċjata mal-għerf; dik il-kapaċità li tiġġudika bejn it-tajjeb u l-ħażin, li tinduna liema hi l-azzjoni propja f’ċirkustanzi partikulari, li tagħraf meta għandek titkellem u meta għandek tiskot. Wieħed prudenti joq għod ħafna attent u ma jieħux riskji bla bżonn: jgħid anqas kliem dak li wara jiddispjaċih li jkun qalu!
Inħarsu ftit lejn il-qari tal-lum: il-liġi dwar il-lebra, kienet liġi prudenti ħafna. Il-ħsieb wara din l-liġi ma kienx biex teħles minn min hu marid u tagħtih il-ġenb, imma kienet liġi li tipproteġi lill-pubbliku nġenerali. Kienet liġi simili għal ħafna direttivi li kellna fi żmien il-pandemija tal-Covid-19. Kienu liġijiet li bihom stajna nipproteġu lil xulxin. Min kien jimrad, kellu obligu morali li jgħid li hu marid, biex l-oħrajn joqgħodu attenti u jżommu distanza, waqt li hu jidħol kwarantina. Din hi prudenza! U meta xi ħadd li kien ikun marid bil-ġdiem ifiq, kien jirritorna lura fis-soċjetà, wara li jkun mar juri ruħu lill-qassis biex jiċċertifikah li issa ma kienx aktar ta’ periklu għall-pubbliku. Din ukoll hi prudenza! Fl-Evanġelju għandna ġrajja ta’ wieħed raġel lebruż, li għamel esperjenza ta’ fejqan minn din il-marda kiefra, wara li talab lil Ġesù għall-fejqan. Dan ir-raġel kien ċert li Ġesù seta’ jagħtih dak li qed jitlob, dejjem jekk Hu jrid. Ġesù fejqu imma talab minnu biex jimxi mal-liġi u jmur juri ruħu lill-qassis; talbu jkun prudenti u jimxi mar-regoli. Imma dan ir-raġel flok qagħad għal dak li talab minnu Ġesù, qabad jgħid ma’ kulħadd dak li ma kellux jgħid. Fir-realtà, ma qal xejn ħażin, għax fl-aħħar mill-aħħar beda jxandar l-aħbar tal-fejqan tiegħu. Imma xorta ma kienx prudenti! Dak il-ħin ma kienx il-waqt li jgħid dak li ġralu. Minħabba n-nuqqas ta’ prudenza tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ attenzjoni ta’ dan ir-raġel, minħabba n-nuqqas ta’ ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla, għamel aktar ħsara milli ġid, tant li Ġesù ma setax jidħol bid-dieher imma baqa’ fil-kampanja.
Azzjoni tajba imma barra minn postha, kif ukoll kelma tajba imma m’hiex f’ħinha, tista’ toħloq ħafna problemi mhux biss għal min jgħidha imma wkoll għall-oħrajn. Min jaf kemm ħsara ssir bi kliem żejjed. Min jaf kemm uġieħ jiġi kkawżat b’messaġġi li jintbgħatu fuq il-media soċjali, għax jiġu miktuba bla ma wieħed ikun ħaseb ftit qabel. Min jaf kemm ġudizzji bla bżonn daħlu nies f’dipressjoni. Mhux bilfors li hi l-aħjar ħaġa meta tkun ta’ żaqqek f’fommok. Kultant hemm bżonn iżżomm kelma flok tgħidha; hemm ħin li titkellem, u hemm ukoll ħin li tiskot. Ġesù talab minn dan ir-raġel biex jiskot; riedu li jagħti xiehda biss billi sempliċement imur juri ruħu lill-qassis, imma hu xorta fetaħ ħalqu u għamel ħafna ħsara.
Hemm bżonn ta’ dixxerniment veru, biex nagħrfu Alla x’irid minna; għax jekk ma nagħmlux dixxerniment tajjeb, nistgħu nsibu ruħna nieħduha kontra r-rieda ta’ Alla nnifsu. Kultant Alla ma jitlobx minna ħwejjeġ straordinarji, imma jkun iridna nagħmlu dak li hu komuni, ħafna drabi jitlob minna sempliċiment li nimxu mar-regoli. Niftakru li b’dan ukoll nistgħu nagħtu glorja lil Alla. San Pawl fit-tieni qari tal-llum, jgħidilna biex: “sew jekk nieklu u sew jekk nixorbu, sew jekk nagħmlu xi ħaġa oħra, nagħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla.” Fi kliem ieħor San Pawl qed jgħidlna li nistgħu nagħtu glorja lil Alla bl-aktar affarijiet ordinarja li nagħmlu kuljum. Mela ma hemmx bżonn immorru fil-pjazzez nipriedkaw jew nagħmlu affarijiet straordinarji biex nagħtu glorja lil Alla, għax nistgħu nagħtuh glorja b’affarijiet l-aktar ordinarji.
Ejjew llum nitolbu għall-għerf qaddis biex nagħrfu x’irid Alla minna; nitolbu għall-virtù tal-prudenza biex nagħrfu x’ħin għandna nisktu u x’ħin għandna nitkellmu, x’ħin għandna naġixxu u x’ħin aħna nisktu.