Riflessjoni għall-Festa tat-Twelid tal-Verġni Marija
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Hawn min kif iħares lejn tarbija jipprova jara lil min tixbaħ, jekk hux lil missierha jew lil ommha, jew forsi lil xi ħadd min-nanniet jew lil xi membri oħra tal-familja. Jien ma tantx ninqalgħa biex inxebbah, imma kultant tiltaqa’ ma’ nies li vera jkunu jixbħu lil xi membri tal-familja tagħhom; fid-dehra, fil-vuċi, fil-mossi li jagħmlu, jew mill-mod ta’ kif jimxu eċċ. Irridu jew ma rridux, aħna nieħdu ħafna mill-ġenituri u l-antenati tagħna. Forsi għalhekk diversi jfittxu li jsiru jafu l-arblu tar-razza tagħhom. Jistgħu jkunu ħafna l-motivazjonijiet għat-tfittxija tal-arblu tar-razza; min jirriċerka l-arblu tar-razza biex jara jekk hemmx xi ċans jiret xi ħaġa, jew jekk għandux xi drittijiet li jkunu ġejjin minn familji nobbli. Min jagħmel l-arblu tar-razza sempliċiment għall-kurżità biex jara jekk fir-razza tiegħu kienx hemm nies ta’ fama jew inkella nies li kienu problematiċi fis-soċjetà. Imma hemm min jixtieq sinċerament isir jaf l-istorja tal-familja tiegħu biex jifhem aħjar lilu nnifsu; meta nidħlu fl-istorja tagħna nindunaw minn fejn ġejjin u x’valuri ħadna mill-istess familja tagħna. Meta nħarsu lura nafu nilmħu xi tendenzi li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra. Jekk dawn it-tendenzi jkunu ta’ għajnuna, għandna nagħmlu ħilitna kollha biex niżviluppawhom, għax bla dubju, huma kwalitajiet li jistgħu jkunu ta’ ġid mhux biss għall-familja tagħna imma għas-soċjetà inġenerali. Imma jekk nirrealiżżaw li hemm kundizzjonijiet negattivi, nistgħu konxjament nagħmlu xi ħaġa biex inbidluhom u ma jibqgħux jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra.
L-Evanġelju tal-lum jagħtina l-arblu tar-razza ta’ Ġesù. Bħal kull razza umana, fost l-antenati ta’ Ġesù nsibu nies li kellhom kwalitjiet sbieħ u oħrajn skandalużi. San Mattew fil-lista tal-antenati ta’ Ġesù jintegra ħames nisa, li għalkemm mhux soltu kienu jiddaħlu nisa fl-arbli tar-razza, hu għażel li jsemmiehom. Għamel dan biex jgħinna nifhu li Ġesù daħal f’familja ta’ bnedmin dgħajfin biex jeħles lill-bnedmin mid-dnub u jkun tassew għalihom salvatur. Dawn in-nisa li jsemmi San Mattew huma: Tamar, Raħab, Rut, il-mara ta’ Urija (Betseba), u Marija. Xi ħaġa komuni li hemm bejn dawn in-nisa hi li l-ebda waħda minnhom ma kienet meqjusa regolari quddiem is-soċjetà Lhudija:
- Tamar saret omm ta’ tewmin, Fares u Zeraħ, minn Ġuda. Hi kienet romlot u peress li ma kelliex ulied minn żewġha, resqet bħala mara tat-triq lejn Ġuda, missier żewġha, biex tħajjru jersaq lejha. Hu resaq lejn Tamar u nislet (Ġen 38, 12-30).
- Raħab prostituta mill-Kananeja li kienet tgħix f’Ġeriko. Hi kienet ħbiet liż-żewġt irġiel Lhud li marru Ġeriko biex jitkixfu l-art, qabel ma daħlu fl-art imwiegħda (Ġożwe 2).
- Rut kienet mara Moabita Ii żżewġet lil raġel Lhudi Mahlon. Wara li mietu żewġha, il-kunjatu, u ħu żewġha, hi ngħaqdet mal-kunjata Naomi, u marret fl-art ta’ Ġuda magħha, fejn hemm sabet lil Bogħoż, qarib sinjur tal-familja ta’ żewġha, jieħu ħsiebha. Hi minnu nislet lil Għobed.
- Betseba, mart Urija l-ħitti. Darba s-sultan David, flok mar għall-gwerra, kif kien jitlob id-dmir, qagħad id-dar, lemaħ lil din il-mara tinħasel u bagħat għaliha. Hu raqad magħha u nislet iben. Hu spiċċa li qatel lil Urija l-ħitti u żżewwiġha hu. L-iben li nislitlu miet imma wara nislet lil Salamun.
- Marija, tfajla għarusa lil Ġuzeppi, ħarġet tqila mingħajr l-intervent tiegħu. Għax li sar sar bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.
Stejjer ta’ rregolarità li nbidlu fi stejjer ta’ Grazzja. It-twelid ta’ Marija wassal għal bidu ġdid ta’ grazzja. Kull tarbija tawgura żmien ġdid, u għalhekk toffri tama ġdida. It-twelid ta’ Marija ta’ bidu għal era ġdida mhux biss għall-familja tagħha imma għall-umanità kollha. Fil-festa tal-lum ejjew inħarsu lejn l-istorja tagħna u nitgħallmu minnha; waqt li nwarrbu l-ħażen, ngħamlu ħilitna biex insaħħu l-kwalitajiet tajbin li hemm fir-razza tal-umanità tagħna.