Riflessjoni għall-24 Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għall-24 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Naħseb li lkoll xi darba jew oħra ltqajna mal-indoor game  ̶  DOMINO: logħba klassika li tintlgħab fil-familja jew bejn ftit ħbieb. Imma d-dominos jintużaw ukoll biex isiru shows bihom. Id-dominos jitwaqqfu waħda quddiem l-oħra, u x’ħin tmiss l-ewwel waħda jinħoloq spettaklu hekk kif jibdew iwaqqgħu lil xulxin. Minn din il-logħba ħareġ it-terminu domino effect. Dan it-terminu jirriferi għal sitwazzjonijiet fejn azzjoni tikkawża azzjoni simili, u l-istess azzjoni tibqa’ tirrepeti ruħha. Kemm drabi nsibu ruħna nirreptu dak li għamlu ta’ qabilna? Kemm drabi nħossuna komdi ngħidu dak li smajna mingħand l-oħrajn? Id-domino effect narawh jiġri l-ħin kollu madwarna. Jekk wieħed jgħaddi wrong way, faċli tara oħrajn isegwuh u jsuqu warajh. Jekk xi ħadd jitkellem ħażin, faċli jħajjar oħrajn jitkellmu ħażin bħalu, u jekk xi ħadd jgħaddi kumment fuq xi aħbarijiet kurrenti, malajr issib min jappoġġjah billi jirrepeti l-istess kumment. Għal xi wħud hi ferm diffiċili biex nifformaw opinjoni personali, li tirrifletti sinċerament dak li verament jaħsbu u jemmnu; donnu hawn min jibża’ li jmeruh jew li jiġi kritikat! Fiha nfisha ma fiha xejn ħażin li ngħamlu u ngħidu dak li jagħmel u jgħid ħaddieħor, sakemm tkun tassew il-konvinzjoni tagħna. Il-problema jekk ma nafux nibnu opinjoni, jew għar u għar jekk ma nkunux kapaċi ngħażlu bejn dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin; ħalli nirrepetu t-tajjeb imma qatt m’għandna nikkupjaw il-ħażin u nipperpetwaw dak li hu żball.

Għad-dixxipli kienet faċli li jgħidu x’jaħsbu n-nies dwar Ġesù, anke jekk kienu jafu li dak li jgħidu n-nies mhux il-verità. Kien Pietru biss li kellu l-kuraġġ ilissen fil-beraħ dak li kien jaħseb u jemmen fuq Ġesù. In-nies kienu jżommu li Ġesù hu Ġwanni l-Battista, Elija jew wieħed mill-profeti, imma fir-realtà Ġesù ma’ kien ħadd minnhom – kien żball! Il-verità hi li Ġesù hu “l-Messija, Bin Alla l-ħaj,” kif qal Pietru. B’din id-dikjarazzjoni pubblika Pietru ma ħalliex l-iżball jibqa’ jipperpetwa ruħu fost id-dixxipli. Waqqaf id-domino effect. Imma anke Pietru kellu bżonn jikkoreġi dak li kien qed jifhem b’Messija.

Pietru qatt ma mmaġina li l-Messija kellu jgħaddi mit-tbatija tas-salib, għax bħal kull Lhudi ieħor Pietru kien jemmen li l-Messija kellu jkun qawwi u b’saħħtu biex jeħlishom minn idejn l-għedewwa; il-Messija hu salvatur. Il-kunċett ta’ Messija li jbati ma kienx jagħmel sens u għalhekk Pietru mill-ġdid ma beżax juri fil-beraħ l-opinjoni personali tiegħu; hu ma jaqbilx ma’ Ġesù’ x’ħin tkellem dwar il-ħtieġa li l-Messija jbati. Imma Ġesù ċanfru u kkoreġieh biex anke dan l-iżball ma jibqax jipperpetwa ruħu, u jkun il-waqgħa ta’ diversi nies (id-domino effect). Il-verità mhix kwisjoni ta’ opinjoni. Kemm nies jemmnu li l-opinjoni pubblika jew l-opinjoni tagħhom nfushom hi l-verità, bla ma jfittxu tassew x’hini l-vera Verità. Sew meta naħsbu li l-verità hi dak li tgħid il-maġġoranza, u sew meta naħsbu li aħna biss għandna l-verità, nistgħu nkunu żbaljati. L-iżball iwassal għall-waqgħa kif jaqgħu id-dominos; u faċli nwaqqgħu lil xulxin fl-iżball. Mela kif nistgħu nibqgħu wieqfa quddiem il-verità? L-unika triq li twassalna għall-Verità hi Ġesù, u meta nibqgħu miexjin wara Ġesù nkunu rasna mistrieħa li aħna tassew fil-Verità. U biex nimxu ma’ Ġesù hemm bżonn li nerfgħu salibna kuljum. Hemm bżonn li b’fedeltà nibqgħu npoġġu fil-prattika dak li nemmnu, anke jekk jitlob minna li nbagħtu. San Ġakbu fit-tieni qari tal-lum jgħidilna li l-fidi vera tidher fl-għemil. Ġesù ma salvaniex bil-kliem biss imma bl-għemil tiegħu; hu ħaddan is-salib u mexa sal-kalvajru fejn hemm salvana tassew.

Jekk irridu nħaddnu l-Verità, nimxu fl-istess triq li mexa Ġesù, u nħallu lil Ġesù jwaqqafna fl-imħabba li ssalva (fall in love) u mhux inħallu d-dinja twaqqana fil-gidba u l-qerq li jwassal għat-telfien.