Riflessjoni għat-3 Ħadd tar-Randan

Riflessjoni għat-3 Ħadd tar-Randan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Għal min għandu xi ġardina jew għalqa, kif ukoll għall-bdiewa, bħalissa jkollhom ħafna xogħol x’jagħmlu, għax wara x-xita kollox inibbet u jikber – tajjeb u ħażin. Il-bidwi jkun irid jagħżel xi jżomm jew le fl-għalqa tiegħu għax jekk iħalli kollox jikber f’daqqa l-istess ħaxix joħnoq lil xulxin u ma jieħu xejn mill-art. Il-kriterju ta’ x’inhu ħażin u x’inhu tajjeb hu l-frott; dak li jagħmel frott tajjeb jikkultivah, waqt li dak li ma jagħmel ebda frott ineħħih biex jagħmel wisa’ għat-tajjab. Kultant ikun bżonn jagħżel ukoll bejn siġra tajba u oħra li tkun inqas tajba, peress li l-art ma tkunx tiflaħ għal ħafna. Mill-ġdid il-kriterju għal din id-deċiżjoni hi biex ikollu aktar frott. Fil-parrabbola tat-tina, Ġesù jiddeskrivi siġra bla frott bħala siġra li tkidd l-art.”  Kull siġra għandha bżonn in-nutrijenti; ebda siġra ma tikber, u wisq u wisq aktar ma tagħmel il-frott, jekk tkun f’art “mielħa” (bla nutrijenti ta’ xejn). Imma jekk siġra tieħu n-nutrijenti tal-art bla ma tagħmel frott, tkun qed taħli l-art għalxejn. F’dan il-każ mhux biss l-art tinkedd imma anke l-bidwi, għax il-bidwi jkun tħabat għalxejn. Ma jduq ebda frott tal-ħidma tiegħu, u għalhekk ikun bata għalxejn.

Nissugerixxi li llum fil-ħsieb tagħna nieħdu ftit post il-bidwi u nistaqsu: x’għandna fl-għalqa ta’ ħajjitna? X’inhu jikber f’ħajjitna? Bħall-bidwi, rridu nagħżlu xi nżommu u xi nneħħu, għax jekk inħallu kollox f’daqqa se jkollna ġungla sħiħa. Nistaqsi, għalhekk: x’għażliet qed nagħmel f’ħajti?  Hawn min jipprova jlaħħaq ma kollox imma fir-realtà ma jkunu kapaċi japprofondixxu f’xejn. Hemm ukoll insara fostna li jemmnu fi Kristu u fil-knisja, imma fl-istess ħin qed iħallu wkoll dak li hu ħażin f’ħajjithom. Per eżempju jmorru kull pelleġrinaġġ li jsir u fl-istess ħin ifittxu li jaqraw xortihom għand fortune teller, jew inkella huma mirbuħa mis-superstizzjoni. Jista’ jkun li jkun hawn min jiġi għall-quddies, imma wkoll ifittex postijiet ta’ diveritiment li ma tantx jixirqu lin-nisrani. Jew min jitlob regolarment, imma wkoll jieħu gost jisma’ mużika bi kliem diaboliku. Issib min jagħmel karità iżda meta tiġi l-okkażżjoni faċli jobrom xi ħaġa jew jevadi t-taxxa.  Jekk dan ikun il-każ, allura tassew inkunu qed ngħixu f’ġungla u mpossibli jikber il-frott mixtieq mis-Sid. Illum il-Mulej qed ipoġġi mill-ġdid quddiemna għażla: x’se nagħżel?

Inpoġġu wkoll il-mistoqsija: x’qed ikiddni? X’inhu l-inkwiet tiegħi? Aħna ninkwetaw fuq dak li hu mportanti ħafna għalina u fuq dak li nħobbu. Għalhekk: Fejn hi tassew qalbi? Vera li xejn ma jsir b’xejn; jekk irrid li jkolli riżultati rrid nirsisti u nitħabat — jekk bidwi jrid il-frott irid jaħdem. Imma mhux dejjem ikun worth it it-taħbit tiegħu, għax jekk il-ħidma tiegħu ma tħallix il-frott mixtieq ikun inkedd għal xejn. Jekk it-taħbit tagħna jħalli frott ta’ mħabba, allura ħa nitħabtu, imma jekk ma jkabbarniex fl-imħabba, nkunu qed ninkeddu għalxejn. Forsi t-taħbit tiegħi hi l-istess familja, imma kemm qed tgħin biex dak li nagħmel iressaqna aktar qrib xulxin? Jekk it-tabit tiegħi hi l-istess knisja li nappartjeni għaliha, kemm inħoss li qed inkun ta’ servizz veru li ħiereġ minn imħabba sinċiera? Kemm qed ngħin biex l-istess komunità tikber fl-imħabba? Kultant nidraw sew dak li nkunu qed nagħmlu u avoja nitħabtu u ninkeddu, allaħares min jidħlilna fl-għalqa.

Faċli nħossuna komdi bil-pattern li nkunu ħloqna maż-żmien, anke jekk ma jkunux wisq ta’ ġid għalina. Alla fil-ħniena tiegħu jipprova jiġbed l-attenzjoni tagħna biex jgħinna nikkonvertu; jgħinna nibdlu l-viżjoni li fuqha nfasslu ħajjitna, u jwassalna biex nagħmlu għażliet tajbin. Il-Mulej jgħinna nagħrfu fejn jaqbel nitħabtu u ninkeddu, biex ma jiġrilniex li nitħabtu għalxejn. Fl-ewwel qari smajna kif Alla ġibed l-attenzjoni ta’ Mosè b’siġra tabqad bla ma tinħaraq. Hemm għaraf li Alla riedu jibdel l-istil ta’ ħajtu u jmur mill-ġdid fl-Eġittu biex isalva l-poplu maħqur. Fl-evanġelju Ġesù ġibed l-attenzjoni tad-dixxipli billi rrefera għal żewġ traġedji, ħalli jqanqalhom għall-indiema. Kultant tkun traġedja fejn il-Mulej jiġbed l-attenzjoni tagħna u jurina l-bżonn li nindmu. Imma kultant il-Mulej imiss il-qalb tagħna meta nkunu fis-skiet kif għamel ma’ Mosè. Ejjew illum nisimgħu mill-ġdid is-sejħa tal-Mulej għall-konverżjoni.