Riflessjoni għas-solennità tal-Għid il-Kbir
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
Meta tisma’ serena ta’ xi ambulanza, jew xi fire engine, inkella ta’ xi karozza tal-pulizija twerżaq, mill-ewwel tistaqsi: x’ġara? Tinduna li xi ħaġa tkun ġrat żgur! U jekk ikun hemm aktar minn waħda mill-ewwel tinduna li jkun ġara xi ħaġa serja. Tkun tixtieq issir taf xi nqala dak il-ħin stess u hekk kif tisma’ x’ġara, tara jekk għandikx tgħid lil xi ħadd ieħor b’dak li tkun sirt taf. Kull aħbar tinxtered billi tgħaddi minn persuna għal oħra. Forsi naħsbu li dan jiġri għax moħħna fl-oħrajn u għax aħna ħfief li ngħidu x’qed jiġri lil oħrajn, imma mhux dejjem hu l-każ. Li tkun aġġornat u tkun taf x’hinu għaddej madwarna hi xi ħaġa mportanti ferm għalina l-bnedmin. Mhux ta’ b’xejn ninvestu fuq li ninvestu fuq il-medja soċjali; kemm stazzjonijiet tar-radju, tat-televiżjoni, u siti elettroniċi jxandru u jwasslu dak li jkun qed jiġri fid-dinja! U aktar ma jirnexxielhom jgħaddu aħbar malajr, aktar ikunu sorsi tajbin. Ejjew inkunu realistiċi, illum ħafna minna ma jimmaġinawhomx mingħajr mowbajl, jekk xi darba jieqaf mingħajr batterija qisu għandhom xi ħaġa nieqsa, tant kemm sar parti ntegrali minna. Il-mowbajl għandna bżonnu biex nikkomunikaw dak li jkun qed jiġri dak il-ħin stess; tieħu ritratt u tippostjah jew tibgħat messaġġ, inkella ċċempel biex tinforma b’dak li jkun ġara. Li tkun taf x’ġara tgħinek tagħmel għażliet tajbin u f’waqthom. Per eżempju jekk tkun taf li hemm triq magħluqa, tista’ tagħżel li tuża’ triq alternattiva qabel ma tistaġna ruħek fit-traffiku. Jew jekk ssir taf li ġie nieqes xi ħabib, tista’ tiddeċiedi li tmur għall-funeral tiegħu. Jekk issir taf li hemm xi attività li tinteressak tista’ tiddeċiedi li tmur, jew jekk tkun taf li xi neputija rebħet xi kompetizzjoni tista’ tifirħilha. Għalhekk, iva, importanti li nibqgħu aġġornati.
Ir-rakkont tal-qawmien hu kollu bbażat fuq aħbar li ġriet. Dak li ġara xtered u għadu qed jinxtered. X’kien ġara eżatt ħadd ma jaf. L-ewwel ma ndunaw kienu ftit nisa li marru ħdejn il-qabar; kull ma raw kien qabar vojt. Imma hekk kif saru jafu li l-qabar kien vojt, ġrew iwasslu l-aħbar. Marru jgħidu lid-dixxipli u dawn ġrew magħhom lejn il-qabar. Nitfgħu l-ħarsa tagħna lejn dawn in-nies jiġru. Ma tkunx trid wisq għerf biex tinduna li kien ġralhom xi ħaġa! Avolja ma kellhomx mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, xorta l-aħbar li Ġesù qam mill-mewt xterdet f’ħakka t’għajn u kompliet tinxtered tul is-sekli taż-żmien.
Imma ejjew ma nieqfux hawn: mhux biżżejjed nispezzjonaw biex nkunu nafu x’ġara fil-fatt fuq barra, hemm bżonn li nkunu wkoll nafu x’qed jiġri fuq ġewwa. X’ġara fin-nisa hekk kif saru jafu li Ġesù Hu ħaj? X’ġara fil-dixxipli meta daħlu fil-qabar vojt? X’ġara f’dawk li kienu għassa mal-qabar? X’ġara fill-qassis il-kbir meta sema’ li Ġesù qam? Ir-rakkonti tal-qawmien li nisimgħu jinqraw f’dawn il-ġranet tal-Għid, jgħidulna x’ġara f’dawn in-nies. Illum smajna li d-dixxiplu l-maħbub, hekk kif daħal fil-qabar “ra u emmen.” Din l-esperjenza qawwija waslitu biex ikun aktar konvint li Ġesù, li tant ħabb, kien tassew il-Mulej. Dan l-għarfien wasslu biex jagħmel għażla konxja u jsir evanġelizzatur – xandar tal-qawmien ta’ Kristu mill-mewt.
Għalhekk illum staqsi: x’qed jiġri fik quddiem din l-aħbar tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu? Forsi hi storja li drajniha sew għax niċċelebrawha bill-kbir kull sena u ftit nagħtu każ kif qed taffetwana minn ġewwa. Imma li nkunu konxji ta’ x’qed jiġri fina nfusna quddiem din il-ġrajja tgħinna biex nagħmlu għażliet tajbin. Jista’ jkun li din l-aħbar tal-qawmien tassew timliena b’tama u b’sens ta’ kuraġġ biex ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum. Imma jista’ jkun qed insibuha diffiċli nemmnu, għax inħossu li qalbna għadha tgħix f’luttu minħabba xi diżappunt ta’ xi telfa. Jista’ jkun li dan l-Għid mhux isibna ppreparati sew għax għandna wisq fuq il-platt ta’ ħajjitna u ma tantx għandna ċans nieqfu u naraw x’qed jiġri fina nfusna. Jew jista’ jkun qed inħossni xettiku u nħoss li dan kollu ma hu xejn għajr storja maħluqa biex issir festa oħra ħa jkollna raġuni għalfejn niltaqgħu u niċċelebraw. Din l-aħbar jista’ jkun li tbeżżani u nippreferi nibqa’ gallarija jew niġri 'l bogħod kemm nista’ billi naljena ruħu f’affarijiet oħra. Imma jista’ jkun li din l-aħbar timmotivani biex ninpenja ruħi aktar ħa ngħaddi dak li jien konvint minnu lil ħaddieħor. Ejjew għalhekk f’dan l-Għid insibu ħin u nagħtu każ x’qed jiġri fina. Ejjew inkunu aktar sensittivi għalina nfusna u ma nibżgħux niltaqgħu ma’ dak li qed jiġri fil-ġewwieni tagħna.