Riflessjoni għas-solennità ta' Pentekoste

Riflessjoni għas-solennità ta' Pentekoste

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Naħseb li kulħadd ifittex xi deżerta wara l-ikel; u min irid imur għall-għażla aktar healthy imur aktar għall-frott milli għal xi ħaġa tal-ħelu. Tista’ tgħid li s-sena kollha nsibu frott frisk fis-suq, imma fix-xhur tas-sajf il-frott ikun aktar fl-aqwa tiegħu: dulliegħ, bettiegħ, bajtar ta’ San Ġwann, tin, ħawħ u varjetà kbira ta’ frott irqiq. Fis-sajf ikollok biex tagħmel fruit salad mill-aqwa. Kull frotta għandha togħma, kulur u dehra differenti, imma meta tħallathom flimkien jagħtu togħma waħda pjaċevoli. Il-frott jikkumplementaw lil xulxin u jagħtu sensazzjoni ta’ freskezza u tjubija.

Dan jgħinna nifhmu dak li qal San Pawl dwar il-frott tal-Ispirtu; ovjament San Pawl ma kienx qed jitkellem minn tuffieħ u banana, larinġ jew xi frotta tas-sajf, imma minn kwalitajiet li jnissel l-Ispirtu s-Santu f’min jgħix fil-grazzja ta’ Alla. San Pawl isemmi lista ta’ frott tal-ispirtu: imħabba, ferħ, paċi, paċenzja, tjieba, ġentilezza, fedeltà, ħlewwa u rażan. (Galatin 5:22-23). Kull waħda minn dawn il-kwalitajiet tagħti s-sehem tagħha biex il-ħajja tal-Ispirtu turi freskezza u tjubija. Meta dawn il-kwalitajiet ikunu preżenti f’ħajjitna u fil-komunità tagħna, nkunu qed nesperjenzaw lil Alla nnifsu. Diffiċli, anzi mpossibbli, li kull wieħed u waħda minna jkollna fina kull waħda minn dawn il-kwalitijiet għax aħna limitati u dgħajfa, imma meta maqgħuda flimkien, iva. F’dawn il-kwalitjiet jidher u jingħaraf aktar Alla l-imbierek fl-istess komunità ta’ nies miġbura flimkien. Bħal-friut salad, f’komunità hemm varjetà sħiħa imma magħquda. Hemm diversità imma flimkien jagħtu ħlewwa liema bħala. Dan li tassew jifforma knisja. Meta hemm knisja maqgħuda tinduna mill-ewwel, għax issib il-fwieħa tal-imħabba li tgħaqqad kollox, bħall-meraq ta’ kull frotta li jitħallat flimkien u jagħti fwieħa pjaċevoli.

Il-fruit salad mhux tajjeb u sabiħ għalih innifsu, imma biex iħajjar lil dak li jkun iduq u jgawdi minnu. Bl-istess mod il-frott tal-Ispirtu m’għandux ikun għall-kumdità u l-ftaħir ta’ xi komunità partikulari, imma aktar għandu jgħin biex nies li jkunu barra minn dik l-komunità jersqu u jitħajru jduqu mill-istess ħajja tal-Ispirtu. L-imħabba, l-ferħ, il-paċi, t-tjieba, l-ġenitlezza, l-fedeltà, l-ħlewwa u r-rażan, iħajru lil min qed ifittex sens f’ħajtu, lil min jixtieq jesperjenza l-ħajja ta’ Alla. Meta xi ħadd barrani jersaq lejn il-knisja (il-komunità) jkun sinjal li l-Ispirtu ta’ Alla hu preżenti u li qed jaħdem fiha. Imma jekk komunità tingħalaq fiha nfisha, tkun qed tifga l-Ispirtu u għalhekk diffiċli tara l-frott tal-Ispirtu f’dik il-komunità. Meta komunità tingħalaq titħarbat u tibda tarmi madwara riħa ta’ qrusa, li tbiegħed lill-oħrajn minna, flok fwieħa ta’ frott frisk li jħajrek u jqabdek l-aptit. Araw x’ġara mill-komunità ta’ nies li riedu jibnu belt għalihom f’Singħar. Il-kwalitajiet u l-ħiliet tagħhom użawhom biex jingħalqu fihom infushom, jiftaħru b’xogħolhom u mingħalihom jilħqu s-sema. L-iżviluppi u l-invenzjonijiet tagħhom wasluhom biex jaħsbu li m’għandhom bżonn lil ħadd anqas lil Alla; l-invenzjoni tal-madum, l-użu tal-qatran, u l-mod ġdid ta’ kostruzzjoni fil-bini tal-belt tagħhom kienu fatturi li ħawduhom u fixklilhom ilsienhom. Minħabba li ma kienx hemm imħabba, ferħ, paċi, tjieba, ġenitlezza, fedeltà, ħlewwa  u rażan, tfixklu fihom infushom, tħarbtu u xterdu mal-art kollha. Mill-banda l-oħra, fl-Atti tal-Appostli rajna kif diversi nies barranin, inġabru u ffurmaw komunità ġdida fl-Ispirtu għax kliem Pietru, kif ukoll l-Appostli l-oħra, kien jirrifletti l-frott tal-Ispirtu. Partin, Medin, Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-Libja, Għarabja eċċ kienu qed jinġabru flimkien u jifhmu dak li Pietru kien qed jgħid għax kien l-Ispirtu li qed jixħet ajra friksa li ġabet magħha riħa tfuħ u aċċettazzjoni ta’ membri ġodda fil-knisja.

F’din is-solennità tal-Penecoste, ejjew nitfgħu ftit il-ħarsa tagħna lejn il-komunità tagħna, il-gruppi tagħna, il-knisja f’Malta biex naraw fejn jidher il-frott tal-Ispirtu. Nilmħu sens ta’ ftuħ u aċċettazzjoni ta’ persuni oħra li jersqu biex jesperjenzaw l-Ispirtu ta’ Alla, jew forsi qed ningħalqu fina nfusna bil-konsegwenzi li qed inxerdu aktar qrusa milli fwieħa ħelwa u friska? Ejjew nitolbu l-Ispirtu s-Santu biex iġedded l-istess komunitajiet tagħna u jagħmel minna friut salad mill-frott tal-Ispirtu. Nitolbuh biex ikabbar fina l-kwalitajiet meħtieġa biex Alla jidher fostna tassew.