Riflessjoni għas-solennità ta' Trinità Qaddisa

Riflessjoni għas-solennità ta' Trinità Qaddisa

Mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Forsi mhux l-ewwel darba li poġġejna fuq xi banketta bi tlett saqajn. Tista’ tkun ideali għal meta jkun hemm art li mhix invellata sew. Tkun ħafna aħjar minn siġġu b’erbgħa saqajn peress li dan izappap jekk l-art imħarbta. Hu l-istess bħal trepied (tripod): għandu tlett saqajn biex tkun tista’ tadattah għal postijiet differenti.  Fi trepied, kull sieq hi distinta imma essenzjali, unika u differenti imma f’għaqda inseparabbli ma’ l-oħrajn. L-ebda sieq ma tista’ tgħid li hi ta’ aktar importanza minn oħrajn, jew li hi akbar u aħjar minn kull sieq oħra, u ebda sieq ma tista’ tgħid li m’għandhiex bżonn is-saqajn l-oħra! Dan il-ħsieb jeħodna għal dak, li fiċ-ċokon tagħna, ftit nistgħu nifhmu - It-Trinità Qaddisa. Nistgħu nagħmlu ħafna analoġiji oħra imma kull analoġija fir-rigward tat-Trinità Qaddisa hi limitata ħafna u difettuża. Madanakollu permezz tal-analoġiji nistgħu nidħlu xi ftit aktar fil-fond tad-duttrina Trinitarja. Kienu ħafna l-għorrief u teoloġi li ppruvaw jifhmu xi ftit aktar minn dan il-misteru hekk kbir. Ħafna kitbu trattati sħaħ u ħallew għerf kbir, imma ebda għaref ma rnexxielu jispjega għal kollox it-Trinità Qaddisa. Id-dutrina tat-Trinità Qaddisa hi waħda fundamentali għall-fidi nisranija: tistqarr li Alla Hu wieħed fi tlett persuni. Dan hu twemmin li jgħinna nifhmu xi ftit in-natura ta’ Alla u jwassalna biex nadurawh. It-Trinità hi meqjusa bħala misteru, mhux għax ma nistgħux nifhmu lil Alla, imma minħabba li l-immensità u l-kobor ta’ Alla jagħmilha mpossibbli li nifhmuh totalment bil-loġika umana tagħna. Madanakollu t-tagħlim dwar it-Trinità jgħinna nifhmu li Alla hu relazzjonali u komunjoni perfetta. 

Wieħed mill-għorrief il-kbar li kiteb ħafna dwar it-Trinità kien San Tumas ta’ Akwinu, imma wara li kellu viżjoni divina, stqarr li dak kollu li kiteb kien tiben u anqas biss jibda’ ma’ dak li tassew hu Alla. Ma nistgħux ngħidu li San Tumas kien żbaljat f’dak li kiteb, imma dak li wasal biex jagħraf bil-moħħ tiegħu kien biss farka ħdejn dak li Alla l-Imbierek hu tassew. Wara din il-viżjoni, San Tumas għaraf aktar lil Alla b’qalbu milli b’moħħu; u mill-ġdid, għax Alla hu Alla relazzjonali u komunjoni, mhux idea. Niftakar li meta kont qed nistudja t-teoloġija, kelli diffikultà kbira biex nirrikonċilja l-idea ta’ tlett persuni f’Alla wieħed u l-idea ta’ Alla li hu nfinit.  Kont nistaqsi kif jista’ jkun infinit jekk lil Alla nagħtuh numru? Jekk tgħid li hu tlieta, mela ma jistax ikun infinit. Dan il-ħsieb baqa’ jberren f’moħħi sakemm kont għaraft li Alla mhux magħluq fih innifsu. It-tlieta hu l-minimu ta’ komunità perfetta (bħat-tlett saqajn fit-trepied – il-minimu possibbli biex jieqaf waħdu). L-istess Trinità tistieden lil kull kreatura tagħha biex tieħu sehem mill-ħajja tagħha. B’hekk t-Trinità hi tassew infinita, għax fiha tinkludi lil kulħadd. Meta nsibu postna f’dan il-WIEĦED, inkunu sirna parti ntegrali mit-Trintià Qaddisa. Mela aħna msejħin mhux biss biex nemmnu fid-dutrina tat-Trinità Qaddisa, imma aktar biex insiru parti minnha u ngħixu fiha. Dan jibda jseħħ minn din id-dinja u jilħaq il-milja tiegħu fl-eternità. Jiġri meta aħna nkunu relazzjonali u f’komunjoni. Hekk per eżempju, fil-familji tagħna aħna nistgħu nirriflettu l-unità, ir-rispett u l-imħabba li teżisti bejn il-persuni tat-Trinità. Fil-familja aħna lkoll differenti minn xulxin, imma meta maqgħuda flimkien nkunu qed ngħixu f’komunjoni. Jekk nemmnu fit-Trinità u nippruvaw nimitawha, ssir aktar possibli li ngħixu f’għaqda vera fl-istess familja li nappartjenu għaliha. Ngħixu fit-Trinità anke fil-knisja; jekk fil-parroċċi tagħna, fil-komunitajiet ta’ fidi li nkunu fihom nkunu f’komkunjoni sħiħa, allura aħna diġà qed nesperjenzaw il-WIEĦED.   Meta nħobbu u naqdu b’ġenerożità vera nkunu qed nirriflettu l-ħajja tat-Trinità fid-dinja, għax Alla hu Alla ħanin, hu Alla Mħabba.

Illum, aktar milli nipruvaw insolvu l-misteru tat-Trinità bir-raġuni, aktar milli nippruvaw insibu kliem biex nispjegaw din id-duttrina, ejjew nidħlu aktar fil-misteru ta’ Alla permezz tat-talb, l-imħabba u l-unità.  Kull meta nagħmlu s-sinjal tas-salib u nsejħu l-isem tat-Trinità Qaddisa, ma nħalluhx ikun biss ġest awtomatiku ta’ qabel ma nibdew xi talba jew xi ħaġa oħra imma nħalluh ifakkarna f’Alla li ħalaqna, f’Alla li salvana u f’Alla li jgħix fina: Missier, Iben u Spirtu s-Santu. Is-sinjal tas-salib għandu jkun tassew tfakkira li qed ngħixu fit-Trinità Mqaddsa. Ma nibżgħux inroddu s-salib spiss biex kontinwament niftakru li qed ngħixu fih u bih. Niftakru, ngħixu u nagħtuh glorja kontinwament sa ma naslu li nkunu għal kollox fih fl-Eternità. Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.