Riflessjoni għat-13 -il Ħadd ta' matul is-sena

Solennità ta’ San Pietru u San Pawl

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Ma’ ta’ Santa Marija jew mal-banda Nicolo Isourd? Ma’ tal-Ħmistax t’Awwissu jew mal-kamra tan-nar ta’ Santa Marija? Mal-blue jew mal-aħmar? U fil-futbol, mat-taljani jew mal-ingliżi? Forsi tgħiduli: “illum qed tilgħab man-nar, tantx tkun daqshekk partikulari.” Meta tħares ftit lejn il-kultura tagħna, faċli nsibu dak li nsejħulu duawaliżmu. Ħafna affarijiet naqsmuhom bejn tnejn, u ħafna drabi magħhom ninqasmu aħna wkoll, għax “jew hekk jew hekk.” Jew iżżomm ma’ partit jew inkella mal-ieħor, jew int reliġjuż jew sekulari, jew int malti jew barrani, jew int abjad jew iswed.  Fir-realtà l-affarijiet ma jimxux hekk: għandna bżonn iż-żewġ baned biex ikollna l-festa li għandna, għandna bżonn iż-żewġ kmamar tan-nar biex isir dak li jsir, għandna bżonn iż-żewġ partiti biex ikollna nazzjon demokratiku, għandna bżonn numru ta’ timijiet biex ikun jista’ jsir kampjonat tal-football.  F’diversi affarijiet, illum nitkelmu mir-realtà tal-hybrid: taħlit ta’ żewġ sorsi differenti biex tinħoloq xi ħaġa ġdida. Hekk per eżempju nsibu karozzi hybrid għax jaħdmu sew bil-fuel kif ukoll bl-elettriku, jew minn laqgħat hybrid, għax fihom ikun hemm persuni preżenti fiżikament u oħrajn on-line. Il-kultura nfisha qed issir dejjem aktar hybrid għax qed issir dejjem aktar multi kulturali.

Is-solennità ta’ San Pietru u San Pawl hi eżempju ċar ta’ kif il-Knisja tista’ tkun hybrid. Dawn iż-żewġ persuni jżewwġu flimkien viżjonijiet differenti tal-istess missjoni li Ġesù afda f’idejn il-Knisja tiegħu.  Pietru xandar tal-Evanġelju fost il-Lhud u bil-priedki tiegħu pprova jikkonvinċi lil Lhud li f’Ġesù twettqu l-wegħdiet li saru mill-profeti tal-imgħoddi, u f’Pawlu naraw eżempju ċar ta’ evanġelizzazzjoni ġdida fost il-pagani. Żewġ metodi differenti, imma qatt f’kompetizzjoni bejniethom; anzi huma kumplimentari għal xulxin. Pietru u Pawlu kellhom żewġ karattri differenti għal aħħar imma kienu f’komunjoni vera. It-tnejn kellhom it-temperamenti tagħhom imma baqgħu f’għaqda waħda u Appostli ta’ Kristu. Kellhom esperjenzi varji li wasluhom għall-qdusija. F’Pietru u Pawlu nilmħu tensjoni kreattiva. Anke jekk ma jaqblux bejniethom, it-tensjoni ta’  bejniethom wasslet għal tkabbir u maturazzjoni fil-komunità Nisranija u mhux biex tinħoloq diviżjoni u firda fost l-ewwel komunitajiet.

Pietru, wieħed mill-ewwel Appostlu magħżula minn Ġesù stess. Hu simbolu ta’ awtorità u unità fil-knisja. Imsejħa ‘blata’ li fuqha Ġesù bena l-Knisja. Pietru b’karattru xi ftit jew wisq prużuntuż imma mimli b’żelu u mħabba lejn dak li sejjaħlu biex jimxi warajh. Għadda minn mumenti diffiċli li fihom intrebaħ mill-biża’, tant li wasal biex jiċħad lil Kristu, imma umli biżżejjed li resaq jitlob maħfra u jirriġenera ruħu. Pietru hu aktar marbut mat-tradizzjoni u jniżżel l-għeruq tiegħu f’dak li ġie rrivelat minn Alla lill-poplu l-magħżul tiegħu tal-imgħoddi.  Pawlu mill-banda l-oħra beda bħala persegwitur ta’ Kristu u tal-knisja tiegħu, imma għax kien miftuħ għall-Ispirtu, wasal għall-konverżjoni radikali u ta ħajtu kollha għal Kristu u l-Knisja tiegħu. Ġera mad-dinja ta’ dak iż-żmien u xandar lil Kristu u li dan issallab għalina. Pawlu kien intelletwali, teologu b’viżjoni universali, ideoloġiku u missjunarju fl-istess ħin, kien miftuħ għall-ġdid u għal dak li l-Ispirtu s-Santu jnebbħu. Dan wasslu biex juża kull mezz possibbli biex iwassal l-aħbar it-Tajba, tant li narawh bħala oratur u kittieb tajjeb ħafna.

Dan kollu hu ta’ tagħlima għalina biex inqisu d-diversitajiet reliġjużi bħala rikkezza u mhux bħala theddita. Ma tagħmilx sens li nkunu duwalisti u ngħidu li aħna nsara tradizzjonalisti jew progressivi, imma naċċettaw il-fatt tal-hybird anke fil-knisja ta’ żmienna. Għax, iva, hemm bżonn li nibqgħu ankrati fit-tradizzjoni tal-fidi li rċevejna mingħand ta’ qabilna, imma fl-istess ħin hemm bżonn li nkunu miftuħa għall-Ispirtu ta’ Alla li għadu jnebbaħ u jmexxi lill-Knisja tiegħu. Niftakru li hemm modi differenti kif inħarsu lejn ir-realtà u l-problemi tal-lum; nipprovaw ġenwinament noffru soluzzjonijiet u mhux nintilfu fil-kritika jew, għar u għar, f’attakki kontra dawk li ma jarawhiex bħalna. Ejjew inwasslu l-istess messaġġ tal-Evanġelju, anke jekk għandna diversità ta’ karattri, ideat u metodi. Il-Knisja, bħas-soċjetà, għandha bżonn kemm minn dawk li jżommu l-għeruq u t-tradizzjoni (Pietru), kif wkoll minn dawk li jħarsu 'l barra biex jinfetħu għall-ġdid (Pawlu).