Riflessjoni għas-Solennita tas-Salib Imqaddes

Riflessjoni għas-Solennita tas-Salib Imqaddes

mil-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Fuq livell uman u storiku, is-salib hu sinjal ta’ mistħija u umiljazzjoni. Kien l-iktar kastig krudili u degradanti tar-Rumani, riservat għall-kriminali u għedewwa tal-istat. Kull min kien jissallab fuq salib, kien iġorr fuqu l-għajb, bħalli kieku xi ħadd li ma kienx denju li jgħix. Għalhekk, meta Ġesù ġie msallab, l-awtoritajiet u l-poplu kienu qed ibaxxuh billi jagħtuh l-aktar sentenza tal-mistħija possibbli. Imma fuq livell spiritwali, is-salib sar unur kbir. Ġesù ta tifsira ġdida lis-salib: minn strument ta’ qerda u mewt għamlu għodda ta’ salvazzjoni u ta’ rebħa fuq il-ħażen. Għalhekk San Pawl jgħid: ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Gal 6:14).  Għal min jemmen is-salib hu unur għax jara fih wirja tal-imħabba radikali tal-Missier Alla, li jasal jagħtina lil Ibnu l-waħdieni. Ifakkarna fil-fedeltà u l-kuraġġ ta’ Ġesù li ma reġax lura quddiem it-tbatija.  Juri wkoll, li l-mistħija u l-uġiegħ jistgħu jinbidlu f’toroq ta’ glorja. Għalhekk, filwaqt li għal min jarah b’għajnejn tad-dinja jibqa’ sinjal ta’ mistħija, għal min jemmen, is-salib isir għajn ta’ unur, glorja u tama.

Fl-ewwel qari tal-lum diġà nilmħu l-qawwa tas-salib; għandna l-ġrajja ta’ meta l-poplu miexi fid-deżert, kien qed iġarrab l-esperjenza tal-mewt, minħabba s-sriep velenużi. Tul it-triq il-poplu tbiegħed minn Alla u ħadha kontrih, in-nies gergru għal Mosè, qaddej ta’ Alla, u xtaqu jerġgħu  lura lejn il-jasar tal-Eġittu. B’hekk qabdu t-triq tal-mewt. Is-sriep velenużi saru sinjal tal-istess mewt. Imma Alla fil-ħniena tiegħu, ma ħamilx jara l-poplu jinqered u ordna lil Mosè biex jaqbad serp tal-bronż u jgħamlu ma’ arblu biex kull min iħares lejh u jemmen fih ifiq u jgħix. Araw, dak li kien mewt żgura sar tama ta’ ħajja ġdida. Dak li ġara fid-deżert kien sinjal għal dak li kellu jiġri fuq il-kalvarju. Ġesù lil Nikodemu qallu: “Kif Mosè għolla serp fid-deżert, hekk meħtieġ li Bin il-bniedem ikun merfugħ fuq is-salib biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.” Dak li deher qerda, dak li meqjus sfortunata, dak li kien mewt, jinbidel fl-uniku triq ta’ salvazzjoni, fl-uniku sors ta’ ħajja, u jsir tassew glorja u unur.

Kull wieħed u waħda minna għandna s-salib tagħna; ilkoll inġorru xi tbatija, xi prova, xi relazzjoni diffiċli. U ħafna drabi anke aħna nħossuha tal-mistħija jew piż li nixtiequ neħilsu minnu. Imma meta nħarsu lejn is-salib ta’ Ġesù, nindunaw li kull salib jista’ jinbidel f’tama u glorja, jekk inġorruh miegħu. Is-salib, għalhekk, mhux wisq dak li ndendlu mal-ħajt jew nilbsuh ma’ ġiżirana madwar għonqna, imma hu aktar stedina biex ngħixu f’imħabba aktar safja, anke meta din tkun diffiċli. Is-salib hu tassew unur għax iqarribna aktar lejn il-qalb ta’ Alla. Hekk per eżempju ħaddiem li jaħdem ħafna biex iżomm il-familja tiegħu b’dinjità. Xi drabi jista’ jħossu umiljat peress li ma jkollux xi dar jew karozza lussuża jew anqas ikollu flus biżżejjed biex isiefer bħal ħaddieħor. Imma fir-realtà, is-salib tiegħu hu unur, għax fis-skiet ikun qed  jagħti ħajtu fedelment għall-maħbubin tiegħu. Jew persuna li tkun qed tieħu ħsieb lil xi ħadd marid b’xi marda kronika jew xi persuna b’diżabbilità.  Bla dubju tħoss il-piż tas-salib u ġieli tħossha sfortunata. Imma meta tgħix b’paċenzja u b’fidi, tagħti xhieda qawwija ta’ kuraġġ u tama, u twassal biex oħrajn jitgħallmu jħobbu u japprezzaw il-ħajja. Jew żagħżugħ li ma jmurx mal-kurrent, ma jfittex ħajja faċli, id-droga, jew relazzjonijiet ħżiena. Jaf jispiċċa waħdu bla ħbieb. Din tista’ tkun mistħija f’għajnejn id-dinja, imma f’għajnejn Alla, hu unur kbir: qed jagħtu xhieda ħajja ta’ kuraġġ u fidi.

Meta nħarsu lejn is-salib, ma nistgħux nibqgħu indifferenti. Dak li kien mistħija għall-bnedmin, Alla bidlu f’unur għal dejjem. Nitolbu lil Alla jagħtina l-grazzja biex fil-mumenti diffiċli tal-ħajja ma narawx biss mistħija jew telfa, imma naraw fihom opportunità biex ngħixu b’fidi, b’tama u b’imħabba. Niftakru li aħna wkoll għad ikollna sehem mill-glorja jekk nibqgħu nemmnu fis-salib tal-Mulej. Inżommu ħarsitna lejn dan is-Sinjal ta’ ħajja li ma tintemm qatt.