Riflessjoni għad-29 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Ftit ilu kont ħdejn il-bandli ta’ wara l-knisja, u rajt tifla ċkejkna tipprova titla mas-sellum taż-żurżieqa, ippruvat fuq li ppruvat imma ma rnexxiliex, għax kienet għadha wisq ċkejkna. Marret ħdejn ommha, imma ommha kienet qed titkellem ma’ xi ħadd fuq il-mobile. Qaltilha: “mhux għalissa,” għax jidher li kellha t-telefonata mportanti ħafna. It-tifla reġgħet marret tipprova titla weħidha, imma kollu għalxejn; iddeċidiet li terġa’ tmur għand ommha u baqgħet tiffitha sakemm fl-aħħar ommha kellha bilfors taqta’ t-telefonata u tagħti kasha, u tellgħetha fuq iż-żurżieqa waqt li kompliet tilgħab magħha. Fiċ-ċokon tagħhom it-tfal jafu fejn iħabbtu meta jridu xi ħaġa! Ħafna drabi jirnexxielhom jieħdu li jridu, għax ma jaqtgħux qalbhom u jibqgħu jippersistu minkejja ċ-ċokon tagħhom. Eqred minn hawn u eqred minn hemm, u jaslu fejn iridu.
Illum Ġesù jurina mill-ġdid il-bżonn li jkollna qalb ċkejkna mimlija fiduċja f’Alla; Hu jħeġġiġna biex ma naqtgħux qalbna fit-talb. Permezz tal-parabbola tal-armla fqira jgħallimna l-lezzjoni tad-determinazzjoni u l-perseveranza fit-talb. L-armla tmur kontinwament għand imħallef biex titlob mingħandu ġustizzja. Din l-armla ma kellhiex poter, ma kellhiex flus, ma kellhiex nies li setgħu jiddefenduha. Kienet weħidha, vulnerabbli, u fil-periklu li tiġi iżolata minn kulħadd. Imma kellha ħaġa waħda li għamlitha aktar b’saħħitha minn kull qawwa tad-dinja: id-determinazzjoni li ma taqtax qalbha. L-imħallef, li suppost kien hemm biex jiddefendiha, ma kienx wisq bniedem tar-ruħ; hu la kien jibża’ minn Alla, u lanqas ma jimpurtah minn ħadd. U madanakollu, il-perseveranza tal-armla u l-fidi qawwija li kellha, tawha saħħa biex tibqa’ soda quddiem bniedem bla qalb. Ġesù mhux iqabbel lil Alla ma’ dan l-imħallef ħażin, għall-kuntrarju, Alla hu Missier twajjeb, li jisma’ u jħobb lil uliedu. Dak li Ġesù jrid jurina f’din il-parabbola hu kif għandha tkun il-fidi tagħna: fidi li tibqa’ tħabbat, tibqa’ tfittex u tibqa’ titlob, bla ma tgħejja. Niftakru f’dik it-tifla ċkejna li riedet titla’ fuq iż-żurżieqa.
Din l-armla tirrappreżenta lil kull bniedem li jħossu ċkejken u vulnerabbli mhux biss quddiem il-bnedmin imma wkoll quddiem Alla. Tirrapreżenta lil dawk li ma jħossux li għandhom xi poteri jew privileġġi partikulari u għalhekk ma jħossuhomx denji li jersqu jitolbu lil Alla. Mhux l-ewwel darba li anke aħna nħossuna parti minn dawn in-nies, għax kultant inħossu li m’għandniex wisq kliem, ma nafux kif nitolbu, u wisq u wisq aktar li m’għandna ebda dritt nieħdu li rridu mingħand Alla. Imma bħalma turina din il-parabbola, hemm qawwa kbira fil-fidi li twassalna biex nitolbu u nitolbu kif nafu. Din il-qawwa mhix xi qawwa fiżika, imma hi qawwa spiritwali. Hi qawwa ta’ min jemmen; qawwa ta’ min jibqa’ jħabbat anke meta l-bieb jidher magħluq. Kemm drabi fil-ħajja nsibu ruħna quddiem sitwazzjonijiet diffiċli: mard, telf, sfidi fil-familja, diffikultajiet finanzjarji. Kemm drabi anke fis-soċjetà ta’ madwarna, naraw nies li qed ibgħatu u donnu ħadd ma jisma’ l-karba tagħhom. Quddiem dan kollu, il-qawwa tal-fidi biss li twassalna biex nersqu quddiem Alla u nittamaw fih. Ġesù stess jgħidilna: “Tħallux qalbkom titħawwad, emmnu f’Alla u emmnu fija wkoll.” Il-fidi vera mhix biss li nemmnu f’Alla meta kollox għaddej sew, imma li nkomplu nemmnu anke meta jidher li Alla hu sieket. Bħalma l-armla baqgħet titlob, hekk ukoll aħna msejħin biex nibqgħu nitolbu u nittamaw, u nemmnu li Alla jisma’ l-karba taċ-ċkejken u l-fqir.
L-istedina għad-determinazzjoni u l-perseveranza fit-talb, mhix biss stedina personali, imma hi wkoll stedina kollettiva; bħala Knisja rridu nipperseveraw fit-talb. Il-knisja għandha tibqa’ tinterċedi fit-talb u tkun vuċi għal dawk li ma jistgħux jitkellmu, id li tgħin lil min hu waħdu, qalb li tisma’ lil min hu mwarrab. Il-knisja trid tkun sinjal ċar tal-ġustizzja ta’ Alla. Bħal dik l-armla, l-knisja trid temmen fil-ġustizzja u tibqa’ tfittex li ssir ġustizzja fid-dinja. Il-knisja wkoll għandha x’titgħallem minn min hu vulnerabbli u dgħajjef, trid titgħallem li l-qawwa vera tiġi mill-perseveranza, mill-imħabba, u mill-fiduċja f’Alla. Bħala knisja ma nibqgħux nistennew li ħadd ieħor jagħmel ġustizzja, imma nittamaw f’Alla, u nagħmlu l-parti tagħna. U hekk, il-fidi tagħna ssir tassew ħajja.
Nitolbu lil Alla jagħtina l-grazzja li nkunu nixbħu lil din l-armla: nies b’qalb soda, b’determinazzjoni fil-fidi u b’tama li ma tmut qatt.