Riflessjoni għat-2 Ħadd tal-Avvent

Riflessjoni għat-2 Ħadd tal-Avvent

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Meta nitkellmu minn għeruq, ħafna drabi moħħna jmur għall-għeruq tas-siġar, u bir-raġun. Għalkemm ma jidhrux l-għeruq huma essenzjali u mingħajrhom la hemm siġra u anqas frott.

Din l-immaġni hija valida wkoll għall-ħajja spiritwali. Bħalma l-għeruq jankraw is-sigra mal-art u jżommuha soda f’postha, hekk relazzjoni intima mal-Mulej iżżomna sodi fil-fidi. Bħalma siġra ma tistax iżżomm wieqfa meta jonfoħ riħ qawwi jekk ma jkolliex għeruq fondi, anqas aħna ma nistgħu nibqgħu sodi quddiem it-tiġrib tal-ħajja jekk ma nniżlux l-għeruq tagħna fi Kristu. Ir-riħ tal-problemi, it-tentazzjonijiet, il-biżgħat, il-pressjonijiet soċjali, u dak kollu li jista’ jikkawża fina taħwid, jistgħu jkunu tant qawwija li jaslu li jkaxxkruna magħhom. Imma jekk l-għeruq tagħna jkunu mniżżla sew fi Kristu, żgur li nibqgħu wieqfa sodi jiġri x’jiġri madwarna. 

Barra minn hekk l-għeruq huma s-sors tal-ħajja għas-siġra. Il-frott ma jiġix mill-friegħi biss, imma minn dak li jiġbru l-għeruq minn taħt l-art. Hekk ukoll il-frott spiritwali – il-paċi, il-ġenerożità, il-ħlewwa, il-kuraġġ, eċċ - ma jiġux biss mill-isforzi tagħna, imma minn dak li toffrilna l-Kelma ta’ Alla, it-talb, is-sagramenti u l-komunità tal-fidili. Mingħajr dawn l-għeruq, niddgħajfu u ninxfu. L-għeruq jgħinu lis-siġra tikber bil-mod il-mod, imma b’mod kostanti. Hekk ukoll il-mixja tagħna ma’ Alla, ħafna drabi nimxuha bil-mod il-mod, imma mportanti li l-maturità tal-fidi tagħna tkun ukoll waħda kostanti.

L-għeruq huma wkoll sors ta’ ħajja ġdida. Ċertu siġar jarmu minn għeruqhom u jwasslu għall-ġenerazzjoni ġdida. Aħna wkoll nafu l-ħajja tagħna mill-familji tagħna (mhux ta’ b’xejn insejħulha family tree). Il-komunità nisranija, it-tradizzjoni tal-Knisja u l-trasmissjoni tal-fidi huma parti ntegrali mill-istorja tal-fidi tagħna. Mingħajr dan l-għeruq mhux possibbli li jkollna fidi soda. Minnhom nirċievu l-identità nisranija tagħna. Min jaf minn fejn ġej, jista’ jifhem aħjar fejn hu sejjer. Il-fidi tagħna mhix xi ħaġa li bdiet magħna anqas ma se tispiċċa magħna - hi biss rigal li rċevejna mingħand ta’ qabilna.

Osservazzjoni oħra li nixtieq nagħmel hi li għeruq fondi jwasslu l-friegħi biex jinfirxu u jinfetħu sew. L-istess ħaġa fil-ħajja spiritwali tagħna. Persuna li tħossha soda fil-fidi, li tiekol u tixrob mill-ikel spiritwali, li tikber fil-fidi b’mod kostanti u li tagħraf li hi parti minn komunità akbar, hi persuna li tkun f’pożizzjoni li tagħti ħafna u tgħin lil ħaddieħor: tagħti paċi, faraġ, kelma tajba u mħabba; insiru bħal siġra li tilqa’ fiha l-għasfar biex jistrieħu u jibnu l-bejtiet tagħhom. Għax it-tajjeb minn ġewwa jiġi u mhux minn barra.

Imma tajjeb li niftakru li anke l-ħaxix ħażin għandu l-għeruq u jieħu saħħtu mill-għerq tiegħu, jinfirex u jnibbet il-ġdid dejjem jekk ikollu għeruq b’saħħithom. B’hekk rridu noqgħodu attenti x’nikkultivaw.  

Il-qari tal-lum jitkellem sew mis-siġra li tagħmel frott tajjeb, kif ukoll minn siġar li jagħmlu frott ħażin. Fl-ewwel qari naqraw li l-Messija wkoll għandu l-għeruq tiegħu, ġej minn familja u għalhekk għandu l-family tree tiegħu. Il-profeta Iżaija jgħid li “għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu.” Alla joħroġ ħajja ġdida minn għeruq li kien jidher niexef, imma li kien għerq ħaj u minnu ħarġet rimja li salvat lid-dinja. Din hi t-tama Nisranija; Alla jagħti l-ħajja anke meta kollox jidher li hu niexef. Ladarba l-għerq ikun għadu ħaj, hemm tama ta’ ħajja ġdida. Mill-banda l-oħra fl-Evanġelju San Mattew jitkellem minn mannara li ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; biex kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar.” Hemm bżonn li naqalgħu mill-għeruq dak kollu li hu ħażin bħall-għira, l-mibgħeda, il-vendetta, il-ġlied, id-diskors żejjed li ma jagħmilx ġid, is-suppervja u l-kburija, l-egoiżmu, ix-xeħħa, l-għażż u dak kollu li mhux imħabba.

L-Avvent jistedinna biex naddu wasla sad-deżert u fis-skiet u l-ġabra neżaminaw ftit lilna nfusna u naraw xi frott jidher fina. Niftakru li l-fidi tintgħaraf mill-frott spiritwali.

Issa hu żmien li fih nistgħu nkomplu nniżlu l-għeruq tagħna fil-fond, inħufu fil-ħamrija tal-Kelma t’Alla, u nixorbu mill-preżenza ta’ Alla. U meta l-għeruq ikunu msaħħa, il-frott tajjeb ikun abbundanti. Nippruvaw għalhekk nisktu kemm nistgħu u nitolbu biex it-tajjeb ikompli jitjieb u fejn hemm il-ħażin ikollna l-kuraġġ li naqalgħuh mill-għeruq tiegħu.