Riflessjoni għar-Raba Ħadd tal-Avvent

Riflessjoni għar-Raba Ħadd tal-Avvent

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

F’Mejju ta’ din is-sena kellna Papa ġdid wara t-telfa tal-Papa Franġisku. Waqt il-konklavi tlabna, stennejna u ttamajna li ma jdumx ma jkollna Papa ġdid. Għalkemm ma kienx konklavi twil, kienu diversi li ma felħux jistennew u pruvaw jaqtgħu minn seta’ jkun il-Papa l-magħżul. Kien biss meta smajna l-isem Robert Prevost, li stajna nkunu nafu minn kien se jmexxi l-knisja kattolika għaż-żmien li ġej. Barra minn hekk sirna nafu li kien se jieħu l-isem ta’: Ljun. Dan l-isem tana ndikazzjoni ta’ x’linja se jieħu tul l-papat tiegħu. L-isem ‘Ljun’ fakkarna fir-riforma li ġab il-Papa San Ljun l-kbir, kif wkoll fit-tagħlim soċjali tal-Papa Ljun XIII, quddiem dinja li kienet qed tinbidel frott ir-revoluzzjoni ndustrijali. L-isem għalhekk hu wkoll marbut ma’ missjoni u mhux biss mal-persuna nfisha.

F’dawn l-aħħar jiem tal-Avvent, l-Knisja twassalna qrib il-misteru tal-inkarnazzjoni, billi ma tibqax titkellem biss minn simboli u minn profeziji li saru fl-imgħoddi, imma minn isem – Ġesù. L-isem jgħid ħafna; mhux sempliċiment kelma biex biha jsejħulna u nwieġbu, imma l-isem jagħti identità, jagħmilna uniċi u jagħtina missjoni. Li tkun taf lil xi ħadd b’ismu tfisser li tkun tafu sew. L-anġlu qal lil Ġużeppi: ‘u int issemmieh Ġesù.  L-isem Ġesù ma kienx l-idea ta’ Ġużeppi, anqas il-preferenza ta’ ommu Marija, imma dan l-isem ġie mgħoti minn Alla nnifsu. Fit-tradizzjoni Lhudija, l-missier kien li jagħti l-isem lit-tarbija. Għalhekk il-fatt li l-isem ġie mogħti minn Alla jfisser li Missier Ġesù hu Alla nnifsu, madankollu Alla ried li jkun Ġużeppi li jidher li qed jagħti l-isem lit-tarbija mwielda minn Marija, biex Ġużeppi jkun tassew il-missier leġittimu quddiem il-liġi Lhudija. Dan il-ġest daħħal lil Ġesù fil-linja tal-familja ta’ David u b’hekk dak li ġie mħabbar minn qabel mill-profeti jseħħ tassew. Il-profeta Iżaija ħabbar salvatur mill-familja ta’ David, u tassew is-salvazzjoni daħlet fid-dinja, permezz ta’ Ġesù. Dan li jfisser l-isem ‘Ġesù’. Kien l-anġlu nnifsu li fisser it-tifsira tal-isem meta qal: ‘għax hu jsalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom.’ Alla għażel li juri min hu Ġesù sa mill-bidu nett; qabel ma deher jippriedka, qabel ma wettaq l-mirakli, u qabel ma miet fuq is-salib, diġà stajna nkunu nafu li Ġesù hu tassew salvatur.  Hu kellu jsalva lil kull bniedem mhux mill-iskumdita’, l-anqas mill-inkwiet li toffri l-ħajja jew mir-responsabilitajiet u toqol ieħor tal-ħajja, imma mid-dnub. Ġesù jsalvana minn dak kollu li jifridna minn Alla l-Imbierek.

Sew fl-ewwel qari, kif wkoll fl-Evanġelju nsibu isem ieħor mogħti lil Ġesù: Emmanuel, li jfisser ‘Alla magħna’. Forsi hawn nistaqsu: imma liema hu l-propju isem? It-tweġiba hi: it-tnejn. L-isem ‘Ġesù’, li kif għidna, jfisser ‘hu jsalva’, waqt li l-isem ‘Emmanuel’ jgħidilna kif se jsalvana. Alla ma jsalvax lill-bniedem mill-bogħod, imma billi jidħol fl-istorja tiegħu. Alla magħna fil-konfużjonijiet tagħna, kif kien ma’ Ġużeppi meta ħassu konfuż bl-aħbar li Marija kienet qed tistenna tarbija mingħajr l-involviment tiegħu. Alla magħna fil-vulnerabiltajiet tagħna, kif kien ma’ Marija fil-‘helplessness’ tagħha. Alla magħna fil-biżgħat tagħna, fl-istennija tagħna u saħansitra fid-dnub tagħna.

Hekk kif qed joqrob jum l-Milied, ejjew infittxu li niltaqgħu ma’ dan is-salvatur billi nħalluh jidħol fl-istorja personali tagħna kif daħal fl-istorja ta’ Ġużeppi. San Ġużepp jgħallimna kif ngħixu l-istess fidi tagħna fil-kwiet, fl-ubbidjenza u fil-fiduċja li wera. Anke quddiem futur inċert, Ġużeppi baqa’ trankwill (tant li kien kapaċi jorqod u jistrieħ) u konvint li Alla miegħu. Hu x’inhu l-inkwiet tagħna, hu x’inhu d-dnub li qed itaqqalna, hu x’inhu li qed jimliena bil-biża u l-inċertezza, ejjew niftakru li Alla magħna. Din mhix tijorija imma isem konkret. Ġesù. Ejjew għalhekk inħalluh jaħfer id-dnub tagħna, billi f’dawn il-ġranet nersqu lejn is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni. Inħallu lill-Mulej ikun tassew magħna, u mhux biss inkunu kuntenti narawh bħala tarbija f’maxtura, jew fi presepju sabiħ. Ejjew nemmnu tassew fil-qawwa u fil-kobor tal-isem ta’ ‘Ġesù’. Ejjew nitkellmu f’ismu dwar il-fidi tagħna. Ejjew nafdaw aktar f’dan l-isem u nemmnu li għandu qawwa li jsalva.