Riflessjoni għar-4 Ħadd tar-Randan
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana
L-innu Amazing Grace huwa wieħed mill-aktar innijiet insara li huma magħrufa mad-dinja kollha. L-istorja tiegħu hija marbuta ma’ bidla kbira li ġrat fil-ħajja tal-awtur tiegħu, John Newton. John Newton twieled fl-1725 fl-Ingilterra. Meta kien żagħżugħ kien jaħdem bħala baħri u aktar tard kien involut fin-negozju tal-iskjavi billi jittrasporta nies mill-Afrika lejn il-punent. Fl-1748, waqt vjaġġ bil-baħar, il-vapur li kien fuqu inqabad f’maltempata kbira, tant li kien kważi għereq. F’dak il-mument Newton ġie wiċċ imb’wiċċ miegħu nnifsu u għaraf id-dalma li kien fiha b’dak li kien jagħmel, talab lil Alla jgħinu u ħass li Alla salvah mhux biss mill-għarqa, imma wisq aktar mill-miżerja tad-dnub li kien qed jgħix fih; dan l-avveniment bidillu ħajtu. Wara din l-esperjenza, Newton warrab kull kummerċ tal-iskjavi u aktar tard sar saċerdot Anglikan. Fl-1772 kiteb l-innu Amazing Grace bħala riflessjoni fuq kif il-grazzja ta’ Alla bidlitlu ħajtu. Hu għaraf li Alla kien ħafirlu kull dnub li kien wettaq f’ħajtu. Dan l-innu sar simbolu ta’ tama, maħfra u bidla fil-ħajja. F’dan l-innu Newton jistqarr u jgħid: “I once was lost, but now am found; Was blind, but now I see” (Darba kont mitluf, imma issa ġejt misjub; Kont għami, imma issa nara). Kienet il-grazzja ta’ Alla li messitu – kien Alla li fetaħlu għajnejh biex jara l-miżerja tiegħu. L-inizjattiva hi kollha kemm hi ta’ Alla.
L-istess ħsieb insibuh fil-qari tal-lum. Fl-ewwel qari għandna lil Ġesse li ppreżenta sebgħa minn uliedu quddiem il-profeta Samwel biex jagħżel minnhom sultan. Għal Ġesse dawn is-sebgħa kienu kapaċi jmexxu poplu għax kienu b’saħħithom u ta’ ħila kbira. Imma kien ħalla barra lil ibnu ż-żgħir David, għax ma kien ra fih ebda potenzjal ħlief li jibqa’ jirgħa n-nagħaġ bħala ragħaj. Ġesse ma kien qed jara b’ebda mod dak li Alla ra f’David. Iżda l-profeta Samwel intebaħ li dawk li kellu quddiemu ma kinux ulied Ġesse kollha. L-ebda wieħed mis-sebgħa ma kien is-sultan li Alla għażel, għalhekk talab lil Ġesse jressaqlu lil uliedu kollha, inkluż lil David. Hekk kif David wasal quddiemu, ra fih il-magħżul tal-Mulej. Dak li Alla jara mhux dak li jara l-bniedem.
Fl-Evanġelju naraw kif il-grazzja ta’ Alla tasal bla mistenni u tiftaħ għajnejn wieħed għama mit-twelid. Dan ir-raġel anqas biss intebaħ li kien għaddej Ġesù (ma setax jarah), u wisq anqas talab għall-fejqan (ma kellux saħħa jitlob). Kien Ġesù nnifsu li bla ma talbu permess diliklu għajnejh bit-tajn magħmul mit-trab tal-art u l-bżieq. Ġesù talbu biss biex jikkopera mal-grazzja billi jmur jinħasel fil-menqgħa ta’ Silwam, ir-raġel mar u beda jara. In-nies u l-ġirien kienu jaraw f’dan ir-raġel tallab u xejn aktar, waqt li Ġesù kien qed jara fih il-glorja ta’ Alla, tant li lid-dixxipli qalilhom “ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih.” Dak li Alla jara mhux dak li jara l-bniedem.
Kemm drabi nħarsu lejna nfusna b’ċertu mod u ma naraw fina ebda potenzjal! Kemm drabi nħarsu lejn l-oħrajn u nikklassifikaw lil xi wħud bħala kapaċi u oħrajn li ma għandhom ħila għal xejn! Inkunu qed nagħmlu bħal Ġesse, li ma ra ebda potenzjal f’David. Inkunu qed nagħmlu bħan-nies u l-ġirien li draw jaraw lill-agħma mit-twelid biss bħala tallab. Kemm drabi nkunu għomja bla ma naraw dak li Alla jara fina u f’persuni oħra. Hi biss il-grazzja ta’ Alla li tgħinna naraw il-verità tagħna nfusna u l-verità tan-nies ta’ madwarna; hi l-grazzja ta’ Alla li twassalna biex naraw aktar ċar dak li Alla jara fina u fl-oħrajn. Hi l-grazzja ta’ Alla li twassalna naraw li f’kulma jiġri, inkluż it-traġedji tal-ħajja, hemm l-id ta’ Alla. Il-maltempata kienet grazzja għal Newton, l-għamad tar-raġel għama mit-twelid kien grazzja biex jidher l-għemil ta’ Alla. U marda tista’ tkun ukoll grazzja biex tintebaħ bl-impenn u l-imħabba tal-membri tal-familja tiegħek u tapprezzahom ferm aktar. Kriżi tista’ ssir ukoll grazzja għax permezz tagħha nikbru u nimmaturaw. Kultant traġedja tiftħilna għajnejna u nibdew naraw dak li qabel qatt ma nkunu rajna. Kultant il-Mulej jaħsadna biex ninqalgħu mid-dalma li nkunu sibna ruħna fiha. Inħallu l-istedina ta’ San Pawl tidwi f’kull wieħed u waħda minna f’dawn il-ġranet tar-Randan; hu li jgħid: “Stenbaħ int, li rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu.” J’Alla lkoll nintebħu bil-grazzja li hi tant viċin tagħna, j’Alla nintebħu bi Kristu li hu qrib u qed imiss l-għajnejn ta’ ruħna biex naraw il-miżerji tagħna, imma wisq u wisq aktar naraw fih il-qawwa ta’ Alla li jsalva.
