Riflessjoni għall-5 Ħadd tar-Randan

Riflessjoni għall-5 Ħadd tar-Randan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Fuq ħafna prodotti, b’mod speċjali prodotti tal-ikel u mediċina nsibu miktuba b’mod ċar id-data tal-iskadenza. Ħafna minna jagħtu każha, u hekk għandu jkun, imma ġieli nissograw xi ftit u xorta nużaw prodotti li jkunu għadhom kif skadew bi ftit ġranet. Żgur li mhux se nissograw nużaw li jkunu skadew snin qabel! Wara ċertu żmien taqta’ jiesek li jkunu għadhom tajbin u tarmihom. Aħna nikkalkulaw iż-żmien għax iż-żmien hu ferm impotanti. Dan nagħmluh billi ngħoddu s-snin, ix-xhur, il-ġranet u saħansitra l-minuti u s-sekondi. U mill-kalkolu taż-żmien nistgħu ngħidu jekk hux kmieni jew tard. Normalment nagħmlu ħilitna biex nirrispettaw iż-żmien. Fejn nistgħu nippruvaw inkunu mal-ħin, jekk, per eżempju, jkollna appuntament nippruvaw li tkun fil-ħin. Forsi xi ftit minuti tard hi aċċettabbli, imma mhux se mmorru xi sagħtejn wara l-ħin miftiehem, għax ikun kollox għalxejn.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù wasal tard u sab li Lazzru kien ilu erbat ijiem mejjet. Donnu għal Ġesù l-ħin mhux daqshekk imporanti! Alla mhux marbut biż-żmien u ma jikkalkulax il-ħin kif nikkalkulaw aħna. F’dan ir-rakkont tal-lum niltaqgħu ma’ xena mimlija emozzjoni, dubju u tama fl-istess ħin. Marta tgħid lil Ġesù: “Mulej, issa ilu diġà erbat ijiem mejjet.” Donnu qed tgħidlu: “Issa tard wisq. M’hemmx aktar x’jista’ jsir.” Issa skada kollox u l-mewt rebħet lil Lazzru. L-enfasi fuq “erbat ijiem” hi mportanti, għax il-Lhud kienu jemmnu li r-ruħ tibqa’ fil-ġisem erbat ijiem wara l-mewt; wara l-erbat ijiem tintilef kull tama ta’ ħajja. Jiġifieri, is-sitwazzjoni ta’ Lazzru kienet tassew bla tama. Kemm-il darba aħna wkoll inħossuna f’sitwazzjonijiet simili. Kemm drabi nħossu li issa tard wisq, xejn ma jista’ jsir! Kemm relazzjonijiet imkissra, bla tama li jiġi rranġat xi ħaġa! Kemm drawwiet ħżiena li nħossu li ma nistgħux neħilsu minnhom! Kemm realtajiet ta’ mard li ma jidher ebda tama ta’ fejqan! U forsi, bħal Marta, ngħidu: “Issa spiċċa kollox!”

U proprju hawn jidħol Ġesù. Il-mod ta’ kif Ġesù jwieġeb lil Marta jista’ jħassibna, għax hu jgħid: “Jiena l-qawmien u l-ħajja.” Ma jgħidx biss li jista’ jagħmel miraklu, imma li HUWA nnifsu huwa l-ħajja. Fejn jidħol Hu, anke dak kollu li jidher mejjet jista’ jerġa’ jgħix.  Alla ma jibżax mis-sitwazzjonijiet impossibbli, anzi, kultant jistenna proprju sa meta kollox jidher mitluf, biex juri l-qawwa tiegħu. Imma rridu niftakru li hemm pass importanti, qabel ma Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewt. Ġesù ordna li jneħħu “l-ġebla” minn quddiem id-daħla tal-qabar. Dan ifisser li aħna wkoll irridu nagħmlu l-parti tagħna u nneħħu kull xkiel li jżommna magħluqin fina nfusna. Hemm “ġebel” fil-ħajja li rridu nneħħu biex nesperjenzaw ħajja ġdida; irridu neħħu l-biża’, in-nuqqas ta’ maħfra, id-dnub li nżommu mistur ġewwa fina, in-nuqqas ta’ fidi, u tant u tant ostakli oħra. Iva Ġesù jista’ jqajjem mill-mewt, imma min-naħa tagħna, irridu nkunu lesti niftħulu qalbna. Wara li tneħħiet il-ġebla, jinstema’ l-kliem qawwi ta’: “Lazzru, oħroġ!” Dan il-kliem mhux biss indirizzat lil Lazzru, imma lil kull wieħed u waħda minna. “Oħroġ” mill-qtigħ ta’ qalb. “Oħroġ” mis-suppervja tiegħek. “Oħroġ” mid-dnub. “Oħroġ” mill-ħajja li mhix tassew ħajja. U Lazzru ħareġ, imgeżwer fil-faxxex u b’maktur ma’ wiċċu. Dawn il-faxxex u l-maktur huma sinjal tal-limitazzjonijiet tal-umanità tagħna. Huma t-tfixkil li ma jħalluniex nimxu 'l quddiem. Minkejja li Ġesù tah il-ħajja mill-ġdid, xorta Lazzru kellu bżonn l-għajnuna ta’ l-oħrajn. Il-komunità għandha rwol importanti fil-mixja spiritwali tagħna. Il-komunità Nisranija tgħin biex kull wieħed u waħda minna nħallu warajna dak li jista’ jorbotna.

Forsi, f’dan iż-żmien tar-Randan qed nirrealizzaw li hemm xi ħaġa fina li ilha “erbat ijiem mejta.” Forsi naħsbu li m’hemmx tama, u qed naqtgħu qalbna. Imma Ġesù għadu quddiem il-qabar tagħna u qed jgħajtilna waqt li jgħidilna: “jekk temmen, tara l-glorja ta’ Alla.” Il-Mulej Ġesù qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda b’ismu waqt li jgħidilna: “oħroġ,” oħroġ biex tgħix. Qed isejħilna biex permezz tal-Knisja neħilsu minn dak li qed jimblokkana (il-ġebel), minn dak li qed jorbotna (il-faxxex) u minn dak li jżommna fid-dlam u fl-intiena tal-qabar. F’dawn il-jiem li ġejjin ejjew niftħu qalbna għal Alla, u nersqu lejn is-sagrament tal-maħfra. Hu jista’ jagħti ħajja ġdida, anke fejn aħna naraw biss tmiem. IIlek kemm ilek ma tersaq lejn dan is-sagrament ftit jimporta, l-importanti li tersaq kif int quddiemu u tħalli lilu jagħtik il-ħajja għax hu l-QAWMIEN U L-ĦAJJA.