Riflessjoni għall-Ħadd il-Palm

Riflessjoni għall-Ħadd il-Palm

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Illum nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa b’żewġ xeni li għall-ewwel jidhru kontradittorji, imma fir-realtà huma kumplimentari għal xulxin: minn naħa għandna l-ferħ u l-għajjat ta’ “Hosanna!” waqt id-dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, u minn naħa l-oħra l-ġrajja tas-salib, mimlija tbatija, tradiment, u solitudni. Din ir-realtà hi r-realtà umana. L-istess ġrajjiet li jferħuna jistgħu jsiru ġrajjiet li jniktuna; l-istess nies li jimlew il-qlub tagħna, ikunu l-kawża tal-biki tagħna. Dak li jidher ħelu jaf isir morr u dak li hu sabiħ jista’ jsir ikraħ. Staqsi lill-ġenituri u tara kif l-istess ulied, li huma l-mimmi ta’ għajnejhom, ħafna drabi jsiru l-uġigħ ta’ ras tagħhom.

Illum quddiemna għandna folla li tilqa’ lil Ġesù bħala sultan. Hi folla mxennqa għal sultan effettiv, li jagħmel differenza u li jkun kapaċi jeħlishom mill-ħakma Rumana. Donnu l-mexxejja li kellhom, ma rnexxielhomx jaslu biex lir-Rumani jwarrbuhom min-nofs. Il-folla kienet imxebba mill-mexxejja Lhud peress li kienu aktar għabbewhom liġijiet u drawwiet reliġjużi flok tawhom il-ħelsien li kellhom bżonn. F’Ġesù kienu qed jaraw tama ġdida. Il-kliem u l-għemil ta’ Ġesù wassalhom biex jaraw fih il-potenzjal ta’ mexxej u salvatur – fih raw sultan jixbaħ lis-sultan David. Il-folla riedet Messija li jeħlishom politikament, li jagħtihom poter u suċċess. Imma meta l-folla bdiet tinduna li Ġesù ma kienx is-Sultan li ħolmu huma, bdew jarawh mod ieħor. Għax hu, iva, daħal fil-belt ta’ Ġerusalemm b’mod trijonfali, imma mhux fuq żwiemel tal-kavallerija mdawwar b’suldati qalbiena li jwerwru lill-għadu, imma fuq felu ta’ ħmar imdawwar bi ftit dixxipli sempliċi. Raw li Ġesù kien tassew sultan sod fi kliemu u f’għemilu, imma umli u ġwejjed bħal ħaruf. Indunaw li Ġesù kien Sultan iebes ma’ min hu kburi u supperv, imma ħanin u kollu mogħdrija mal-midneb u d-dgħajjef. F’Ġesù raw Sultan li ma jfittixx il-kumdità tiegħu nnifsu imma li kien lest jagħti ħajtu. Quddiem dan is-Sultan, il-folla għajtet bil-ferħ, imma fl-istess ħin ma kienx Sultan li laħaq l-aspettattivi tagħhom u malajr daru kontrih u warbuh billi għajtu “Salbu!” Ma ndunawx li Ġesù ried jeħlishom mhux wisq mir-Rumani, daqskemm mill-ħakma tal-għadu l-kbir – ix-xitan!

Forsi hawn ta’ min nistaqsi lili nnifsi: “Jien x’tip ta’ Sultan qed nistenna f’Ġesù? Dak li jaqbel mal-aspettattivi tiegħi… jew dak li tassew jeħlisni mill-ħakma tax-xitan?” Għax jista’ jiġri li anke jien nara f’Ġesù tama ġdida u nħoss li hu jista’ jagħmel differenza f’ħajti u fid-dinja, imma fl-istess ħin ninduna li hu mhux qed jeħlisni mit-tbatija, mis-slaleb tal-ħajja u minn dak kollu li jista’ jagħmilli ħajti diffiċli. Nista’ jien ukoll ngħajjat “Hosanna!” u nkanta meta nkun fil-knisja, imma nista’ ngħajjat “Salbu!” meta nwarrbu u ma nħallihx jidħol fid-deċiżjonijiet u l-għażliet li nagħmel. Niftakru li Ġesù għażel it-triq tas-servizz, aktar milli għażel li jaħkem u jiddomina fuq kulħadd u fuq kollox. Lilna wkoll jiggwidana biex nimxu f’din it-triq u forsi għalhekk mhux dejjem jattirana, għax ma nifhmux biżżejjed li l-imħabba twassal tassew għar-rebħa fuq l-għadu l-kbir – ix-xitan. Fir-rakkont tal-Passjoni naraw kif Ġesù ma ħarabx mit-tbatija. Hu kien jaf x’se jiġri, u madankollu xorta jasal li jgħid: “mhux kif irrid jien, imma kif trid int.” Hawn, u fil-ġrajja tal-Passjoni kollha, Ġesù jurina li l-vera qawwa mhix fil-poter, imma fl-imħabba li tagħti kollox. F’dinja li kontinwament tgħidilna biex nipproteġu lilna nfusna, biex nirbħu u biex niddominaw, Ġesù għażel li jaħfer, li jservi u li jagħti ħajtu.

Il-Passjoni ma tispiċċax fid-dalma tal-falliment. Għalkemm illum nieqfu fuq it-tbatija u l-mewt, nafu li l-istorja tkompli l-ġimgħa d-dieħla fejn nisimgħu r-rakkont tal-qawmien. Is-salib ta’ Ġesù jfakkarna li Alla jimxi magħna fit-triq tat-tbatija sa ma naslu għar-rebħa. Kull telfa li tidher quddiemna taf issir rebħa, għax fl-aħħar mill-aħħar l-imħabba hi li dejjem tirbaħ fuq kollox. Il-morr tal-Passjoni jinbidel fil-ħelu tar-rebħa. Id-dlam jintrebaħ mid-dawl tal-glorja tal-Għid. F’din il-Ġimgħa Mqaddsa, aħna mistiedna nimxu ma’ Ġesù, mhux biss bħala parti minn folla billi nimxu skont fejn tmur il-folla, imma wkoll bħala dixxipli. Ejjew inpoġġu lilna nfusna sew waqt il-festa tad-dħul trijonfali ta’ Ġesù fil-belt ta’ Ġerusalemm u sew fit-triq tat-tbatija. Nistaqsi: bħala dixxiplu fejn insib lili nnifsi fir-rakkont tal-Passjoni? Jien bħal Pietru li jaċħad? Jien bħal Ġuda li jittradixxi? Jew jien bħal Xmun ta’ Ċirene li jgħinu jġorr is-salib? Ma nibqgħux infaħħru lil Ġesù bil-kliem biss, imma ejjew nerfgħu s-salib u nimxu lealment warajh tul il-ħajja kollha tagħna, bħal Xmun minn Ċirene.