Riflessjoni għas-6 Ħadd tal-Għid

Riflessjoni għas-6 Ħadd tal-Għid

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Minkejja l-avvanzi kbar li saru fil-qasam tal-komunikazzjoni, u minkejja li għandna ħafna faċilitajiet li jresquna lejn xulxin, xorta waħda l-problema tas-solitudni (loneliness) qegħda tikber b’mod allarmanti fid-dinja ta’ żmienna. L-organizzazzjoni dinjija tas-saħħa tgħid li l-iżolament soċjali u s-solitudni bħalissa jlaħħqu għal16% tan-nies madwar id-dinja: din tfisser persuna minn kull sitta qed tgħix f’solitudni kbira. Ir-riċerka turi li s-solitudni hi pjaga l-aktar komuni fost l-adoloxxenti u ż-żagħżagħ, imma anke fost l-anzjani nsibu li n-numru ta’ nies weħidhom qed jiżdied. Ir-riċerka turi wkoll li l-iżolament soċjali u s-solitudni għandhom impatt serju fuq is-saħħa fiżika u mentali, u tħalli effett fuq il-kwalità tal-ħajja li l-bniedem jgħix. L-organizzazzjoni dinjija tas-saħħa tirrikonoxxi s-solitudni bħala problema serja ta’ saħħa pubblika u tara l-bżonn li tingħata prijorità fil-ħidma favur is-saħħa pubblika.

Hu bżonn bażiku li l-bniedem ikun qrib u connected ma’ persuni oħra.  “Mhux sew li l-bniedem jibqa’ waħdu,” naqraw fil-ktieb tal-Ġenesi, għalhekk is-solitudni tmur kontra n-natura tal-bniedem innifsu. Is-solitudni tinħass l-aktar meta persuna tħossha inviżibbli, maqtuha minn kulħadd, meta ħadd ma jistmaha, iqisha jew jagħti każha. Meta nħossuna waħidna, il-moħħ ikun qed jibgħat messaġġ għal sigurtà emozzjonali peress li jkun qed iħossu emozzjonalment inċert. Jekk ma nsibux il-wens u s-sigurtà li għandna bżonn f’persuni oħra, nintrebħu mill-istess solitudni u nsibu ruħna f’dalma.  

IIlum Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Ma nħallikomx iltiema.” Dan huwa kliem li jimliena b’faraġ u tama. Ġesù jaf li l-qalb tal-bniedem tibża’ mis-solitudni, mill-abbandun u mill-esperjenza li wieħed iħossu waħdu fit-taqbida tal-ħajja. Id-dixxipli kienu se jgħaddu minn mument diffiċli, minħabba li Ġesù kien riesaq lejn il-passjoni, u għalhekk lejn it-tluq tiegħu minn fosthom. Qabel ma telaq wegħedhom li mhux se jitlaqhom għal kollox, imma se jibqa’ magħhom permezz tal-Ispirtu s-Santu. Din il-wegħda hi mportanti ħafna anke għalina llum li kultant inħossuna iżolati u waħidna. Aħna wkoll nistgħu nħossuna bil-ġuħ għal relazzjonijiet veri, profondi u mimlijin imħabba. U proprju f’din is-sitwazzjoni fejn Ġesù jgħidilna: “Jiena magħkom.” L-Ispirtu s-Santu, li Ġesù jsejjaħlu “il-Paraklitu,” jiġifieri l-Konsolatur u d-Difensur, hu l-preżenza ħajja ta’ Alla fina. Meta nħossuna mweġġgħin, minsijin jew mingħajr tama, l-Ispirtu jfakkarna li aħna maħbubin minn Alla. Hu jagħtina l-qawwa biex ma naqtgħux qalbna, biex nibqgħu mexjin anke fid-dlamijiet tal-ħajja.

L-Evanġelju tal-lum mhux biss stedina biex insibu l-wens u l-faraġ ta’ Alla, imma wkoll hu sejħa biex aħna nkunu preżenza ta’ faraġ u noffru wens lill-oħrajn. Kemm hawn nies madwarna li qed jgħixu f’solitudni kbira! L-anzjan li jgħaddi ġranet sħaħ mingħajr ma jkellmu ħadd. Iż-żagħżugħ li jidher ferrieħi minn barra imma minn ġewwa imbeżża u mħawwad għax iħossu ma hu mifhum minn ħadd. Il-persuna marida, l-emarġinat, min tilef lil xi ħadd għażiż, jew min iħossu mwarrab mill-familja tiegħu stess jew mis-soċjetà. Kultant m’hemmx bżonn affarijiet kbar biex innaqqsu xi ftit is-solitudni ta’ xi ħadd. Kelma tajba, telefonata, żjara, tbissima, jew sempliċement li nisimgħu lil xi ħadd b’qalb miftuħa jistgħu jagħmlu differenza kbira. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed inwasslu l-preżenza ta’ Kristu nnifsu. Fl-ewwel qari naraw kif il-komunità Nisranija kibret permezz tas-servizz u tal-imħabba li kienet tagħti. Il-Knisja tal-bidu ma kinitx komunità perfetta, imma kienet komunità fejn in-nies kienu jieħdu ħsieb lil xulxin. Dan hu l-mudell li għandu jkollna llum: Knisja li tilqa’, li tisma’, li tersaq qrib ta’ min hu waħdu u midrub. Anke fit-tieni qari nsibu stedina biex inkunu dejjem lesti nagħtu raġuni għat-tama li hemm fina. F’dinja fejn ħafna nies qed iħossuhom mitlufa u waħedhom, il-Kristjan imsejjaħ ikun xhud tat-tama. Mhux tama falza jew superfiċjali, imma tama li ġejja mill-fidi fi Kristu ħaj u Hu baqa’ magħna kif kien wiegħdna.

Jista’ jkun li xi wħud minna llum qed iġorru fis-skiet il-piż tas-solitudni. Ġesù llum jgħidilna b’ċertezza: “Ma nħallikomx iltiema.” Hu preżenti fil-Kelma tiegħu, fl-Ewkaristija, fil-komunità, u fil-persuni li jqiegħed fit-triq tagħna. U hu jistedinna wkoll biex aħna nkunu sinjal tal-preżenza tiegħu għal xulxin. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jimla l-qlub tagħna bil-paċi u jagħmilna strumenti ta’ mħabba, ta’ qrubija u ta’ tama f’dinja li tant għandha bżonn tħoss li mhijiex waħedha.