Riflessjoni għal 11 -il Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għal 11 -il Ħadd ta' matul is-sena

 

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

 

Fil-ġranet twal tas-sajf, ħafna minna jieħdu l-opportunità biex iduru dawra mal-bżonnijiet tagħhom. Forsi hemm bżonn taqla’ qala’ l-garaxx li ilu jakkumula mbarazz fih għal xhur sħaħ. Forsi hemm bżonn ta’ tibjida jew ta’ tiswijiet fid-dar li ilna ngħidu li se nagħmlu. Forsi l-karozza waslitilha ż-żmien għal servizz. Jew forsi hemm bżonn torganizza aħjar in-negozju tal-familja biex jimxi aħjar. Kif inġib ruħi quddiem il-bżonnijiet? Nistgħu nirreaġixxu b’mod differenti. Hemm min ma joqgħodx jaħsibha wisq u jmidd idejh u jibda jagħmel dak li hemm bżonn. Hemm min, minħabba nuqqas ta’ ħin jew ta’ ħila, ifittex lil xi ħadd ieħor biex jgħinu. U hemm min jaqta’ qalbu qabel ma jibda u jispiċċa jilmenta, jara lejn min se jipponta subgħajh u jagħti t-tort lill-oħrajn għal dik is-sitwazzjoni.  L-istess jista’ jiġri quddiem il-bżonnijiet spiritwali tal-komunità tagħna. Meta naraw il-faqar, is-solitudni, il-konfużjoni morali, in-nuqqas ta’ tama, l-indifferenza lejn Alla, x’nagħmlu? Nibqgħu nosservaw mill-bogħod? Nilmentaw li ż-żminijiet inbidlu? Jew forsi nistaqsu: “Mulej, x’nista’ nagħmel jien?”

L-ewwel qari jurina li Alla qatt ma baqa’ indifferenti quddiem il-bżonn tal-poplu tiegħu. Hu ra t-tbatija ta’ poplu mjassar fl-Eġittu, sema’ l-għajta tiegħu u niżel biex isalvah. Imma huwa interessanti li Alla m’għamilx kollox waħdu. Għażel lil Mosè biex jipparteċipa miegħu f’din il-ħidma ta’ ħelsien. Mosè kellu l-limitazzjonijiet tiegħu: kien jibża’, iħossu mhux kapaċi, ilaqlaq u jipprova jsib l-iskużi. Madankollu Alla sejjaħlu u mexa miegħu. Imma mhux biss Mosè. Alla ried li l-poplu kollu, li għadda mill-esperjenza tad-deżert, ikun “saltna ta’ qassisin u ġens qaddis.” Jiġifieri poplu li ma jgħix għalih innifsu biss, imma li jkollu sehem fil-pjan ta’ Alla u fil-bini tas-Saltna tiegħu.

L-Evanġelju jurina lil Ġesù bl-istess qalb ta’ Alla l-Missier. San Mattew jgħidilna li meta ra l-folol, tħassarhom, għax kienu “bħal nagħaġ bla ragħaj.” Ġesù ma rahomx bħala numri jew bħala problema. Ra persuni konkreti: nies mitlufa, għajjenin u mingħajr direzzjoni spiritwali. L-ewwel reazzjoni tiegħu kienet il-kompassjoni. Il-kelma li juża l-Evanġelju tfisser emozzjoni profonda li tmiss il-ġewwieni kollu tal-bniedem. Ġesù ma baqax passiv. Midd idejh: beda jgħallem, ifejjaq, iqawwi l-qalb u juri t-triq lejn il-Missier.  Iżda anke Ġesù ma riedx iwettaq il-missjoni tiegħu waħdu. Hu sejjaħ tnax. U dawn it-tnax ma kinux xi grupp magħżul għax kienu perfetti. Kienu ġejjin minn ambjenti differenti, nies b’karattri differenti, b’ħolm differenti u b’ħiliet differenti. Dak li għaqqadhom ma kienx il-perfezzjoni tagħhom, imma s-sejħa ta’ Ġesù u d-disponibbiltà tagħhom li jimxu warajh. L-Appostli huma l-Knisja kollha. Il-Knisja hija msejħa biex tkompli l-missjoni ta’ Ġesù, jiġifieri li tmexxi lill-bnedmin lejn Alla. Qabel kull struttura, qabel kull attività jew inizjattiva, il-Knisja teżisti biex tħabbar li Alla jħobb lill-bniedem, li Kristu miet u rxoxta għalina, u li hemm triq ta’ ħajja u ta’ tama. Issa l-Knisja mhix biss dawk li Alla sejjaħ biex ikunu isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u djakni, imma hi l-ġemgħa kollha tal-imgħammdin. Kull wieħed u waħda minna, bis-saħħa tal-Magħmudija, ġie msejjaħ biex ikun dixxiplu u missjunarju. Mela aħna lkoll magħżulin biex nipparteċipaw fil-missjoni ta’ Kristu. Aħna wkoll ġejjin minn ambjenti differenti u għandna ħiliet u responsabbiltajiet differenti.  Il-problema kultant hi li nibqgħu nistennew lil ħaddieħor jagħmel dak li hemm bżonn. Nistgħu nispiċċaw ngħidu: “Jien x’nista’ nagħmel?” jew: “Mhux xogħli.” U b’hekk il-ħsad jibqa’ kbir u l-ħaddiema ftit. Il-Mulej illum qed jistaqsina: Int fejn tista’ tkun parti minn din il-missjoni? Fid-dar tiegħek? Billi tgħin biex il-familja tiegħek tkun eqreb lejn Alla? Fuq il-post tax-xogħol, billi tkun xhud ta’ onestà u rispett? Fil-parroċċa, billi toffri ftit mill-ħin tiegħek? Fost il-ġirien, billi tersaq lejn min hu waħdu jew imwarrab?  Mhux kulħadd se jagħmel l-istess ħaġa, imma kulħadd jista’ jagħmel xi ħaġa. U dak li nagħmlu b’imħabba u fedeltà, Alla jaf jużah biex jasal għand ħafna oħrajn.

Għalhekk, quddiem il-ħafna bżonnijiet li naraw madwarna, ma nibqgħux biss nilmentaw jew infittxu f’min inwaħħlu. Ejjew nitolbu biex ikollna l-għajnejn ta’ Ġesù li jaraw il-bżonn, il-qalb ta’ Ġesù li titħassar, u l-idejn ta’ Ġesù li jmiddhom għas-servizz. U nitolbuh jurina fejn hu postna. Għax meta kull wieħed u waħda minna jiskopri s-sejħa tiegħu u jgħixha bil-fedeltà, il-missjoni tal-Knisja ssir tassew universali u l-Bxara t-Tajba tasal sal-ibgħad truf tad-dinja.