Riflessjoni għat-12 -il Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għat-12 -il Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Forsi ftit nirrealizzaw kemm xogħol ikun hemm wara kull attività li tiġi organizzata. Fost l-oħrajn irid isir risk assessment. Anke min jidħol għal xogħol ta’ kostruzzjoni fid-dar, dak li jkun jaf li bil-liġi, jrid ukoll jagħmel risk assessment. Risk assessment hu valutazzjoni tar-riskji li jista’ jkun hemm fil-proċess ta’ dak li jkun se jsir, fost l-oħrajn jiġu identifikati l-perikli kollha possibbli biex, kemm jista’ jkun, jiġu evitati nċidenti żgħar jew aktar minn hekk xi traġedja kbira. F’dan l-istudju jitqies dak kollu li jista' jmur ħażin, x’inhuma l-probabbiltajiet ta’ dak li jista’ jiġri, kif ukoll jaslu għall-konklużjonijiet ta’ kif jistgħu jitnaqqsu r-riskji. Illum ngħixu f'dinja fejn kważi kollox huwa mibni fuq dan il-prinċipju. Fil-fatt insibu twissijiet fuq il-pakketti tas-sigaretti, informazzjoni tar-riskji fuq il-mediċini li nixtru, istruzzjonijiet tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, sistemi ta' allarm fid-djar, cameras tas-sigurtà, antivirus fuq il-kompjuters. Anke t-tfal ngħallmuhom joqogħdu attenti għal nies li ma jafux, għall-internet u għat-traffiku. Kulħadd jaqbel li din hi xi ħaġa tajba ħafna u turi serjetà għax li tkun prudenti u tikkunsidra kollox minn qabel hi virtù. Jekk ma nimxux b’dan il-mod ma nkunu xejn għajr preżuntużi, u li tkun preżuntuż mhijiex virtù! Imma rridu noqogħdu attenti wkoll mill-estremità ta’ din il-mentalità. Bil-mod il-mod, il-valutazzjoni tar-riskju qed taffettwa anke l-ħajja interna tagħna l-bnedmin. Bdejna naraw kollox bħala sensiela ta' perikli. Nibżgħu mis-saħħa, mill-ekonomija, mill-futur, mill-opinjoni tan-nies, mill-falliment, mill-bidla, kif ukoll nibżgħu mill-imħabba, tant hu hekk li hawn min jibża jidħol għaż-żwieġ jew jibża jgħin lil xi ħadd li ma jmux iddur kontrih. Donnu l-biża' saret il-lenti li biha ninterpretaw ir-realtà.

U proprju f'dan il-kuntest li l-Evanġelju tal-lum jirrepeti għal tliet darbiet: "Tibżgħux." Mhux għax m'hemmx perikli, imma għax hemm realtà li hi akbar mill-perikli. Il-profeta Ġeremija jaf x'inhu l-periklu. Jgħid: "Twerwir minn kull naħa." In-nies kienu qed iqumu kontrih u qed jippjanaw konfoffa kontra tiegħu. Ħbiebu qed jistennewh jiżbalja. Huwa vittma ta' kampanja ta' mibegħda. U madankollu jgħid: "Il-Mulej miegħi bħal ġgant qawwi." Il-periklu ma naqasx, imma l-fiduċja tiegħu hi akbar mill-biża'.

Ġesù mhux qed ipoġġi quddiemna ottimiżmu falz, meta jgħidilna li ma se jiġrilna xejn, anzi jgħid ċar li “se jkun hemm min jippersegwitakom u saħansitra joqtolkom.” Imma mbagħad iżid billi jgħid: "Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem iżda ma jistgħux joqtlu r-ruħ." Qisu qed jgħidilna: “agħmlu intom ukoll risk assessment. Imma agħmluh sew. Mhux biss tal-ġisem, imma anke tar-ruħ. Mhux biss ta' dak li hu temporanju, imma ta' dak li hu għal dejjem.” Aħna ħafna drabi noqogħdu attenti biex ma nitilfux flus, ir-reputazzjoni jew il-kumdità. Imma kemm noqogħdu attenti biex ma nitilfux il-paċi tal-qalb? Biex ma nitilfux il-verità? Biex ma nitilfux ir-relazzjoni tagħna ma' Alla? Hawn jidħol ukoll it-tieni qari, fejn San Pawl jurina li l-akbar riskju tal-umanità m’huwiex il-faqar, il-gwerra jew il-mard, imma d-dnub. Permezz ta' Adam daħal id-dnub u miegħu l-mewt. Iżda permezz ta' Kristu daħlet il-grazzja, u din hi infinitament akbar mill-waqgħa. Din hi l-loġika Nisranija. Il-biża' tgħid: "Ipproteġi lilek innifsek." Il-fidi tgħid: "Afda lilek innifsek f'idejn Alla." Ġesù juża żewġ tixbihat mill-isbaħ: żewġ għasafar żgħar li jinbiegħu b’xejn, u xagħra waħda minn rasna. Jekk Alla jieħu ħsieb l-għasafar, kemm aktar jieħu ħsieb lilek u lili, li aħna tant għeżież f’għajnejh? Jekk Alla jaf kemm għandek xagħar f’rasek, kemm aktar jaf il-feriti, il-biżgħat u l-ansjetajiet tiegħek? Mela tassew nistgħu nafdawh b’ħajjitna, b’dak kollu li aħna, nistgħu nirriskjaw għax miegħu l-periklu m’huwiex akbar mill-imħabba tiegħu. Il-kliem ta' Ġesù mhux sempliċi konsolazzjoni. Huwa sejħa għall-kuraġġ. Min jaf li hu maħbub minn Alla ma jibqax skjav tal-biża'. Jista' jitkellem bil-verità, jaħfer, iħobb, iservi u jixhed, għax jaf li l-akbar sigurtà tiegħu mhijiex f'dak li jista' jitlef, imma f'Dak li qatt ma jista' jitilfu.

Għalhekk illum, meta d-dinja tistedinna nagħmlu risk assessment ta' kollox, Ġesù jistedinna nagħmlu wkoll faith assessment: kemm hi kbira l-fiduċja tiegħi f'Alla meta mqabbla mal-biżgħat tiegħi? U jekk il-biża' tibqa' tħabbat il-bieb ta' qalbna, niftakru fl-aħħar kelma tal-Vanġelu: "Tibżgħux. Intom tiswew aktar minn ħafna għasafar."