Riflessjoni għas-17 -il Ħadd ta' matul is-sena

Riflessjoni għas-17 -il Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Meta tarbija jew tifel żgħir jibdew jeqirdu jew jingħu, tinduna li jixtiequ xi ħaġa: jista’ jkun li għadhom mhux kapaċi jesprimu u jpoġġu fi kliem dak li jixtiequ. B’hekk il-ġenituri tagħhom jagħmlu ħilithom kollha biex jippruvaw jifhmu x’jixtiequ eżatt. Mhux dejjem tista’ tinduna x’inhuma x-xewqat moħbija tat-tfal. U mhux tat-tfal biss! Għax kultant anqas aħna stess ma nkunu nafu x’nixtiequ, x’irridu, x’qed infittxu eżatt. Ix-xewqat huma parti min-natura umana, u nistgħu ngħidu li huma l-magna li tmexxina fil-ħajja tagħna. Ix-xewqat jagħtuna l-forza biex filgħodu nqumu għal jum ieħor, ix-xewqat iwassluna biex nitgħallmu l-ġdid, ix-xewqat ilaqqgħuna man-nies u jwassluna biex nibnu relazzjonijiet ġodda ma’ l-oħrajn. Mingħajr ix-xewqat, la nħobbu lil Alla u anqas lil oħrajn. L-aptiti u x-xewqat jistgħu jitqiesu bħala forzi prinċipali li jmexxu l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha li nagħmlu. Ix-xewqat, fihom infushom, la huma tajbin u anqas ħżiena, imma jistgħu jwassluna għat-tajjeb jew għall-ħażin, jistgħu jiswewlna ta’ ġid jew ta’ deni. B’hekk importanti li nagħtu każhom u nagħmlu ħilitna kollha biex nagħrfu eżatt x’inhu tassew dak li qed infittxu. Il-Bibbja ta’ spiss twissi kontra l-perikli ta’ xewqat bla kontroll. Per eżempju x-xewqa għall-għerf wasslet lil Eva biex tieħu mill-frott tas-siġra pprojbita fil-Ġnien tal-Eden – hawn ix-xewqa għall-għerf waslet lill-umanità għad-dnub, peress li l-istess xewqa aljenat lil bniedem u qatgħatu minn Alla. Imma l-Iskrittura wkoll tħeġġeġ lill-fidili biex jiżviluppaw xewqat li jaqblu mar-rieda ta’ Alla. L-istess xewqa għall-għerf narawha f’Salamun, imma għall-kuntrarju ta’ Eva, ix-xewqa għall-għerf kienet xewqa li saħħet ir-relazzjoni ma’ Alla. Fl-ewwel qari tal-lum għandna propju t-talba li Salamun poġġa quddiem Alla. Hu ma talabx li jkollu suċċess, jew ħajja twila, anqas li jkollu ħafna ġid imma l-għerf qaddis, biex kull deċiżjoni li jieħu tkun frott ir-rieda ta’ Alla għalih u għall-poplu afdat f’idejh. Din ix-xewqa waslitu għall-ġustizzja u s-sewwa; hu għaraf li mingħajr Alla ma seta’ qatt jasal biex iwettaq dan kollu.

Fil-vjaġġ spiritwali tan-nisrani, ix-xewqat għandhom irwol kruċjali, u jinfluwenzaw kemm il-ħajja ta’ ġewwa tal-fidi tagħna, kif ukoll l-azzjonijiet ta’ barra. L-Iskrittura Mqaddsa toffrilna gwida estensiva dwar in-natura tax-xewqat, il-potenzjal tagħhom għat-tajjeb u l-ħażin, u l-mezzi li bihom jistgħu jiġu mqabbla mar-rieda ta’ Alla. San Injazju ta’ Loyola, fl-Eżerċizzi Spiritwali tiegħu, jistieden lil kull min qed ifittex li jikber fil-ħajja interjuri biex jistaqsi l-mistoqsija profonda: "X'inhi l-aktar xewqa li għandi fil-fond fil-qalb tiegħi?" Mhix sempliċement mistoqsija ta’ x'nixtieq bħalissa, jew x'għandi bżonn illum, imma aktar hi xewqa li Alla nnifsu poġġa fil-qalb ta’ kull bniedem. Ħafna drabi nixtiequ s-suċċess, is-saħħa, is-serħan tal-moħħ jew is-sigurtà; dawn huma xewqat tajbin. Iżda tajjeb li nirrealizzaw li taħt dan kollu hemm xewqa aktar profonda: dik ix-xewqa li nagħrfu lil Alla, inħobbuh, u nimxu warajh b'qalbna kollha.

Tassew meta nsibu lil Kristu u nagħrfuh bħala t-teżor ta' ħajjitna, kollox jieħu postu. Ma jfissirx li ma jibqalniex problemi, iżda l-għarfien ta’ Alla jgħinna nsibu sens f’kull ħaġa, anke fit-tbatija. San Pawl ifakkarna li Alla "kollox jaħdem id f’id għall-ġid ta' dawk li jħobbuh." Dan ma jfissirx li kollox isir faċli jew li kull ġrajja ssir tajba fiha nnifisha, iżda li Alla għandu l-qawwa joħroġ il-ġid anke minn dak li aħna nqisu bħala falliment jew tbatija. Min jagħmel lil Alla t-teżor ta' ħajtu jitgħallem jafdah anke meta ma jifhimx kollox. Illum Ġesù mhux qed jistaqsina kemm nafu affarijiet dwar il-fidi tagħna (l-għerf tal-moħħ), imma x'inhu t-teżor veru ta' qalbna (biex insibu l-għerf tal-qalb). Dak li nqisu bħala teżor huwa dak li għalih nagħmlu s-sagrifiċċji tagħna, dak li nagħtuh il-ħin tagħna u dak li fuqu nibnu l-futur tagħna.

Nitolbu lil Mulej jagħtina l-istess qalb li ta lil Salamun: qalb għarfa li tagħraf it-teżor veru. U nitolbuh ukoll il-grazzja li, ladarba nsibu lil Kristu, ikollna l-kuraġġ nagħżluh kuljum, mhux biss bil-kliem, imma bid-deċiżjonijiet konkreti tal-ħajja tagħna. Għax meta Kristu jsir it-teżor ta' qalbna, ma nitilfu xejn minn dak li hu tassew importanti; għall-kuntrarju, insibu dak kollu li għalih ġejna maħluqa.