Riflessjoni għat-18 -il Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
M’għadhiex xi ħaġa straordinarja li nisimgħu b’xi ħadd li kiser rekord dinji ġdid. Donnu li d-dinja tal-lum saret ossessjonata bir-rekords. Kull sena nisimgħu b’xi kisba ġdida fil-Guinness World Records: l-itwal persuna, l-itwal ġirja fl-iqsar ħin, l-akbar pizza, l-ogħla bini. U lanqas Malta ma baqgħet lura mir-records: kważi kull ġimgħa nisimgħu b’xi ħadd li rnexxielu jdaħħal ismu f’xi ktieb tar-rekords. Il-bniedem iħobb juri x’jista’ jagħmel. Donnu li l-valur tiegħu jitkejjel minn dak li kapaċi jipproduċi, minn dak li jirnexxilu jikseb jew minn kemm jagħmel affarijiet li ħaddieħor ma jkunx għamel qablu.
Imma l-Kelma ta’ Alla llum tistedinna nħarsu lejn realtà differenti. Mhix tistedinna niffissaw għajnejna fuq dak li kapaċi nagħmlu aħna, iżda fuq il-providenza ta’ Alla. Fl-Evanġelju, id-dixxipli malajr għarfu l-faqar tar-riżorsi tagħhom: “Għandna biss ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.” F’għajnejhom dan deher li ma hu xejn quddiem il-bżonnijet kbar tal-folla numeruża. Huma kkalkulaw skont il-loġika tal-bniedem: il-ftit li kellhom ma setax isolvi problema daqstant kbira.
Imma Ġesù ma warrabx dak il-ftit li kien jidher insinifikanti, anqas ma talabhom imorru jixtru jew iġibu aktar milli kellhom, imma ħa dak il-ftit li kellhom, bierku, qasmu u tah lid-dixxipli biex iqassmuh lill-folla. U dak li kien jidher ftit sar biżżejjed għal kulħadd, tant li baqa’ iżjed milli kien hemm bżonn.
Hawnhekk naraw id-differenza bejn il-loġika tagħna u dik ta’ Alla. Aħna spiss nistaqsu: “X’kapaċi nagħmel jien? X’għandi tiegħi? X’nista’ nipproduċi?” Alla, min-naħa tiegħu, jistaqsina mistoqsija oħra: “X’int lest tħalli minn idejk u tafdah f’idi? ” Alla ma jibdiex mill-ammont tal-mezzi tagħna, iżda mill-fiduċja tagħna fih. L-ewwel qari joffrilna stedina sabiħa li ġejja direttament minn Alla nnfisu: “Ejjew, intom ilkoll li intom bil-għatx… ejjew kulu.” Kemm isir reklamar għal kull xorta ta’ attività organizzata minn individwi jew għaqdiet! Ħafna minnhom huma marbuta mal-ħlas jew ma’ xi inizjattiva ta’ fund-raising. Tmur biss jekk għandek il-flus, il-bqija dawn l-attivitajiet ma jgħoddux għalik. Imma Alla jaġixxi b’mod kompletament differenti. Hu jgħidilna: “Ejjew, anke jekk m’għandkomx flus… ejjew ixtru bla ħlas.” Il-providenza tiegħu ma tiddependix minn min jien, minn kemm għandi flus, jew minn kemm jien kapaċi. Tiddependi biss mill-imħabba tiegħu, imħabba li ma tonqos qatt. Alla ma joffrilniex biss l-ikel b’xejn; joffrilna lilu nnifsu.
Meta jgħidli “ejja,” ikun qed jgħidli wkoll: “Ejja kif int. Tistenniex sakemm ssir aħjar biex tiġi għandi. Inħobbok kif int.” Din hi l-isbaħ stedina li nistgħu nirċievu. U meta nwieġbu għaliha, inkunu qed inwieġbu għall-imħabba tiegħu, imħabba li trid tgħaqqadna miegħu b’rabta li qatt ma tinkiser. San Pawl, fit-tieni qari, jasal għall-qofol ta’ din l-imħabba meta jgħid: “Xejn ma jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Kristu.” La t-tiġrib, la l-faqar, la l-ġuħ, la d-diffikultajiet tal-ħajja, xejn; xejn ma jista jnaqqas jew ineħħi din l-imħabba. Din hija ċ-ċertezza vera tan-Nisrani.
Kemm hi faċli nkejlu l-valur tagħna mill-kisbiet tagħna! Kultant naħdmu bla waqfien biex nakkwistaw l-approvazzjoni tan-nies u forsi jirrispettawna ftit aktar! Din il-mentalità tista’ tidħol ukoll fil-ħajja spiritwali tagħna. Nistgħu naħsbu li Alla jħobbna aktar jekk nitolbu ħafna, jekk nagħmlu ħafna sagrifiċċji, jekk naħdmu fis-servizz tal-Knisja, jew jekk jirnexxilna nresqu nies oħra lejh. Le, Alla mhux ifittex il-prestazzjoni tagħna. Mhux qed ifittex il-kisbiet tagħna. Qed ifittex qalb li tafda. Il-miraklu tal-ħobż mhuwiex biss miraklu ta’ multiplikazzjoni, imma qabel kollox, hu miraklu ta’ fiduċja. Meta l-ftit tal-bniedem jitqiegħed f’idejn Kristu, isir biżżejjed għal kulħadd. Alla ma jitlobniex nagħmlu l-impossibbli: jitlobna biss nagħtuh dak il-ftit li għandna, u nħalluh jagħmel hu l-kumplament. Forsi qatt ma hu se nniżżlu isimna fil-Guinness World Records, imma niftakru li r-rekord veru quddiem Alla, hu kemm ikollna qalb li tafda fih, kemm inkunu kapaċi nħallu kollox f’idejh u kemm nemmnu li hu kapaċi jagħmel ħafna aktar milli nistgħu nagħmlu aħna mingħajru.
Mhux importanti li niġbdu l-attenzjoni tad-dinja fuqna. L-importanti hu li ngħixu b’mod li l-attenzjoni tagħna tkun dejjem lejn il-Mulej, u nagħrfu li kull ġid hu don mogħti minnu. Meta nagħrfu din il-verità, ħajjitna kollha ssir innu ta’ gratitudni.
Nitlobu illum il-grazzja li nħarsu anqas lejn dak li kapaċi nipproduċu aħna, u nħarsu aktar lejn dak li Alla jista’ jagħmel bil-ftit li nqiegħdu f’idejH. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, mhux il-qawwa tagħna li tmantni d-dinja, imma l-id miftuħa ta’ Alla. Kif inkantaw fis-Salm: “L-id tal-Mulej titma’ lil kulħadd u taqta’ x-xewqa ta’ kull ħlejqa.” Dik hi l-vera providenza. Dik hi l-vera sigurtà. Dik hi l-veru għana.
