Riflessjoni għall-21 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Marret viral. Hekk ngħidu biex niddeskrivu xi ħaġa li tinfirex malajr u ssir popolari f’ħakka t’għajn. Imma nistaqsu: kull ħaġa li tmur virali hi vera? Kemm-il darba naħsbu li għax hi popolari ma’ kulħadd mela hi minnha. Qed ngħixu f’dinja fejn l-opinjoni pubblika għandha qawwa kbira. Isiru diversi polls u surveys biex jiġi magħruf x’qed jaħsbu n-nies, x’qed iħossu u kif qed iħarsu lejn ir-realtà. Nivvutaw biex naraw min hu l-aktar artist popolari, min hu l-politiku li l-aktar jistħoqqlu l-fiduċja tagħna, jew liema hi l-aqwa kanzunetta fil-Eurovision. Bla dubju ta’ xejn, il-midja soċjali saħħet dan kollu. Dak li naraw fuq Facebook, Instagram, TikTok jew dak li nisimgħu f’xi grupp ta’ WhatsApp, kif ukoll l-aħbarijiet u dak li jingħad fost il-ħbieb miġbura f’każin, jinfluwenza ħafna l-mod kif naħsbu. Hemm periklu li nibdew nemmnu li dak li taħseb il-maġġoranza huwa awtomatikament veru. Imma l-verità mhijiex determinata minn kemm nies jemmnu fiha. Jista’ jkun li l-maġġoranza tkun żbaljata. Jista’ jkun ukoll li min jaf il-verità jibża’ jitkellem u jibqa’ ħalqu magħluq minħabba li l-maġġoranza taħsibha mod ieħor.
F’dan il-kuntest nistgħu nħarsu lejn il-mistoqsija li Ġesù għamel lid-dixxipli tiegħu. Ġesù beda billi staqsa: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” Id-dixxipli taw b’risposta l-opinjoni pubblika ta’ dak iż-żmien: “Xi wħud jgħidu li hu Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, u oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” Ħafna nies kienu qed jitkellmu fuq Ġesù. Ħafna kellhom opinjoni dwaru. Imma l-fatt li kienu ħafna ma kienx ifisser li kellhom raġun; fil-fatt, ma kinux jafu l-verità dwar Ġesù. Kien hemm bżonn li d-dixxipli tiegħu jiskopru tassew min kien, biex imbagħad setgħu jmorru mad-dinja kollha u jxandru l-verità dwar Kristu. Għalhekk Ġesù dawwar il-mistoqsija lejn id-dixxipli tiegħu u staqsihom: “imma intom min tgħidu li jien?”
Din hija waħda mill-aktar mistoqsijiet importanti li Ġesù jagħmel lil kull wieħed u waħda minna. Mhux qed jistaqsina: X’qalulek il-ġenituri tiegħek dwari? Anqas: X’tgħallimt fil-katekiżmu? Imma: “Int min tgħid li jien?” Pietru ma qagħadx jaħsibha wisq. Wieġeb: “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj.” Din ma kinitx sempliċement definizzjoni teoloġika. Pietru kien qed jagħmel professjoni ta’ fidi li kienet ġejja mill-esperjenza tiegħu ma’ Ġesù. Donnu Pietru qed jgħidlu: “Int għalija mhux sempliċement wieħed mill-profeti. Int hu dak li kont qed nistenna. Int dak li jagħti sens lill-ħajja tiegħi. Int dak li nista’ nafda fih. Int is-Salvatur tiegħi. Int Alla li sar bniedem u ġie fostna biex jifdi l-umanità kollha.” Il-Papa Benedittu XVI spjega li hemm differenza bejn għarfien ibbażat fuq l-opinjoni komuni u l-għarfien personali ta’ Kristu li jwassal għall-fidi. Hemm differenza kbira bejn li nkun naf xi ħaġa dwar Ġesù u li nkun naf lil Ġesù. Nistgħu nkunu nafu ħafna affarijiet dwaru, nistgħu nkunu nafu t-talb u l-Kredu bl-amment. Nistgħu saħansitra nkunu nafu l-Vanġelu sew, imma l-mistoqsija ta’ Ġesù tibqa’: “Int min tgħid li jien?” Għax il-fidi mhijiex sempliċement li jkollok informazzjoni korretta dwar Ġesù. Il-fidi hija relazzjoni miegħu. Hija li nagħraf li dak li Ġesù jgħidli, għandu x’jaqsam mal-ħajja tiegħi, mad-deċiżjonijiet tiegħi, mal-mod kif nittratta lill-oħrajn, mal-mod kif naħfer, inħobb, naqdi u ngħix. Jekk Ġesù huwa tassew il-Mulej tiegħi, allura għandu jkollu x’jaqsam mal-mod kif nitkellem ma’ marti, ma’ żewġi, mal-mod kif nittratta lil uliedi, mal-mod kif naġixxi fuq ix-xogħol, mal-mod kif inħares lejn min hu differenti minni, mal-mod kif nitkellem fuq xi ħadd li mhux preżenti, u anke mal-mod kif nuża l-midja soċjali. Jekk hu l-Messija tiegħi, ħajti ngħixha skont dak li jgħallimni hu. U nkun tassew hieni. Ġesù hekk qal lil Pietru: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux il-ġisem u d-demm uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.” Il-fidi hi grazzja. Hu Alla nnifsu li jwassalna għaliha; Hu jiftħilna għajnejna biex naraw u nagħrfu min tassew hu Ġesù.
Din il-fidi ġġibna flimkien fi Knisja waħda. F’Pietru għandna din il-verità li tistqarr il-Knisja Kattolika; verità li baqgħet għaddejja minn ġenerazzjoni għal oħra. Importanti li din il-verità ma tintilifx għax jidħlu ideat ġodda, li forsi jkunu aktar popolari fil-mument. Fid-dawl tal-għarfien ta’ Kristu, Pietru għaraf ukoll min kien hu: għaraf li kien blata – sod biex iżomm soda l-fidi f’Ġesù.
Nitolbu llum lill-Mulej biex iżommna sodi fil-fidi u nibqgħu ngħixu skont il-prinċipji nsara anke jekk ma nidhrux popolari f’għajnejn in-nies. Nitolbu għall-Knisja kollha biex tibqa’ tiddefendi l-verità li Ġesù hu tassew Alla, li sar bniedem biex isalvana mill-qerda tad-dnub; li Ġesù hu tassew il-Messija.
