Riflessjoni għat-30 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Il-liġi hi essenzjali biex in-nies ikunu kapaċi jgħixu flimkien. Kważi 3,800 sena ilu, diġà nsibu liġijiet ippubblikati biex kulħadd ikun jaf bihom u jħarishom. Is-sultan Ħammurabi ta’ Babilonja kien ġabar 282 liġi u skolpihom fuq monument kbir tal-ġebel u qegħdu f’post fejn kulħadd seta’ jarahom; llum dan jinsab fil-Mużew Louvre. Dawn il-liġijiet kienu jitkellmu dwar iż-żwieġ, il-proprjetà, il-pagi u r-responsabbiltà lejn l-oħrajn. Fid-dinja tal-qedem kien hemm ukoll ix-xewqa li n-nies jgħixu f’armonija u li kull bniedem jirrispetta lill-ieħor.
Bħal kull pajjiż ieħor, aħna wkoll għandna numru kbir ta’ liġijiet. Ħadd minna ma jaf il-liġijiet kollha ta’ pajjiżna! Imma lkoll nafu li biex inkunu nies tajbin mhux biżżejjed li noqgħodu attenti li ma niksrux il-liġi. Tista’ tkun persuna li qatt ma serqet, qatt ma qatlet, dejjem ħallset it-taxxa, u xorta waħda tkun persuna bla qalb, indifferenti quddiem it-tbatija ta’ l-oħrajn. Fi żmien Ġesù, il-Lhud kellhom 613-il kmandament fil-Liġi tagħhom. Għalhekk il-mistoqsija li għamlulu l-Fariżej kienet waħda valida, għalkemm staqsewielu biex iġarbuh. Staqsewh: “Liema hu l-akbar kmandament fil-Liġi?” It-tweġiba ta’ Ġesù inkludiet żewġ kmandamenti flimkien, bħallikieku ried jgħid: Mhux biżżejjed li ma tagħmilx il-ħażen – trid tagħmel il-ġid. Mhux biżżejjed li ma tweġġax lill-oħrajn – trid tieħu nteress personali fihom, fil-ferħ, fit-tbatija u fil-bżonnijiet tagħhom. Il-liġi tista’ twaqqafna milli nagħmlu l-ħażen, imma hija l-imħabba li timbuttana biex nagħmlu l-ġid. Hawn Ġesù mar pass l-quddiem: soċjetà tajba ma tinbeniex biss bil-liġijiet, imma b’nies li jħobbu.
Imma kif tista’ tibqa’ tħobb fit-tul bla ma tegħja? Fil-bidu faċli tħobb. Imma wara snin ta’ żwieġ, ta’ sagrifiċċji għall-ulied, ta’ kura għall-persuna marida, jew ta’ diżappunti, l-imħabba tista’ ssir diffiċli. Ġesù jagħtina direzzjoni mportanti. Jgħidilna biex qabel xejn irridu nħobbu lil Alla. Għax Alla hu l-għajn ta’ kull imħabba. Immaġina bir li minnu kulħadd jieħu l-ilma. Jekk ma jkunx hemm nixxiegħa li timlieh, il-bir jinxef. Hekk ukoll qalbna. Jekk dejjem nagħtu mingħajr ma nirċievu, ngħejjew. Għalhekk għandna bżonn it-talb, biex inħallu lil Alla jħobbna. Biex nibqgħu nħobbu fit-tul għandna bżonn ukoll inħobbu lilna nfusna, kif qalilna Ġesù: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Mela mportant li nkunu kapaċi nagħrfu l-limiti tagħna, nieħdu ħsieb saħħitna u nistrieħu – dan mhuwiex egoiżmu, imma bżonn.
Mistoqsija oħra li tqum quddiem dan il-kmandament hi: Kif tista’ tħobb lil Alla meta tara tant inġustizzja, aggressività u vjolenza madwarna? Meta naraw gwerer, tfal innoċenti jmutu, nies jiġu sfruttati u familji jinqerdu, faċli nistaqsu: “Fejn hu Alla? Għaliex ma jagħmel xejn?” Dawn huma mistoqsijiet mhux biss ta’ min qed ibati, imma ta’ kull min għandu qalb. It-tweġiba Nisranija nsibuha fis-salib. Alla ma baqax ’il bogħod mit-tbatija tagħna. F’Ġesù, Alla nnifsu ġarrab inġustizzja, vjolenza u mibegħda, madanakollu ma waqafx iħobb. Fl-ewwel qari tal-lum, Alla jgħid lill-poplu tiegħu biex ma jikkaġunax tbatija lill-barrani, lill-armla, lill-orfni u lill-fqir. Anzi, min iħobb lil Alla jieħu pożizzjoni favur min qed isofri u ma jibqax indifferenti quddiem l-inġustizzja. Imma l-aktar mistoqsija diffiċli hi: kif tista’ tħobb lil min għamillek il-ħsara, lil min ittradiek, umiljak jew weġġgħek? Kif tista’ ma tweġibx bil-mibegħda għal min jobgħodok? L-ewwel irridu nifhmu li l-imħabba mhijiex li taċċetta kollox. Il-maħfra ma tfissirx li tiġġustifika l-abbuż. Li tħobb ma jfissirx li tibqa’ f’sitwazzjoni ta’ vjolenza. L-imħabba titlob il-ġustizzja, imma tirrifjuta l-vendetta. Ġesù fuq is-salib ma weġibx għall-mibegħda b’aktar mibegħda, minflok talab: “Missier, aħfrilhom.” Forsi għadu ferm diffiċli biex naslu s’hawn. Imma nistgħu nibdew billi nitolbuh u ngħidulu: “Mulej, għadni mweġġa’, għinni biex ma tkunx il-mibegħda li tirbaħ lil qalbi.” Il-mibegħda tinfirex veru malajr, sew bil-kliem li jingħad, kif ukoll permez ta’ mezzi soċjali. Madanakollu nistgħu nagħżlu li ma nżidux aktar mibegħda. L-akbar rebħa fuq il-mibegħda ssir billi ma nħallux l-istess mibegħda teqred l-imħabba fina. Veru li ma nistgħux inwaqqfu l-gwerer kollha tad-dinja, imma nistgħu nieqfu nagħmlu gwerer żgħar fil-familji tagħna, fuq ix-xogħol u fil-komunitajiet tagħna.
Meta ngħejjew inħobbu, ejjew nerġgħu lura għand Dak li hu l-għajn tal-imħabba.
