Riflessjoni għas-Solennità tal-qaddisin kollha

Riflessjoni għas-Solennità tal-qaddisin kollha

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Hawn min jippreferi l-kwiet, u jekk joħroġ, aktar ikun komdu ma’ ftit ħbieb milli qalb geġwiġija ta’ nies. Meta nkunu ġo folla kbira, faċli nħossuna mitlufin qalb ħafna nies, fost storbju tremend jew inkella f’moviment u attività kbira. Madankollu, il-festa tal-lum qegħda tlaqqagħna ma’ folla kbira, li ħadd ma jista’ jgħoddha. Fil-Ktieb tal-Apokalissi naqraw li San Ġwann ra folla minn kull ġens, tribù, poplu u lsien, wieqfa quddiem it-tron ta’ Alla. Id-differenza f’din il-folla hi li fiha ħadd ma ħassu mitluf u mifxul – mhux talli ħadd ma fixkel lil ħadd imma għal kuntrarju, ilkoll kienu għajnuna għal xulxin. Din hija x-xbieha sabiħa li l-Knisja toffrilna llum: folla kbira ta’ rġiel u nisa li għexu ħajjithom fid-dinja, għaddew mill-provi kbar, iġġieldu t-taqbida t-tajba, u baqgħu fidili lejn Alla sa l-aħħar. Issa qegħdin igawdu l-glorja tiegħu. Illum ma niċċelebrawx biss il-qaddisin ikkanonizzati mill-Knisja, għax għarfet il-ħajja ta’ qdusija li għexu, imma niċċelebraw ukoll lil dawk il-qaddisin li l-qdusija tagħhom kienet magħrufa biss minn Alla. Bla dubju ta’ xejn, fosthom hemm nies li nafu u li għexna magħhom; hemm nies li għexu ħajjithom b’imħabba kbira għall-familja tagħhom; hemm nies li għenu lil tant persuni bil-ħidma u l-ġenerożità tagħhom; hemm nies li għamlu tant sagrifiċċji personali biex iħobbu u jaqdu lil Alla. Aħna lkoll iltqajna ma’ persuni bħal dawn! Nies li ħafna minnhom ma kinux famużi u ma kellhom ebda pożizzjoni għolja, iżda bil-mod kif kienu jħobbu, jaħdmu, jissaportu u jaħfru, urew xi tfisser tgħix skont il-Vanġelu. Il-qdusija vera tidher meta l-imħabba ta’ Alla tidħol fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum u tibdel il-ġewwieni ta’ dak li jkun. Il-qaddis jagħmel l-affarijiet żgħar ta’ kuljum b’ħafna mħabba.

Il-festa tal-lum mhijiex biss tifkira ta’ dak li għamel ħaddieħor, imma wkoll hi stedina għalina. Niftakru li Alla ħalaqna biex insiru qaddisin. It-triq tal-qdusija mhix waħda faċli. Qed ngħixu f’dinja fejn il-ħażin jattira fuq li jattira u bla ma nindunaw jaf jiġbidna lejh. Qed ngħixu f’dinja mimlija vjolenza, skandli, egoiżmu u firdiet; kultant naħsbu li hi xi ħaġa kbira biex tasal li tagħmel xi ħaġa ta’ ġid, naħsbu li l-onestà saret xi ħaġa rari, naħsbu li l-maħfra hija dgħufija u li min jgħix skont il-valuri tal-Evanġelju jispiċċa jidher l-istramb, għax differenti mill-bqija tal-bnedmin. Imma l-qaddisin ifakkruna li l-ħażen m’għandux l-aħħar kelma. Fost id-dlamijiet tad-dinja għad hawn ħafna nies li jagħżlu d-dawl; hawn min jagħżel l-imħabba flok il-mibegħda; hawn min jaħfer flok iwieġeb bil-vendetta; hawn min jagħti lilu nnifsu għall-oħrajn flok jagħżel l-egoiżmu. Ovvjament, dawn in-nies ma kinux perfetti, għax kellhom id-dgħufijiet, it-taqbid u l-waqgħat tagħhom, iżda kienu nies li tgħallmu jafdaw fil-ħniena ta’ Alla. Meta waqgħu, talbu maħfra u meta sabu ruħhom quddiem diffikultajiet, fittxew li jibqgħu qrib Kristu. Dan hu ta’ faraġ u tama kbira għalina li nidinbu minkejja li nixtiequ nsiru qaddisin. Għadna nitgħallmu nitqabdu mad-dgħufijiet u ma’ l-iżbalji tagħna u nippruvaw nerġgħu nibdew mill-ġdid wara li nkunu doqna l-ħniena u l-maħfra ta’ Alla. Aħna għadna qed infittxu kif nistgħu ngħixu aktar qrib ta’ Kristu. Tajjeb li niftakru li l-qaddisin, li llum jinsabu fil-glorja, xi darba kienu fejn qegħdin aħna llum. Huma wkoll kellhom jiddeċiedu jekk jagħżlux l-imħabba fuq l-egoiżmu, il-maħfra flok il-vendetta, il-fidi minflok il-biża’. Iżda huma ħallew lil Alla jaħdem fihom. Illum l-istess qaddisin qed jisfidawna biex aħna wkoll inħallu lil Alla jaħdem fina.

Il-festa tal-lum, flimkien mat-tifkira tal-mejtin li se nagħmlu għada, tfakkarna li l-Knisja mhijiex magħmula biss minna u minn dawk li għadhom mexjin fit-triq tal-fidi f’din id-dinja, imma wkoll mill-qaddisin li jinsabu fil-glorja ta’ Alla u minn dawk li qed jiġu msoffija u mħejjija fil-purgatorju. Il-Knisja fl-art u l-Knisja fis-sema hi Knisja waħda – folla waħda ta’ dawk magħżula minn Alla biex ikunu tiegħu. Quddiem din il-folla bla għadd ta’ qaddisin, ejjew nagħmlu mistoqsija sempliċi: Jekk jien ukoll għandi post f’din il-folla, x’qed nagħmel illum biex nitħejja għalih? M’għandniex għalfejn nistennew sa għada. Jalla l-qaddisin kollha jgħinuna fil-mixja tagħna anke meta t-triq tkun diffiċli. U fuq kollox, jalla nitgħallmu nħallu lil Kristu jkun iċ-ċentru ta’ ħajjitna, kif kien fil-ħajja tal-qaddisin li qed infakkru llum. Meta naslu quddiem Alla, jalla aħna wkoll inkunu parti minn dik il-folla kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, biex ingawdu u nfaħħru lil Alla għal dejjem.