Riflessjoni għat-32 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Tiftakru lill-għalliema jagħmlu r-rassenja? Hekk kif isejħu ismek, tgħid: “Present.” Mhux l-ewwel darba li għidna “Present,” imma fir-realtà ma konniex hemm għax konna aljenati. Nistgħu nkunu bilqiegħda ma’ xi ħadd, imma moħħna jkun x’imkien ieħor. Nistgħu nkunu d-dar mal-familja, imma qalbna tkun tħabbat banda oħra. Nistgħu nkunu anke hawn fil-knisja, nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, imma fir-realtà nħossuna ’l bogħod. U forsi din hi waħda mill-isfidi l-kbar li jkollna fil-ħajja tagħna: li nitgħallmu nkunu preżenti. Preżenti għal Alla, preżenti għall-oħrajn, preżenti għal dak li qed jiġri f’ħajjitna.
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jirrakkontalna l-parabbola tal-għaxar xebbiet li ħarġu jistennew lill-għarus. Ħamsa kienu għaqlin u ħamsa boloh. Kollha kellhom il-musbieħ tagħhom. Kollha kienu qed jistennew lill-istess għarus. U kollha ħadhom in-ngħas u raqdu. Mela x’kienet id-differenza bejniethom? Id-differenza kienet li l-ħamsa għaqlin, minkejja li raqdu, baqgħu mħejjija biex jilqgħu lill-għarus; ma tilfux l-għan tal-istennija tagħhom. B’xi mod, baqgħu preżenti anke waqt li kienu reqdin. Filwaqt li l-boloh ma baqgħux preżenti waqt li kienu qed jistennew. Il-ħajja hi mimlija stennija: nistennew li tgħaddi xi diffikultà. Nistennew li t-tfal jikbru. Nistennew li l-affarijiet jitjiebu. Nistennew li xi ħadd jinbidel. Nistennew li jasal żmien aħjar. U mingħajr ma nindunaw, inqattgħu ħajjitna nistennew. Naħsbu li se nkunu aħjar meta jkollna aktar ħin. Meta jgħaddi dan iż-żmien diffiċli, nagħtu aktar attenzjoni lill-familja. Meta nkunu inqas imħabbtin, insibu ħin għal Alla. Meta l-affarijiet jikkalmaw, nibdew ngħixu tassew.
U sadanittant? Alla jista’ jiġi jiltaqa’ magħna proprju f’dak il-mument partikolari tal-istennija. Il-periklu hu li, waqt li nistennew, ma nkunux qed ngħixu tassew. Inkunu tant moħħna f’dak li għad irid jiġri, li nitilfu dak li qed jiġri issa. Kemm-il darba nitilfu mumenti sbieħ mal-familja għax moħħna jkun fuq ix-xogħol? Kemm-il darba xi ħadd ikellimna u flok nifhmu x’irid jgħid, naħsbu x’se ngħidulu? Kemm-il darba Alla jkun qed ikellimna permezz ta’ persuna, ta’ ġrajja, ta’ mument ta’ skiet, u aħna ma nindunawx? Il-ħames xebbiet għaqlin jgħallmuna li l-istennija mhix ħin mitluf. Hija ħin li fih ukoll nistgħu nkunu preżenti.
Li tkun preżenti ma jfissirx li ma tgħejja qatt. Il-bniedem għaqli jgħejja wkoll u jkollu l-mumenti tad-dgħufija tiegħu. Xi drabi jitlef l-entużjażmu. Xi drabi t-talb isir ukoll diffiċli għalih. Xi drabi jħoss li Alla tbiegħed minnu. Xi drabi l-ħajja tiegħu ssir tqila. Imma hemm differenza bejn li tgħejja u li tabbanduna kollox, bejn li tistrieħ u li titlef id-direzzjoni, bejn li tgħaddi minn żmien ta’ dlam u li tħalli l-musbieħ tiegħek bla żejt. Il-ħamsa għaqlin ma kinux perfetti. Imma kienu ppreparati. Kienu żammew ħajja fihom dik ir-rabta mal-għarus li kienu qed jistennew. U hekk ukoll fil-ħajja Nisranija. Alla ma jitlobniex li nkunu dejjem mimlijin enerġija. Ma jistenniex li kull ġurnata nħossu fiha l-istess fervur. Imma jistedinna biex, anke fil-għejja tagħna, ma nitilfux il-kuntatt miegħu; nibqgħu xorta preżenti.
Jista’ jkun li bħalissa tħossok għajjien minn xi problema li ilha għaddejja, minn marda, minn relazzjoni diffiċli, minn xi diffikultà oħra. Il-Mulej, anke llum, qed jistiednek tkun preżenti – tibqa’ tippersevera fl-istennija u tibqa’ tħobb minkejja kollox. F’din l-għejja tiegħek, żomm il-musbieħ tat-tama jixgħel. Tippruvax titbiegħed biex forsi ssib ħanut ieħor li joffrilek soluzzjoni oħra, li jagħtik żejt ieħor. Ftakar li l-għarus jista’ jasal proprju fil-mument li ma tkunx preżenti. Alla mhux dejjem jiġi jiltaqa’ magħna fil-mumenti li nkunu ppjanajna aħna.
Illum ejjew nistaqsu ftit lilna nfusna jekk aħniex preżenti għall-Mulej li diġà qed jiġi jiltaqa’ magħna llum fil-persuni u fil-ġrajjiet li niltaqgħu magħhom. Nitolbuh iżommna preżenti fil-mument ta’ issa, man-nies ta’ madwarna, fil-ġrajja li qed ngħixu.
