Riflessjoni għall-34 Ħadd ta' matul is-sena – KRISTU SULTAN

Riflessjoni għall-34 Ħadd ta' matul is-sena

KRISTU SULTAN

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Qatt kien hemm xi ħadd li qallek xi ħaġa dwarek li ħalliek bla kliem? Jgħidlek, pereżempju, “Tiftakar meta kont ċempiltli u qgħadt tismagħni? Dakinhar imnalla kont int għax kont ili ġurnata sħiħa ninkwieta waħdi, u int kont għalija bħal anġlu tas-sema.” Forsi int bilkemm tiftakar li ċempiltlu, aħseb u ara x’kont għedtlu. Fl-Evanġelju tal-lum insibu sorpriżi simili ħafna. Il-Mulej jgħid lil dawk ta’ quddiemu: “Kont bil-ġuħ, u tajtuni niekol. Kont marid, u ġejtu tarawni.” U huma jistaqsuh: “Mulej, meta?” Forsi jiftakru li kienu żaru lil xi ħadd, jew meta qasmu biċċa ħobż ma’ ħaddieħor, imma xorta tkun sorpriża li jisimgħu mingħand Ġesù stess jgħidilhom li kienu qed jgħinu lilu f’dawk in-nies. Din il-mistoqsija: “Mulej, meta rajniek?” tispikka fir-rakkont tal-lum. Tal-ewwel jiskantaw għax ma kinux jafu li waqfu miegħu, meta taw x’jiekol lil min kien bil-ġuħ jew żaru lil xi ħadd marid, u l-oħrajn jiskantaw bih għax m’għarfuhx, kieku żgur kienu jsibu l-ħin għalih! Aħna nieħdu gost niltaqgħu u nilqgħu għandna lil min hu mportanti u għażiż għalina; jekk inkunu nafu li ġej għandna xi ħadd li ngħożżu, nitilqu kollox u nipreparaw sew, inħejju ikla tajba, u kultant anke post fejn jista’ jistrieħ.  Addio l-aġenda li jkollna fuq il-programm tal-ġurnata, bosta nagħtu l-attenzjoni kollha tagħna lil dak li jkun. Lil min ngħożżu rriduh ħdejna. Ġieli ninnota li jkun hawn min anke hawn fil-knisja jkun jixtieq li joqgħod ħdejn nies li jaf u li jpoġġi maktur jew handbag fuq is-siġġu ta’ ħdejh biex jerfgħalu post. Dan hu xiehda ta’ kemm nixtiequ li nkunu qrib ta’ min inħossuna komdi miegħu. U ħafna minna żgur jixtiequ jkunu qrib Ġesù! B’hekk hi sorpriża li tkun taf li Ġesù jista’ jieħu l-forma ta’ xi ħadd li ma tafx, li ma jolqtokx jew li ma tantx għandek demm miegħu. Jekk twarrab lil dawn tkun qed twarrab lil Kristu – altru li sorpriża! Illum Kristu Re jurina li biex nilqgħuh hemm bżonn nagħmlu l-wisa’ għal dawk li hemm qrib tagħna. Ifakkarna li hemm bżonn nieħdu ħsieb lil min ħdejna hu bil-ġuħ u bil-għatx, għeri u bla dar. Jurina li Hu nnifsu hu barrani u li għandu bżonn min jilqgħu, Hu marid u ħabsi u jixtieq min iżuru.

Imma l-opri tal-ħniena mhumiex biss li nieqfu ma’ xulxin fil-bżonnijiet umani tagħna. Hemm ukoll l-opri tal-ħniena li jmissu r-ruħ. Hu bżonn li wkoll nieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali ta’ xulxin. Dawn huma:

  • Agħti parir tajjeb lill-ħosbien: Meta tisma’ lil min jinsab fid-dubju jew għaddej minn kriżi, u tagħtih parir b’għaqal, rispett u kompassjoni, mingħajr ma timponi ruħek fuqu.
  • Għallem lil min ma jafx: Meta tgħin lil ħaddieħor jifhem dak li ma jafx, kemm jekk hu tagħlim tal-fidi u kemm jekk għarfien prattiku.
  • Widdeb lill-midinbin: Tiġbed l-attenzjoni ta’ persuna meta tkun fl-iżball. Dan tagħmlu bi ħlewwa u mħabba, tgħinha tasal għall-konverżjoni.
  • Farraġ lill-imnikktin: Meta tkun qrib ta’ min qed ibati, jew tilef lil xi ħadd, ta’ min jinsab waħdu jew għaddej minn żmien diffiċli. Kultant l-akbar faraġ tkun il-preżenza sinċiera u d-disponibbilità tas-smiegħ veru.
  • Aħfer il-ħtijiet: Meta ma tħallix il-mibegħda u l-vendetta jmexxuk, imma tagħti spazju għar-rikonċiljazzjoni. Ma jfissirx li toqgħod għal kollox u tippermetti li l-ħsara tibqa’ ssir, imma lanqas li tibqa’ lsir tal-weġgħat tal-passat.
  • Stabar b’min idejqek: Meta tikkontrolla r-rabja u turi paċenzja ma’ min ikun diffiċli, irritanti jew inġust.
  • Itlob lil Alla għall-ħajjin u għall-mejtin: Meta fit-talb tiegħek tiftakar sew f’dawk li għadhom ħajjin, speċjalment f’min jinsab fil-bżonn, marid, imnikket jew imbiegħed minn Alla, kif ukoll fil-mejtin. It-talb jesprimi tama u solidarjetà spiritwali.

Quddiemna għandna programm impenjattiv. Ma nistgħux inġibu ebda skuża li ma nafux kif nistgħu nersqu qrib is-Sultan il-Kbir, għax kien hu stess li wriena li jinsab f’kollox u f’kulħadd. M’għandiex tkun sopriża għalina, għax nafu kif nistgħu naqduh. Illum, ejjew naħsbu f’persuna waħda biss li nistgħu nieqfu magħha, inpoġġuha quddiem il-Mulej fit-talb tagħna, u forsi qabel tgħaddi l-ġurnata, nistgħu nagħmlu dak il-pass li ilna naħsbu fih. Forsi taf lil xi ħadd li hu fil-bżonn ta’ xi ħaġa minn dawn il-ħtiġijiet. Issa hu l-mument li niftakru ftit fih u niktbulu xi messaġġ, bħal: “Jekk għandek bżonn xi ħaġa, għidli.” Ejjew nilqgħu s-Sultan il-Kbir billi nilqgħu lil għajrna.