Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tal-Avvent

Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tal-Avvent

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana 

Ftit ilu ltqajt ma’ anzjana li magħha għandha waħda Filippina. Mhijiex l-unika waħda għax hawn diversi anzjani li qed jagħżlu li jġibu lil xi ħadd joqgħod magħhom biex jibqgħu jgħixu f’darhom minkejja l-età kbira tagħhom. Din l-anzjana saret tassew tħobb lil din il-Filippina u kienet tqisha bħala bintha. Veru li hi mpjegata bħala carer, imma l-anzjana ma kinitx tqisha bħala ħaddiema. Min-naħa tagħha, il-Filippina wkoll saret tħobbha ħafna. Mhux biss kienet tgħajtilha “Mama,” imma kienet tassew tqisha bħala ommha. Darba fost l-oħrajn l-anzjana marret jumejn għand binha u qabel telqet qalet lill-Filippina, “Ħu ħsieb kollox int sakemm nerġa’ niġi.” Fil-fatt, l-anzjana damet aktar minn jumejn u wara ħafna reġgħet ġiet lura. Tul dan iż-żmien il-Filippina baqgħet tieħu ħsieb id-dar u żammet kollox up to date, tant li meta l-anzjana reġgħet lura, sabet kollox f’postu. Dik kienet id-dar tal-anzjana, imma saret ukoll id-dar fejn il-mara Filippina kienet tgħix. Il-mod kif kienet tieħu ħsieb id-dar sar il-mod kif turi rispett lill-anzjana.

 

Il-qaddejja li jsemmi Ġesù fl-Evanġelju tal-lum ukoll kienu jgħixu fid-dar ta’ sidhom. Hemmhekk kienu jaħdmu, hemm kienu jieklu u hemm kienu jorqdu. Is-sid kien jafhom tajjeb, tant li kien veru komdu jafda kollox f’idejhom. Qabel telaq, is-sid ta responsabbiltà lil kull wieħed u waħda mill-qaddejja. Lil tal-bieb ħallieh jgħasses id-dar biex kull min kien fiha jkun sigur. Lil tal-kċina ordnalhom jibqgħu jsajru biex il-qaddejja kollha jkollhom x’jieklu. Oħrajn kellhom jieħdu ħsieb il-ġnien biex kull min ikun fid-dar ikun jista’ jistrieħ xi ftit. Insomma, kull min kien fid-dar kellu xi biċċa xogħol x’jagħmel u b’hekk jikkontribwixxi għall-ħajja tad-dar; kulħadd kien igawdi mill-ħidma ta’ l-oħrajn. Avolja hu ma kienx hemm, xorta xtaq li kollox jibqa’ għaddej normali. Riedhom jishru u jirsistu. Meta s-sid qalilhom “Ishru,” kien qed jitlobhom biex iżommu kollox up to date. L-aktar li xtaq mingħandhom kien li jieħdu ħsieb xulxin. Jekk wieħed jittraskura, kulħadd kien se jbati. B’hekk hu ma kienx qed jirreferi biss għall-watchman, li xogħlu kien li joqgħod għassa mal-lejl biex ma jħalli lil ebda ħalliel jidħol. Kien qed jgħidha lil kulħadd. Fl-aħħar tal-Evanġelju Ġesù qal, “U dak li qiegħed ngħid lilkom, ngħidu għal kulħadd: ishru!” Anki min kien fil-kċina kellu sehem f’dik is-sahra. Għalih, is-sahra setgħet tfisser li jinduna li xi ħadd għadu ma kielx. Għal ieħor setgħet tfisser li joqgħod ħdejn sieħbu li kien għaddej minn żmien iebes. Is-sid kien ħallielhom id-dar fejn kienu jgħixu flimkien biex jieħdu ħsieb id-dar u lil xulxin.

 

Ġesù jħalli l-parabbola għall-immaġinazzjoni tagħna. Nistgħu nimmaġinaw x’seta’ ġara meta l-qaddejja kienu draw jgħixu fl-assenza ta’ sidhom. Għadda l-ewwel lejl, għadda t-tieni, u l-ħajja baqgħet għaddejja. Kull wieħed baqa’ jagħmel xogħlu, imma forsi beda jagħmlu b’inqas attenzjoni minn qabel. Immaġina dik il-lejla meta wieħed mill-qaddejja ma niżilx għall-ikel u ħadd ma tela’ jara x’kien ġralu! Darb’oħra nqala’ argument bejn żewġ qaddejja u t-tnejn weġġgħu lil xulxin bi kliem iebes. Ħadd ma ndenja ruħu jidħol bejniethom u dawn spiċċaw ma jkellmux lil xulxin għal żmien minkejja li kienu fl-istess dar. Bil-mod il-mod kollox beda jindara u l-qaddejja baqgħu jintelqu.

 

Forsi dan hu l-irqad li minnu Ġesù jrid iqajjimna f’dan l-Avvent. Wieħed jista’ jkun bieżel ħafna u fl-istess ħin ikun rieqed għal dak li qed jiġri lil ta’ madwaru. Wara snin taħt l-istess saqaf, u forsi naħsbu li nafu lil xulxin sew, jista’ jiġri li ma nintebħux minn xiex tkun għaddejja l-persuna li tant inħobbu. Nistgħu wkoll nibqgħu naraw persuna kif konna narawha ħafna snin ilu. Minkejja li dak li jkun jista’ jnbidel, jikber u jiżviluppa l-ħiliet tiegħu, xorta nibqgħu ma nagħtuhx ċans. Għalhekk, li tishar jista’ ukoll ifisser li terġa’ tagħti widen għal dik il-persuna ta’ ħdejk.

 

Dan jgħodd ukoll għall-komunità Nisranija nġenerali. Jista’ jkun li tant drajt nagħmel xi servizz partikolari fil-komunità, li nsibha ferm diffiċli nafdah f’idejn ħaddieħor. Is-sid tal-parabbola kellu fiduċja u qassam ir-responsabbiltajiet. Forsi l-Mulej qed jitlob minni li jkolli l-istess fiduċja, forsi qed jitlobni nagħraf id-doni li ta lil ħaddieħor u nagħtih spazju.

L-istennija tal-Avvent trid tbiddel il-mod kif qed ngħixu llum, biex jinbidel ukoll l-ambjent tad-dar. Għalhekk ejjew illum nieqfu ftit ħdejn xi ħadd mill-membri tal-familja tagħna stess jew xi membru tal-komunità u nistaqsuh: “Kif int?” jew “Għandek bżonn xi ħaġa?” U mbagħad nagħtuh il-ħin iwieġeb. Hemm tista’ tibda s-sahra tagħna.