Tħabbret il-mewt tal-E.T. Mons. Isqof Annetto Depasquale Vigarju Ġenerali. Huwa kien Isqof Awżiljarju u Isqof Titulari ta’ Aradi. L-Isqof Depasquale li kellu 73 sena miet fit-3.45 p.m. tat-Tlieta 29 ta’ Novembru 2011.
Agħtiħ o Mulej il-Mistrieħ ta’ dejjem.
Biografija
Mons. Annetto Depasquale twieled Ħal Qormi, fit-28 ta’ Ġunju 1938. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola tas-Sorijiet ta’ St Joseph (il-Belt) u l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo. Kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta u fl-Università Pontifiċja tal-Lateran, fejn studja l-Liġi Kanonika u t-Teoloġija Pastorali. Ġie ordnat saċerdot fis-7 ta’ April 1962 u ta s-servizz tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni Djar tal-knisja għat-tfal, fil-Pastoral Research Services tal-Arċidjoċesi, kif ukoll fil-parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, u fil-Parroċċa Nazzjonali għal Kattoliċi ta’ Lingwa Ingliża. Fis-6 ta’ Awwissu 1977 inħatar Kanċillier tal-Kurja u fl-14 ta’ April 1986, Segretarju Pastorali. Fid-9 ta’ Jannar 1989 sar Vigarju Ġenerali u fis-16 ta’ Novembru 1998, il-Papa nnominah bħala Isqof Titulari ta’ Aradi u Isqof Awżiljarju. Ġie ordnat Isqof fit-2 ta’ Jannar 1999. B’digriet tas-27 ta’ Jannar 2007, l-Arċisqof Pawlu Cremona nnominah Vigarju Ġenerali.