ŻMIEN MATUL IS-SENA “A” 9 ĦADD MATUL IS-SENA
Missal Paġna 295
NIBNU FUQ IL-BLAT
L-1 Qari – Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju – Dewt 11, 18. 26-28
Mose’ kellem lill-poplu u qal: “Intom tqiegħdu dawn il-kelmiet f’qalbkom u f’ruħkom, u torbtuhom bħala sinjal ma’ idkom, u jkunu bħal filatterji bejn għajnejkom.
Araw, jiena llum qed inqiegħed quddiemkom barka u saħta: il-barka, jekk tħarsu l-kmandamenti tal-Mulej, Alla tagħkom, li jien illum qiegħed nordnalkom; u s-saħta, jekk ma tħarsux il-kmandamenti tal-Mulej, Alla tagħkom, imma twarrbu mit-triq li jiena llum qiegħed nordnalkom, biex timxu wara allat oħra li ma kontux tafu bihom.’’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI – Salm 30 – Mulej, kun blata tal-kenn għalija.
Fik, Mulej, jien nistkenn;
tħallini qatt ninfixel!
Fil-ġustizzja tiegħek, eħlisni.
Ressaq widintek lejja,
fittex eħlisni! R/.
Kun blata tal-kenn għalija
fortizza qawwija li ssalvani.
Tassew blata tiegħi u fortizza tiegħi int;
f’ġieh ismek, mexxini u wassalni. R/.
Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek;
fit-tjieba tiegħek eħlisni.
Issaħħu u qawwu qalbkom,
intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej. R/.
IT-TIENI QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani – Rum 3, 21-25a.28
Ħuti: Issa l-ġustizzja ta’ Alla ntweriet, u ntweriet mingħajr il-liġi, għad li l-liġi u l-profeti jixhdu għaliha: ġustizzja ta’ Alla mogħtija permezz tal-fidi f’Ġesu’ Kristu lil dawk kollha li jemmnu.
U ma hemmx għażla. Ladarba l-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla, huma jsiru ġusti bil-grazzja tiegħu, li hu jagħtihielhom minn rajh, permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesu, li Alla qiegħdu bħala mezz ta’ maħfra bid-demm tiegħu, maħfra li tinqala’ bis-saħħa tal-fidi. Għax aħna għandna fehma sħiħa li hu permezz tal-fidi li l-bniedem isir ġust, mingħajr l-opri tal-liġi.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Fehimni, Mulej, biex inżomm il-liġi tiegħek
u nħarisha b’qalbi kollha.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew – Mt 7, 21-27
F’dak iż-żmien: Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu; “Mhux kull min igħidli, “Mulej, Mulej’’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, imma kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet.
F’dak li-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, “Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna? U mhux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’’ Imbagħad jien ngħidilhom, “Lilkom qatt ma kont nafkom; warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen.’’
Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qed ngħid, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew l-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġarrfuhiex, għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qed ngħid, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel.. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġarrfuha. U kbira kienet il-qerda tagħha.’’
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu.
Ħsieb tal-Evanġelju minn Patri Jurgen Cucciardi O.Carm. : [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=Gu7Dfk45ps8[/youtube]