Auto Draft

Riflessjoni għat-18 -il Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

X’tagħmel meta tkun f’tieġ u joffrulek ikel ġdida li qatt ma tkun doqt bħalha? Hawn min jippreferi li ma jmiss xejn ma’ ħalqu, għax jibża’ li ma jkun ser jgħoġbu xejn jew li dak l-ikel sa jgħamillu l-ħsara. Ħafna drabi dawn in-nies igergru għax ma jkunux sabu l-ikel li mdorrijin bih. Imbgħad hawn min jistaqsi lil ħaddieħor li jkun diġa’ ppruvah qabel biex jara x’jidirhlu, u mbagħad forsi jibda’ jduq xi ħaġa. Imma jkun hawn min hu aktar avventuruż u mill-ewwel jduq ftit biex jipprova u mbagħad jiddeċiedi jekk jibqgħax għaddej jiekol dak l-ikel jew jarmih. Imma ssib wkoll min mhux biss jipprovah u jieklu imma jkun jixtieq jaf x’inhu, minn x’hiex hu magħmul u forsi wkoll jitlob ir-riċetti ta’ kif ikun ġie preparat. Ħafna drabi dawn il-persuni japprezzaw aktar dak l-ikel straordinarju li jkollhom quddiemhom.

Fl-ewwel qari tal-lum għandna lill-poplu Lhudi fid-deżert ippreżentat b’ikel ġdid li qatt ma raw bħalu qabel; żgur li kien  hemm minnhom li baqgħu lura, ma kienux prużuntużi u qabdu jieklu mill-ewwel. Kien hemm minnhom li staqsew ‘Man-hu?’ – dan x’inhu? Imma kien hemm bżonn li jduquh biex itgħemu dan l-ikel. Huma u jieklu minnu komplew jistaqsu min tahom dan l-ikel, min fejn ġie? Kellhom jesperjenzawh biex ikunu jafu x’joffri; u aktar ma bdew jieklu minnu aktar daqu l-ħlewwa tiegħu, li uriethom l-ħlewwa ta’ Alla magħhom, għax kien ħobż li niżel mis-sema. Kien dan l-ikel ġdid li tahom is-saħħa biex setgħu jaslu fl-art imwiegħda; mingħajru ma kinux jgħixu.

Ġesu’, mill-banda l-oħra, wkoll offra ikel ġdid, ikel li qatt ma kien deher bħalu; offra lilu nnifsu. Mhux ta’ b’xejn kien hemm min saba diffiċli li jersaq lejh, imma kien hemm oħrajn li staqsew għal sinjal biex setgħu jemmnu fih. Riedu prova li dak li kien qed jgħid kien minnu. Imma kien hemm oħrajn li emmuh u baqgħu miegħu. Anke’ quddiemna hemm għażla; x’nagħmlu quddiem dan l-ikel ġdid? Nista’ nirrifjutawh, nistgħu l-ewwel nistaqsu dwaru lil min jiekol spiss dan l-ikel, imma nistgħu nagħżlu li nieklu minnu. Qabel ma nduqu dan l-ikel, waqt li nemmnu li hu tassew ikel spiritwali, ma nistgħux nagħrfu l-effett tiegħu.  Quddiem l-Ewkaristija rridu wkoll nibqgħu nistaqsu ‘Man-hu?’, rridu nibqgħu infittxu li nidħlu fil-misteru kbir tagħha. Waqt li nirċievu spiss l-Ewkaristija, nistgħu nagħrfu l-mod ta’ kif tibdilna dejjem aktar fi Kristu.

Hi l-Ewkaristija li tgħajjixna u ssaħħaħna fil-vjaġġ tagħna. Tissodisfa l-bżonnijiet vera tagħna, għax aħna m’għandniex biss bżonnijiet fiżiċi, imma wkoll bżonnijiet spiritwali. L-Ewkaristija turina b’mod aktar ċar x’jiġifieri tgħix, għax twaħħadna mal-ħallieq. Ma’ għandna qatt nibżgħu nersqu lejn dan l-ikel spiritwali, lanqas ma għandna nieħduh for granted. L-atteġjament li għandu jkollna quddiem l-Ewkaristija hu sens ta’ aċċettazzjoni u gratitudni. Ħafna drabi min ma jieħux minn dan l-ikel b’fidi sħiħa f’min tahulna jispiċċa jsib ruħu jgerger, kif għamlu l-Lhud fi triqthom lejn l-art imwiegħda; jispiċċa jitlef l-gost u l-ħlewwa tal-ħajja u jsib ruħu jitħabat għall-ikel li jgħaddi biss. B’hekk Ġesu’ jgħidilna ‘tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem’.   

Ninsabu fi żmien ta’ tħejjija għall-festa tal-parroċċa tagħna, ejjew f’dan iż-żmien nieqfu u nkomplu nistaqsu ‘Man-hu?’, nistaqsu lil Marija, għax hi tafu sew, għexet biH u miegħU. Inħallu lil Marija turina kif inkunu persuni aktar ewkaristiċi u bħalha naslu li nilqgħu d-doni li Alla fil-ħniena tiegħu jagħtina u kif inkunu grati lejn dak kollu li nirċievu mingħand Alla fil-vjaġġ tagħna lejn s-sema pajjiżna. Ejjew bħalha nitħabtu għall-ikel li jibqa’ għal dejjem!