Is-Sitt Ħadd tas-Sena liturġika:
ŻMIEN MATUL IS-SENA “A” 6 ĦADD MATUL IS-SENA
Missal Paġna 277
KRISTU: IL-MILJA TAL-LIĠI
“Ħenjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej”
L-1 Qari – Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak – Sir 15, 15-20
Ibni: Jekk inti trid, tista’ tħares il-liġi ta’ Alla:
u f’idejk jinsab jekk tibqax fidil.
Huwa qiegħed quddiemek in-nar u l-ilma:
midd idejk ‘il fejn jogħġbok.
Il-bniedem quddiemu għandu l-ħajja u l-mewt;
jew il-waħda jew l-oħra, li jogħġbu hu jkollu.
Għax kbir hu l-għerf tal-Mulej,
setgħan u qawwi, u kollox jara.
Għajnejh fuq dawk li jibżgħu minnu:
Hu jaf kull ma jagħmlu l-bnedmin.
Lil ħadd ma kkmanda biex jagħmel id-dnub,
lil ħadd ma ħalla l-wisa’ li jidneb.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI – Salm 118
Ħenjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
Ħenjin dawk li huma fi triq tajba,
dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
Ħenjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,
li jfittxuh b’qalbhom kollha. R/.
Int tajt il-kmandamenti tiegħek,
biex jiġu mħarsin bir-reqqa.
Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi
fil-ħarsien tad-digrieti tiegħek. R/.
Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek, u ngħix,
u nħares il-kelma tiegħek.
Iftaħli għajnejja, ħa nara
l-egħġubijiet tal-liġi tiegħek. R/.
Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek:
Jiena ngħaddi minnha sa l-aħħar.
Fehimni biex inżomm il-liġi tiegħek
u nħarisha b’qalbi kollha. R/.
It-2 Qari – Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. – 1 Kor 2, 6-10
Ħuti: Lil dawk li huma mrawmin sewwa ngħidulhom il-għerf, mhux il-għerf ta’ din id-dinja, anqas il-għerf tal-mexxejja ta’ did-dinja li ġejjin fix-xejn. Imma ngħidulhom il-għerf ta’ Alla moħbi f’misteru, li Alla fassal mill-bidunett għas-sebħ tagħna, għerf li ebda wieħed mill-mexxejja ta’ did-dinja ma għarfu; għax kieku għarfuh, qatt ma kienu se jsallbu l-Mulej tas-sebħ. Imma, bħalma hu miktub, aħna nħabbru ‘dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, u li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.’’
Għax lilna Alla wrihulna permezz ta’ l-Ispirtu, għax l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla.
Iul-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Fehimni, Mulej, biex inżomm il-liġi tiegħek
u nħarisha b’qalbi kollha.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. Mt 5, 17-37
F’dak Iż-żmien: Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu:
(‘Xejn la taħsbu li jiena ġejt biex inwaqqa’ l-liġi jew il-Profeti; jien ma ġejtx biex inwaqqagħhom, imma biex inwassalhom għall-perfezzjoni. Tassew ngħidilkom li, sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art, anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet).
Ngħidilkom li jekk il-ħajja ġusta tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-Kittieba u l-Fariżej, anqas tidħlu fis-Saltna tas-Smewwiet. Smajtu x’intqal fl-imgħoddi, ‘La toqtolx.’ Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu s-sentenza tal-ħaqq. Imma jiena ngħidilkom li s-sentenza tal-ħaqq tistħoqq lil kull min jinkorla għal ħuh.
(Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh igħidlu, ‘Ġifa’, ikun ħaqqu s-sentenza tas-Sanhedrin; u jekk igħidlu, “Iblah,’’ ikun ħaqqu n-nar ta’ l-infern. Mela jekk tkun qiegħed itella’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuh għandu xi ħaġa kontra tiegħek, itlaq l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek.
Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn il-għassies, u hekk issib ruħek il-ħabs. Tassew, ingħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet).
Smajtu x’intqal, “La tagħmilx adulterju’’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara u jixtieqha, ikun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.
(Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintilef biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.
Intqal ukoll, “Min jibgħat ‘il martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju.’’ Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat ‘il martu, barra mill-każ ta’ rabta ħażina magħha, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.)
Smajtu wkoll x’intqal fl-imgħoddi, “Tonqosx mill-wegħda li ħlift, imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu.’’ Imma jien ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, (u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u anqas b’Ġerusalem, għaliex hija l-belt tas-Sultan il-Kbir. U anqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex int anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda.)
Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, “Iva, iva’’, “Le, le’’: kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.’’
Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu.
Ħsieb tal-Evanġelju minn Patri Jurgen Cucciardi O.Carm. :[youtube]http://www.youtube.com/watch?v=Ngpp4w4AbAM[/youtube]
Ħsieb tal-Evanġelju għat-tfal minn Stanley Spiteri: Is-6 HADD MATUL IS-SENA A (Stampa din il-paġna