Qari u Ħsieb tal-Liturġija tal-14 il-Ħadd

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        14 il-Ħadd matul is-sena

 

ĠESỪ TA’ QALB ĦELWA U UMLI

 

L-1 QARI – Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija. – Żakk 9, 9-10

DAN JGĦID IL-MULEJ: Imtela bil-hena, bint Sijon; agħjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, s-sultan tiegħek ġej għandek; huwa ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmara.
Hu jeqred il-karru minn Efrajm u ż-żiemel minn Ġerusalemm; jinqered il-qaws tal-gwerra. Hu jxandar il-paci lill-ġnus, il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar, u mix-xmara sat-trufijiet ta’ l-art.
Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI – Salm 144 – Inbierek ismek għal dejjem, Mulej.

Ngħollik, Alla tiegħi, sultan,
u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kull jum inbierkek u
nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem. R/.

Il-Mulej tajjeb u ħanin,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd,
u ħnientu akbar minn kull ma għamel. R/.

Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej,
u ħbiebek iberkuk:
is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

Fidil il-Mulej f’kull kelma tiegħu,
twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Iwieżen il-Mulej kull min se jaqa’,
u jqajjem ’l kull min imil. R/.

IT-2 QARI – Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. – Rum 8, 9. 11-13

ĦUTI: Intom ma tgħixux skond il-ġisem, imma skond l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, dak stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.
Hekk mela, ħuti, aħna midjunin, imma mhux mal-ġisem biex ngħixu skond il-ġisem. Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu bl-Ispirtu l-għemil tal-ġisem, tgħixu.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
li wrejt il-misteri tas-saltna liċ-ċkejknin.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 11, 25-30

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, talli inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken. Iva, Missier, għax hekk għoġob lir-rieda tiegħek. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben ħlief il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier ħlief l-Iben u dak li l-Iben irid jgħarrafhulu.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa w umli, u intom issibu mistrieħ għal ruħkom. Għaliex il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”

Il-Kelma tal-Mulej.

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.:   [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=etn2d7xwpg0[/youtube]