ŻMIEN MATUL IS-SENA “A” It-2 ĦADD TAR-RANDAN
Missal Paġna 138
IT-TWEĠIBA TA’ ALLA: ĠESU KRISTU
L-1 QARI
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.
Ġen 12, 1-4a
F’dak iż-żmien: Il-Mulej qal lil Abram; “Itlaq minn artek, minn għand il-familja tiegħek u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik.
U nagħmel minnek ġens kbir u nbierkek, u nkabbarlek ismek, u inti tkun ta’ barka. U nbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek, u bis-saħħa tiegħek ikunu mberkin il-ġnus kollha ta’ l-art.” U telaq Abram kif qallu l-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI
Salm 32
Ħa tkun it-tjieba tiegħek fuqna, Mulej.
Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kull ma għamel kollu fedeltà;
iħobb is-sewwa u l-ġustizzja,
u t-tjieba tal-Mulej imliet l-art.
R/.
Araw, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jħallihom igħixu fi żmien il-ġuħ.
R/.
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun it-tjieba tiegħek fuqna, Mulej,
kif fik hi t-tama tagħna.
R/.
IT-2 QARI
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju.
2 Tim, 1, 8b-10
Għażiż: Bati miegħi għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-egħmejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu nnifsu, u skond il-grazzja mogħtija lilna fi Kristu Ġesù sa minn dejjem, imma li ntweriet issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, li qered il-mewt u wera fid-dawl il-ħajja u l-immortalità permezz ta’ l-Evanġelju.
Il-Kelma tal-Mulej.
GLORJA U TIFĦIR LILEK, KRISTU!
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’:
Dan hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Mt 17, 1-9
F’dak iż-żmien: Ġesù ħa miegħu ‘l Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni weħidhom, tellagħhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid, intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.”
Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt il-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.” Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin bil-biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu, tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw ’il ħadd ħlief ’il Ġesù waħdu.
Huma u niżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”
Il-Kelma tal-Mulej.
Ħsieb tal-Evanġelju minn Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.: [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=TP0Oj0Llvgg[/youtube]