Qari tal-Liturġija tat-18 il-Ħadd matul is-sena

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”        18 il-Ħadd matul is-sena

 

IKEL BIX-XABA’

L-1 QARI – Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. – Is 55, 1-3

DAN JGĦID IL-MULEJ:
Intom li bikom il-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll li ma għandkomx flus,
ejjew ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhux ħobż
u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.
Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
skond il-wegħdiet li mħabbti għamlet lil David.

Il-Kelma tal-Mulej.

 

SALM RESPONSORJALI – Salm 144 – Mulej, inti ttaffi x-xewqat tagħna.

Il-Mulej tajjeb u ħanin,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd,
u ħnientu akbar minn kull ma għamel. R/.

Għajnejn kulħadd fik jittamaw, Mulej,
u inti f’waqthom tagħtihom jieklu:
int tiftaħ idek,
u ttaffi x-xewqa ta’ kull min jgħix. R/.

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.
 


IT-2 QARI –  Qari mill- Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani. – Rum 8, 35.37-39

ĦUTI: Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Taħbit, dwejjaq, persekuzzjoni, ġuħ, għera, tiġrib, xabla? Imma f’dan kollu aħna noħorġu tassew rebbieħa, bis-saħħa ta’ dak li ħabbna.
Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u la li ġej, la s-setgħat, la l-għoli u anqas il-fond, u ebda hliqa oħra, ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesù Sidna.

Il-Kelma tal-Mulej.


VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
Hallelujah.


L-EVANĠELJU – Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. – Mt 14, 13-21

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Meta sema’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet. X’ħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom u fejqilhom il-morda tagħhom.
X’ħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom in-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu.” U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u zewġ ħutiet.” “Ġibuhomli hawn,” qalilhom.
Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix, ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, refa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.
U kulħadd kiel u xaba’: u ġabru l-bċejjeċ li fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra min-nisa u t-tfal.

Il-Kelma tal-Mulej.