Qari u Ħsieb tal-Liturġija ta’ Corpus

ŻMIEN MATUL IS-SENA “A”         IT-TRINITA QADDISA

 

L-1 QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu. – Eż 34, 4b-6, 8-9

F’dak iż-żmien: Filgħodu kmieni Mosè qam u tela’ fuq il-muntanja Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f’idejh iż-żewġ twavel tal-ġebel.
Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu, u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: ‘Jahweh! Jahweh!’ Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u s-sewwa.”
Mosè minnufih inxteħet għal wiccu fl-art u ta qima. U qal: “Jekk jiena tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunitna u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik.”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI  – Dan 3, 52-56


Ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna,
ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem.
Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ,
ta’ min ifaħħru wisq u jgħollih għal dejjem. R/.

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek,
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini,
li ħarstek tinfed l-abbissi,
ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem. R/.
Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek,
ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema,
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem. R/.

IT-2 QARI – Għeluq it-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. – 2 Kor 13, 11-13

Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom.
Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa. Isellmulkom l-aħwa qaddisin kollha. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu, tkun magħkom ilkoll.
Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
Lil Alla li hu, li kien, u li ġej.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. Ġw 3, 16-18

F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha, imma biex bih hija ssalva. Min jemmen fih ma jkunx iġġudikat, imma min ma jemminx huwa ġa kkundannat għax ma emminx fl-isem ta’ l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Ħsieb tal-Evanġelju minn  Patri Jurgen Cucciardi O.Carm.:  [youtube]http://www.youtube.com/watch?v=DysDAmK_los[/youtube]