Riflessjoni għad-19 il-Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Ħafna minna ġieli semgħu bil-Cammino di Santiago de Compostela. Pellegrinaġġi li jitilqu minn pajjiżi differenti lejn il-belt ta’ Campostela fi Spanja. Hemm min jagħżel li jimxi mijiet ta’ kilometri sa ma jasal fil-katidral ta’ San Ġakbu. Matul is-sena jiġu organizzati diversi gruppi anke minn Malta biex jagħmlu dan il-Cammino. Qabel ma’ wieħed jiddeċiedi li jidħol għal sfida hekk kbira, jrid jara li jkun ippreparat tajjeb. Importanti li jiftakar li hemm diversi riskji, u għalhekk tajjeb li qabel jikkonsidra kollox, biex jirnexxielu jasal sat-tmiem. Fit-triq jista’ jgħejja, jista’ jintilef, jista’ jiġi ferut b’xi mod jew ieħor, jista’ ma jsibx post fejn jieqaf jistrieh mal-lejl, insomma jista’ jġarrab diversi disfatti li jfixkluh milli jkompli t-triq. Imma min jibqa determinat sal-aħħar jirnexxielu jasal sa Santiago.
F’kull ma’ nagħmlu fil-ħajja, hemm bżonn li nikkonsidraw ir-riskji li jkun hemm marbuta ma’ dak li nagħmlu. U l-fidi mhux anqas! Il-fidi hi “cammino” – mixja riskjuża u għalhekk hemm bżonn li nkunu tassew ippreparati għaliha. Ġesù jinsisti li nkunu qaddejja għaqlin u fidili. Fil-ħajja nisranija nsibu tensjoni bejn li tkun qaddejja fidili u li tkun lest li tirriskja għal Ġesù. Ħafna drabi naħsbu li l-qaddej fidil hu dak li jibqa’ jagħmel dak li mdorri jagħmel b’fedeltà: jitlob kif dejjem talab bla ma qatt jaqta’ li jipprattika dak li tgħallem meta kien żgħir bla ma jimmolla minnu meta jikber, u li jkun dejjem lest li joqgħod għall-awtoritajiet tal-knisja. Naħbsu li biex tkun qaddej fidil trid tevita dak kollu li jista’ jfixkel ir-ritmu tal-ħajja nisranija u tevita kull riskju li jista’ jġibek fl-inkwiet; l-aħjar tkun ċert u ma tilgħabx man-nar fl-affarijiet ta’ Alla. Imma Ġesù jagħtina stampa ferm differenti minn din, għax jitlob li d-dixxipli tiegħu jkunu nies li lesti jirriskjaw u jurina li l-fidi vera hi li tagħmel pass fid-dlam, tafda f’Alla f’dak kollu li tgħaddi minnu. Jgħidilna: “tibżgħu xejn... bigħu ġidkom u agħtuh karità’’ – Mhux riskju dan! “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula,” dejjem lesti titilqu u timxu: Mhux riskju dan! Fit-tieni qari tal-lum għandna quddiemna l-eżempju tal-fidi ta’ Abraham, li hekk kif sema s-sejħa ta’ Alla ħalla daru u niesu kollha u telaq f’art li ma kienx jaf biha. Mhux riskju dan! Smajna wkoll li Abraham kien lest li joffri lil ibnu Iżakk b’sagrifiċċju wara li sema’ t-talba li Alla għamillu biex joffri lil ibnu l-waħdieni: Mhux riskju dan!
Il-fidi vera, għalhekk, mhix sempliċiment li nipproteġu dak it-tagħlim u d-duttrina li rċevejna mingħand ta’ qabilna, imma mpenn sħiħ u mixja lejn dak li għadna ma nafux x’inhu, mixja fid-dlam imma f’ċertezza li Alla mhux se jitlaqna u jabbandunana. Li tkun dixxiplu u qaddej fidil mhux sempliċiment li tipproteġi dak li Alla tak, imma li taħdem u tirsisti biex tkattar il-ġid spiritwali li l-Mulej ikun żejnek bih. Jekk tibqa’ tgħum fil-baxx biex tkun “safe,” ma tasal qatt li tilħaq ix-xatt l-ieħor. Iva trid tirriskja u taqdef fil-fond, waqt li temmen li Alla qed iħarsek minn kull hemm. Il-fidi vera hi fidi riskjuża. Meta nitkelmu minn riskju għas-Saltna ta’ Alla, mhix bluha, imma hi ubbidjenza bla ma toqgħod tqis u tikkalkula xejn. Fidi bħal din twasslek li twieġeb kull meta tħoss lil Alla qed ikellmek. Hu mhux biss jipprovdilek u jarmak għall-vjaġġ, imma wkoll jimxi miegħek. Alla jonora lil min jirriskja minħabba fih. Araw ftit Abraham: mhux biss ma tilifx lil ibnu Iżakk imma Alla għamlu missier ta’ poplu kbir.
Fil-prattika ta’ kuljum dan ifisser li ma nistgħux ngħixu fidi komda imma fidi riskjuża. Nirriskja meta naffronta lil dik il-persuna li ddawwar wiċċha minni għax darba ħadet fastidju fuq xi ħaġa. Nirriskja meta naħfer bit-tama li nasal għal rikonċiljazzjoni. Nirriskja nkellem b’rispett kolleġa li l-ħin kollu jidgħi u jitkellem ħażin fuq il-post tax-xogħol. Nirriskja li nitlef xi ftit mill-profitti tiegħi basta ma’ nidħolx f’korruzzjoni. Nirriskja meta ma nibżax ngħid dak li nemmen fih anke jekk naf li ħadd ma jaqbel miegħi. Nirriskja nidher ikraħ mal-imgħallem tiegħi għax ma nikkoperax miegħu f’xi ħaġa ħażina li jitlobni nagħmel. Nirriskja meta nagħmel karità avolja nkun strett fil-finanzi tiegħi. Nirriskja li nagħti ftit ħin lil ħaddieħor avolja naf li m’għandix ħafna ħin liberu. Nirriskjaw li bħala familja noffru li niffosterjaw tifel jew tifla biex nagħtuhom familja fejn jikbru. Nirriskjaw meta ninvolvu ruħna fil-ħajja soċjali bil-ħsieb li ngħinu lis-soċjetà tissaħħah u tinbena fuq valuri nsara. F’hiex qed tirriskja bħala qaddej fidil tal-Mulej Ġesù?