Riflessjoni għall-1 Ħadd tar-Randan

Riflessjoni għall-1 Ħadd tar-Randan

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Suċċess jiġi mkejjel mir-riżultati: kemm irnexxieli nikkonvinċi nies, kemm ipproduċejt, kemm ġemmajt, kemm marki ġibt, kemm irbaħt eċċ. B’hekk nuru kemm aħna effiċjenti u tajbin f’dak li nagħmlu. Donnu jekk ma tispikkax fuq kulħadd, ma tiswa għalxejn!

Li taħdem, li tagħmel il-ġid, li tistinka u tgħin lill-oħrajn, kollha huma ħwejjeġ ta’ min ifaħħarhom, imma rridu noqogħdu attenti. Għax faċli nidentifikaw min aħna minn dak li nagħmlu. Faċli nidħlu għal aktar xogħol milli nifilħu biex nuru li aħna indispensabbli. Faċli nispiċċaw taħt pressjoni kontinwa għax nibżgħu li nfallu. Ir-Randan ipoġġi quddiemna mistoqsija fundamentali: min jien tassew? Dak li nidher, jew dak li Alla jara fija?

F’dan l-Ewwel Ħadd tar-Randan, il-Knisja tqiegħed quddiemna lil Ġesù fid-deżert. Post fejn ma kien hemm ħadd, post fejn ma kien hemm xejn, post li fih Ġesù ma seta’ jagħmel xejn. Hawn sab ruħu waħdu miegħu nnifsu. Fid-deżert ma kienx hemm bżonn jikkonvinċi lil ħadd, ma kienx hemm bżonn jaħdem għal ħadd, ma kienx hemm bżonn juri l-effiċjenza tiegħu. Madankollu xorta nsibu lil Ġesù ffaċċjat bl-istess tentazzjoni ta’ żmienna. Ġie ttentat biex jipprova lilu nnifsu u juri lilu nnifsu x’ħiliet u x’kapaċitajiet għandu. Ġie ttentat biex jikseb riżultati tajbin u jħossu effiċjenti qabel ma joħroġ għall-missjoni pubblika tiegħu.

  • L-ewwel it-tentatur qallu: “Ibdel il-ġebel f’ħobż.” Ma kinitx biss kwistjoni ta’ ġuħ, imma tentazzjoni li juża l-ħiliet tiegħu biex jipprova min hu. Bħallikieku l-identità tiegħu tiddependi fuq il-prestazzjoni. Kemm-il darba nħossu li rridu nippruvaw il-valur tagħna permezz tar-riżultati, tal-immaġni, u tal-approvazzjoni ta’ ħaddieħor. Ngħixu f’kultura fejn il-performance saret kollox. Li trid tidher tajjeb, li tħalli mpressjoni tajba, u fuq kollox li tinħass, saru valuri fihom infushom. Imma Ġesù ma waqax għal din it-tentazzjoni tal-performance, u qagħad fid-deżert għal erbgħin jum fil-preżenza tal-Missier. Ġesù ma ħalliex li l-identità tiegħu tkun mibnija fuq dak li jagħmel.
  • It-tieni tentazzjoni kienet dik tal-ispettakolarità. It-tentatur qallu “Aqbeż minn fuq il-quċċata tat-tempju.” – agħmel xi ħaġa spettakolari, ħalli lin-nies jammirawk. Kemm hi sottili din it-tentazzjoni! Anke fil-ħajja spiritwali nistgħu nagħmlu minn kollox biex nidhru qaddisin, impenjati, u tassew reliġjużi. Imma Ġesù jirrifjuta li jagħmel show reliġjuż. Ir-Randan m’huwiex staġun ta’ wirja spiritwali. Mhux żmien biex nuru kemm aħna kapaċi nsumu jew nitolbu, imma hu żmien ta’ verità. Żmien li fih ninżgħu l-maskri u nagħrfu min aħna tassew.
  • U fit-tielet tentazzjoni, t-tentatur qal lil Ġesù: “Nagħtik is-slaten kollha tad-dinja.” Ried iħajru biex f’idejh ikollu l-qawwa, il-kontroll, u d-dominju ta’ kollox. Imma Ġesù għażel it-triq tal-fedeltà u mhux tal-poter. Għażel li jagħmel ir-rieda tal-Missier u jħalli f’idejn il-Missier aktar milli jieħu f’idejh il-kontroll ta’ kollox. Kultant kemm hi diffiċli tafda b’għajnejk magħluqa. Kemm hi iebsa li toqgħod għar-rieda ta’ Alla f’kollox, l-aktar meta ma tifhimx eżatt għaliex qed jgħaddik minn ċerti esperjenzi.

Ġesù kien jaf min hu; kien jaf li hu l-Iben il-maħbub tal-Missier, kif intwera lilu ftit qabel dakinhar tal-Magħmudija, u dan kien biżżejjed għalih. Il-ġenwinità tagħna nfusna (li nkunu dak li tassew aħna) tibda meta ma nibqgħux nitħabtu biex nikkonvinċu lilna nfusna u lill-oħrajn li aħna xi ħadd, imma li nagħrfu li tassew aħna għeżież f’għajnejn il-Missier.

Ir-Randan hu stedina biex nidħlu fid-“deżert” tagħna, fejn m’hemmx applaws, fejn m’hemmx likes, fejn m’hemmx approvazzjoni ta’ ħadd, u hemm niskopru mill-ġdid min aħna tassew. Dan iż-żmien jista’ jgħinna nirrealizzaw li aħna wkoll ulied maħbubin tal-Missier – u dan isir biżżejjed għalina. Bħal Ġesù ejjew infittxu aktar li nkunu fidili għas-sejħa tagħna, milli t-taħbit żejjed biex nidhru qaddisin. Fid-deżert ejjew nirrealizzaw il-vera identità tagħna u nagħrfu li din l-identità ma tinbeniex fuq dak li nagħmlu, imma fuq min aħna f’għajnejn il-Missier. F’dan ir-Randan, nitolbu l-grazzja li nneħħu l-maskri, li ma nibżgħux nidħlu fid-deżert tal-verità, u li nkunu ġenwini tassew bla ma nfittxu xi performers spiritwali. Niftakru li Alla ma jħarisx lejn kif nidhru imma lejn il-qalb.