Riflessjoni għall-15 -il Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Fl-aħħar tlett snin kellna 'l fuq minn 4000 ruħ feruti fit-toroq tagħna, fosthom 60 vittma tat-traffiku li tilfu ħajjithom. Is-serq online sploda u ħafna nies qed jispiċċaw vittmi ta’ kriminalità ċibernetika (cyber crime). Spiss nisimgħu b’vittmi fuq il-postijiet tax-xogħol, minħabba li jweġġgħu jew jitilfu ħajjithom waqt xogħolhom. U xi ngħidu għall-vittmi ta’ mard terminali! Meta nitkellmu minn vittmi nkunu qed nirreferu għal nies li jsorfu telf jew ħsara fiżika, emozzjonali, psikoloġika jew finanzjarja. Vittma ma tkunx biss feruta minn barra, imma ħafna drabi tkun wisq u wisq aktar feruta minn ġewwa. Kull inċident iħalli tbatijiet kbar mhux biss fil-persuna kkonċernata fl-inċident, imma wkoll fin-nies ta’ madwar. Kif għandna nġibu ruħna quddiem persuni vittmi, li jkunu qed isofru? Jekk inħarsu ftit lejn il-parabbola li Ġesù jagħtina llum, nistgħu nitgħallmu aħjar kif, bħala dixxipli tal-Mulej, għandna naġixxu quddiem persuna feruta.
Quddiemna għandna raġel li spiċċa vittma tal-ħallelin. Hu sofra mhux biss feriti f’ġismu, kawża tad-daqqiet u s-swat li qala’ mill-ħallelin, imma wkoll sofra għax ġie njorat (rejected) minn niesu stess, u minn min kellu responsabbilità li jagħmel xi ħaġa minħabba li kien f’pożizzjoni ta’ tmexxija. Sofra għax min jipriedka l-karità u l-imħabba ta’ Alla baqa’ għaddej minn ħdejh bill-pass imgħaġġel. Dan ir-raġel sofra l-bullying tal-ħallelin, imma wkoll l-bullying ta’ dawk li baqgħu gallarija quddiem r-realtà tal-agressjoni u l-vjolenza. Dan ir-raġel spiċċa fil-ġenb tat-triq għax kulħadd injorah, ħarab, u wisq probabbli anke ġie ġġudikat u spiċċa ħa t-tort hu peress li kien qed jivjaġġa waħdu f’dawk it-toroq ta’ Ġeriko. Sar, għalhekk, vittma ta’ lsien in-nies ukoll. Dan ir-raġel anqas biss kien baqgħalu saħħa jgħajjat għall-għajnuna, u l-istess silenzju kien jesprimi uġiegħ kbir. Dan ir-raġel stenna u ttama li xi ħadd jinduna bih. Stenna li jgħinnuh imma fuq kollox stenna ftit dinjità. Kellu bżonn li xi ħadd jieqaf, jitbaxxa u jurih li hu prezzjuż billi ma jħallihx mal-art fil-ġenb tat-triq.
Kif qed naraw jistgħu jkunu ħafna l-kawżi tat-tbatija u l-uġiegħ fil-bniedem, imma llum xtaqt li niffukaw ftit fuq it-tbatija li jġarrbu l-vittmi tal-bullying. Sfortunatament din ir-realtà qed tikber f’kull faxxa tas-soċjetà; teżisti fost it-tfal, fuq il-postijiet tax-xogħol, bejn il-pajjiżi u saħansitra fil-familji. Jekk inkunu ftit attenti nindunaw li qrib tagħna jista’ jkollna xi ħadd li qed isorfi ħafna minħabba li hemm xi ħadd jaqbad miegħu. Il-bullying jista’ jieħu forom differenti: fih jista’ jkun hemm aggressjoni u abbuż ta’ poter, iżolament jew umiljazzjoni, jew jista’ jiġi kkawżat mill-indifferenza tal-oħrajn; meta dak li jkun jibqa’ jħares lejn il-vittmi, jinjorhom u jibqa’ ma jagħmel xejn biex jgħin lil min ġie ferut. Nistgħu ngħidu li r-raġel tal-parabbola sofra sew l-aggressjoni tal-ħallelin, kif ukoll l-iżolament u l-indifferenza ta’ dawk li kienu għaddejjin minn ħdejh. Forsi nistgħu ngħidu, imma x’tista’ tagħmel waħdek biex twaqqaf realtà ta’ bullying? U mill-ġdid, fil-parabbola nistgħu naraw x’differenza kapaċi tagħmel persuna waħda. Is-samaritan intervjena u għen bil-mod li seta’, wera tjubija lejn dan ir-raġel vittma. Hu aġixxa b’kompassjoni u b’kuraġġ kbir u dan wassal għas-salvazzjoni ta’ dan ir-raġel. Li tieqaf u tintervjeni meta tara lil xi ħadd jiġi bullied, hi azzjoni kbira ta’ mħabba lejn il-proxxmu. Id-dixxiplu ta’ Ġesù m’għandu qatt jibqa’ għaddej quddiem każijiet ta’ nġustizzji u bullying għas-sempliċi raġuni li ma jħossux komdu fis-sitwazzjoni. Jekk inħallu kollox għaddej nkunu qed nippermettu u ninkoraġġixxu lill-bully jkompli għaddej bl-aggressjoni tiegħu. Jekk bħall-qassis u l-Livita ninjoraw l-uġiegħ tal-vittmi, nkunu ħatja ta’ negliġenza, u allura, kompliċi tal-istess bullying. Ejjew, fuq l-eżempju tas-sammaritan it-tajjeb, ngħinu lil kull vittma jkun min ikun. Is-samaritan ma qagħdx jara qabel għenu jekk hux Lhudi jew Samaritan bħalu, anqas ma qagħad iqis jekk kienx tort tiegħu jew le li spiċċa kif spiċċa, imma għenu mill-qalb għax tassew ħass għalih.
F’dinja fejn il-bullying qed jikkawża ħafna wġieħ, inħallu l-parabbola tas-samaritan it-tajjeb tfakkarna li t-tjubija u l-kuraġġ għandhom ikunu t-tweġiba tagħna. Jekk int student, għalliem, ġenitur, kollega, mur u għamel hekk int ukoll. Uża kliem ta’ nkoraġġiment, ersaq qrib u kun preżenti għall-vittmi, rrapporta każijiet ta’ bullying – tista’ tagħmel differenza kbira.