Riflessjoni għall-21 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Ix-xena ta’ pjazza San Pietru waqt il-ġublew taż-żgħażagħ fakkritni meta kont preżenti għall-World Youth Day tal-1997 fi Franza. Folol enormi ta’ żgħażagħ ġejjin minn kull tarf tad-dinja, jġorru l-bnadar ta’ pajjiżhom. Nies differenti, kulturi differenti, lingwi differenti, imma spirtu wieħed. Meta dan is-sajf rajt lil Papa Ljun XIV idur fost iż-żgħażagħ ħadt ir-ruħ, għax irrealizzajt li llum ukoll iż-żgħażagħ għadhom qed ifittxu u jgħażlu lil Alla f’ħajjithom. Fil-knisja qed titwettaq il-profezija ta’ Iżaija li smajna dwara fl-ewwel qari tal-lum. Hu jgħid li Alla jiġbor lin-nies “mill-ġnus u l-lingwi kollha” biex isaħħu l-glorja Tiegħu. F’dinja fejn il-fidi f’Alla kienet meqjusa bħala xi ħaġa li tikkonċerna biss lill-poplu ta’ Iżrael, din kienet immaġni radikali għall-aħħar: Alla ta’ Iżrael jiftaħ idejh u jinkludi kull nazzjon. Dan il-ħsieb universali jfakkarna li l-Knisja mhix xi klabb privat jew reliġjon tribali, imma stqarrija ta’ fidi miftuħa. Bħala membri tal-Knisja msejħin biex nilqgħu lil kulħadd u ninkludu lil kull min iħossu mwarrab, peress li aħna qed nipparteċipaw fil-ġemgħa l-kbira ta' Alla.
Nerġa’ mmur lura għall-esperjenza tal-World Youth Day, niftakar kemm kont impressjonajt ruħi bl-organizzazzjoni eċċelenti li kien hemm. Hi ferm diffiċli biex torganizza grupp ta’ nies u żżomm l-ordni, aħseb u ara biex tikkontrolla folla ta’ 'l fuq minn żewġ miljun ruħ! Niftakar l-ordni li kien hemm fil-belt ta’ Parigi: dixxiplina kbira! Tista’ tgħid li kull min ipparteċipa qagħad għall-ordnijiet li kienu jingħataw mill-organizzaturi. It-tieni qari tal-lum jitkellem mid-dixxiplina ta’ Alla. Din id-dixxiplina mhix xi ħaġa tedjanti u li tbeżża lil dak li jkun imma hi frott tal-imħabba t’Alla. Kull dixxiplina tista’ tidher iebsa, imma d-dixxiplina ta’ Alla tixbaħ lid-dixxiplina tal-ġenituri, li għax iħobbuhom jgħallmuhom u juruhom x’inhu tajjeb u ħażin. Ma jħalluhomx jagħmlu li jridu, imma jikkoreġuhom biex jgħarfu x’inhu ta’ ġid u ta’ ħsara għalihom. Forsi l-kelma dixxiplina ma tantx iddoqq tajjeb fi żmienna, tant li ħafna drabi ma tista’ tkellem lil ħadd għax malajr jieħu fastidju; imma lkoll nafu l-bżonn tad-dixxiplina jekk trid li jkollok nies maturi. Anke fl-isports nitkellmu minn dixxiplina. Għax jekk trid li tikber u timmatura fi sport partikulari, trid tkun lest li toqgħod għar-regoli u għad-direzzjoni tal-kowċ. Jekk hemm bżonn tqum kmieni biex titrejna tqum, jekk hemm bżonn tikkontrolla l-ikel tikkontrollah, jekk hemm bżonn li titħabat titħabat. Jista’ jkun li waqt it-taħriġ tara kollox tqil u iebes imma meta jiġi l-mument tal-prova tkun ippreparat għal kollox. Id-dixxiplina ta’ Alla, għalhekk, hi t-taħriġ għall-ħajja eterna. Id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum jistgħu jsiru t-taħriġ tagħna għall-ħajja ta’ dejjem. L-inkwiet għall-familja tagħna, l-istress fuq il-post tax-xogħol, jew diżappunti personali oħra jistgħu jinbidlu f’opportunità li tkabbarna u ssaħħaħna fil-mixja tal-fidi tagħna.
Fid-dawl ta’ dan irridu nifhmu dak li jgħidilna Ġesù meta jitkellem mill-bieb id-dejjaq. Ma jridniex naqbdu t-triq faċli tal-kumdità imma t-triq tal-impenn. Fl-impenn nisrani hu l-frott tad-dixxiplina ta’ Alla. Jekk inkunu ddixiplinati insiru dixxipli mpenjati u b’hekk insalvaw. Is-salvazzjoni mhix imkejla bi statistika, imma mill-impenn fil-ħwejjeġ ta’ Alla. Kontra qalbu Ġesù ndika li ħafna se jibqgħu barra iħabbtu u jgħidu: “aħna kilna u xrobna miegħek.” Għax li tkun dixxiplu ta’ Ġesù ma jfissirx li tkun familjari mal-ħwejjeġ ta’ Alla minħabba li tkun drajthom sa minn tfulitek, imma li tkun kapaċi tagħżel kuljum l-Evanġelju; turi ħniena, taħfer, tfittex il-ġustizzja, u tħobb lil Alla fuq kollox. Nista’ nkun naf ir-regoli ta’ sport partikulari, imma jekk qatt ma nkun sibt ruħi fil-grownd nilgħab, ma nistax ngħix li jien plajer tajjeb. Bl-istess mod nista’ nkun naf sew il-kmandamenti, imma jekk qatt ma nimpenja ruħi bis-serjetà biex ngħix fid-dixxiplina tal-Mulej Ġesù b’mod awtentiku, ma nistax ngħid li jien dixxiplu ta’ Kristu.
Il-Mulej irid li lkoll ningħaqdu għall-mejda tiegħu, imma jitlob minnha impenn u awtentiċità. Jalla ma nfittxux dak li hu komdu u faċli, imma dak li tassew iwassalna biex mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba infaħħru lil Alla fil-ħajja ta’ dejjem.