Riflessjoni għall-31 Ħadd ta’ matul is-sena

Riflessjoni għall-31 Ħadd ta' matul is-sena

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana

Qatt sibt ruħek tittewweb għax rajt lil xi ħadd ieħor  jittewweb qablek? Jgħidu li t-titwib jittieħed. Imma mhux it-titwib biss jittieħed, l-aktar meta nkunu parti minn folla nies. Kif jibda xi ħadd iċapċap, il-folla kollha tispiċċa ċċapċap, u jekk ikun hemm xi ħadd li jibda jgemgem, kulħadd jispiċċa jparla minn taħt l-ilsien ma’ ta’ ħdejh. Tiskanta x’effett għandha fuqna l-folla! Folla tiġbor fiha diversi persuni b’motivazzjonijiet differenti. Inġibu quddiem għajnejna l-folla ta’ Ġeriko. Fiha kien hemm min hu serju u ġenwinament kien qed ifittex il-verità, imma wkoll kien hemm min qiegħed hemm għall-kurżità, kritiku u forsi wkoll xettiku u suspettuż. Il-folla tista’ tgħin għax tentużjażma u tqanqal xewqat tajbin f’ħafna nies preżenti, tgħin biex wieħed ikompli jfittex il-verità peress li jara oħrajn interessati, tgħin ukoll għax tista’ tkun ta’ inkuraġġiment għal min miexi wara Ġesù.  Imma l-folla tista’ ukoll tfixkel u tostakola, kif ġara fil-każ ta’ Żakkew. Fil-folla deher preġudizzju komuni; ħars bl-ikrah lejn Żakkew minħabba n-natura ta’ xogħolu. Il-folla ratu bħala traditur u ħalliel, kif kienu jaraw lil kull pubblikan ieħor. U minħabba dan il-preġudizzju mhux biss warbuh u ħafna għalqu qalbhom għalih, imma għamlu minn kollox biex ma jħalluħx jersaq lejn Ġesù. 

Mill-banda l-oħra Ġesù ma ħalliex il-folla tinfluwenzah fil-mod ta’ kif iħares lejn dan ir-raġel. Ma kienx hemm lok għall-preġudizzju f’Ġesù, u għalhekk baqa’ jarah bħala bin Abraham,  jew aħjar bħala iben maħbub tal-Missier. Għal Ġesù, Żakkew kien jistħoqlu wkoll is-salvazzjoni. Ġesù kien kapaċi jħares lejn ix-xewqa profonda li kien hemm fih: dik li jiltaqa’ miegħu. Ġesù, wieġeb għal din ix-xewqa u stieden ruħu b’idejh biex imur f’daru. Għall-fatt li ma mexiex mar-rieda tal-folla, Ġesù wkoll spiċċa suġġett għall-kritika u l-kummenti tan-nies ma naqsux, qalu: “għand wieħed midneb daħal jistrieħ.” Quddiemna għandna folla li dejjem tara ma x’hiex taqbad, biex ikollha fuq x’hiex tikkumenta u lil min tikkundanna.

Tajjeb li nirriflettu ftit kif il-folla għandha impatt fuqna; tajjeb li naraw jekk hux mexjin mar-rieda tal-folla jew mar-rieda ta’ Alla għalina; tajjeb li nistaqsu wkoll jekk aħniex kapaċi nieqfu quddiem il-folla u nuru d-diżapprovazzjoni tagħna meta ma taqbilx ma dak li nemmnu fih? Tajjeb li wkoll nosservaw ftit jekk il-folla hix tgħinna jew tfixkilna fil-mixi tagħna wara l-Mulej?  Niftakru li aħna wkoll nappartjenu għall-folla li fiha ħafna preġudizzji u ġieli teskludi persuni minnha, għax tarahom bħala tgħeddida għaliha. Aħna wkoll nistgħu nsibu ruħna niġġudikaw mal-folla, lil min jagħmel xi ħaġa kontra r-rieda tal-kotra. Aħna wkoll nistgħu ninblukkaw it-triq għal ħaddieħor u ma nħalluħx jersaq lejn Ġesù b’dak li ngħidu u b’dak li ngħamlu. Hemm nies li tassew jiskandalizzaw ruħhom mill-imġieba tal-folla, u għalhekk jippreferu jibqgħu 'l bogħod, u jfendu għal rashom, bħal ma’ għamel Żakkew.

Il-home visit ta’ Ġesù għand Żakkew, waslet biex Żakkew jibdel il-prijoritajiet ta’ ħajtu. Il-flus u l-karriera ma’ baqgħux jieħdu l-ewwel post, imma għaraf li l-imħabba tiswa ferm aktar u għalhekk ried jaħdem aktar fuq ir-relazzjonijiet tiegħu mal-oħrajn. Quddiem Ġesù għamel diċiżjoni li jieħu ħsieb lill-foqra u li jirrikonċilja ma’ min forsi kien kisirha miegħu fil-passat. 

Imma mhux biss Żakkew kellu bżonn jikkonverti u jirranġa l-prijoritajiet tiegħu, għax il-folla wkoll kellha l-bżonn tal-konverżjoni. Il-folla kellha bżonn tibdel il-viżżjoni tagħha biex tkun taqbel aktar mall-viżżjoni ta’ Kristu. Il-folla għandha bżonn tibdel il-prijoritajiet tagħha u tagħti aktar importanza lill-bniedem, milli l-flus u l-poter. Għandha tħares lejn l-umanità bħala mmaġini ta’ Alla, u tagħraf li l-umanità għandha bżonn urġenti ta’ salvazzjoni (kif Ġesù ħares lejn Żakkew u ra fih il-bżonn tas-salvazzjoni). Il-folla għandha bżonn tieqaf tikkumenta u tiġġudika lil min ma jaqbilx magħha, u tgħin lil min qed jipprova jagħmel xi ħaġa biex l-istess umanità ssalva; ma tridx tibqa’ tfittex l-istrutturi, il-liġi u l-politika fihom infushom, imma tarahom bħala għajnuniet biex il-ħajja ta’ bniedem tkun aktar umana, kif iridha Alla.

Illum ejjew ngħarfu l-bżonn tal-folla fil-mixja tagħna ma’ Ġesù, imma ngħamlu minn kollox biex il-folla tikkonverti u tkun aktar lesta biex tilqa’ lil kull bniedem bla ma teskludi lil ħadd.