Riflessjoni għall-5 Ħadd ta' matul is-sena
mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.
Minn fuq il-muntanja, Ġesù jagħtina żewġ tixbihat interessanti ferm biex jispjega min huma d-dixxipli vera tiegħu. Hu jdur mill-ġdid fuqhom u jgħidilhom: “intom il-melħ tal-art,” “intom id-dawl tad-dinja.” Mhux qed jgħidilhom ippruvaw kunu bħal melħ, jew għamlu minn kollox biex tkunu dawl għall-oħrajn, imma qed jgħidilhom INTOM melħ, INTOM dawl. Mela d-dixxipli jsiru dixxipli mhux minħabba xi ħaġa tajba li huma jagħmlu, imma huma dixxipli għal dak li huma (being a disciple). Inħarsu ftit lejn dak li qal Ġesù llum, biex nifhmu aħjar dak li diġà aħna, ladarba aħna dixxipli tiegħu. Il-melħ biex ikun effettiv, irid jinħall. Xemgħa biex tagħti d-dawl trid iddub. Dan ifisser li d-dixxipli jridu jkunu lesti li jitilfu xi ħaġa minnhom infushom biex jagħmlu tassew il-ġid lid-dinja. Huma żewġ tixbihat sempliċi imma qawwija, għax juruna eżattament x’inhi l-qalba tal-Vanġelu. Il-melħ u x-xemgħa huma affarijiet komuni u faċilment insibuhom f’idejna, imma l-missjoni tagħhom ma sseħħx jekk jibqgħu jipproteġu lilhom infushom: il-melħ, jekk jibqa’ sħiħ, ma jagħti l-ebda togħma u x-xemgħa ma tagħti ebda dawl, jekk ma ddubx. Hekk ukoll il-ħajja Nisranija. “Melħ tal-art… d-dawl tad-dinja” mhumiex titli ta’ unur, imma stedina għal għotja sħiħa tagħna nfusna. Biex inkunu melħ, irridu ninħallu fil-ħajja tal-oħrajn, u biex inkunu dawl, irridu nkunu lesti li nħallu lilna nfusna “nintemmu” ftit ftit, bħal xemgħa, biex oħrajn jaraw it-triq.
Hawnhekk tidħol il-kelma li kultant nibżgħu xi ftit minnha: sagrifiċċju. Imma s-sagrifiċċju Nisrani mhuwiex telf vojt; huwa għotja li tagħti ħajja. Il-melħ ma jintilifx meta jinħall għax isir dak li hu msejjaħ biex ikun. Ix-xemgħa ma tfallix meta ddub għax twettaq dak li hi maħluqa għalih. L-imħabba, is-servizz, it-tmexxija, l-għerf — kollox isir effettiv meta jkun hemm sagrifiċċju. Kollox isir possibbli meta hemm imħabba ta’ min lest li jinħela għall-oħrajn: inkunu kapaċi nieqfu ma’ xulxin anke meta aħna għajjenin; inkunu lesti li nagħtu l-ħin tagħna, l-attenzjoni tagħna u kull ma aħna anke meta ma nirċievu xejn lura, u saħansitra nkunu lesti naħfru anke meta ma tkun xejn faċli. Il-melħ ma jagħżilx fejn jidħol: issibu f’ikel sempliċi bħal fuq biċċa ħobż biż-żejt, kif ukoll f’riċetti ta’ kok professjonali. L-istess in-nisrani hu msejjaħ biex ikun melħ kull fejn ikun fid-dinja biex idaħħal ftit ħlewwa kull fejn hemm kliem iebes, jagħti ftit tama kull fejn hemm qtigħ il-qalb, u jġib l-għaqda mill-ġdid kull fejn hemm il-ġlied. U ħafna drabi dan isir fis-skiet bla daqq ta’ trombi, kif jagħmel il-melħ li ħadd ma jarah wara li jdub, kif jagħmel id-dawl tax-xema li jdawwal fis-skiet bla ma jiġbed l-attenzjoni fuqu.
Ġesù nnifsu huwa l-akbar xhieda ta’ dan. Huwa “nħall” kompletament fl-umanità tagħna, u “dab” fuq is-salib għalina. Dan għamlu mhux biex jintemm u jinqered fix-xejn, imma biex jagħtina d-dawl tal-qawmien. Is-salib jurina li l-imħabba vera dejjem twassal għall-ħajja. Mhux ta’ b’xejn qalilna li “ma hemmx imħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għal min iħobb.” Fid-dawl ta’ dan irridu nifhmu kull vokazzjoni u kull missjoni tad-dixxipli. Il-vokazzjoni ta’ saċerdot hi sejħa biex jagħti ħajtu għall-knisja fil-komunità li jkun qed iservi. Il-vokazzjoni taż-żwieġ hi sejħa biex il-miżżewġin jagħtu ħajjithom għal xulxin fl-imħabba. Il-vokazzjoni ta’ ġenitur, hi sejħa biex jagħti ħajtu għal uliedu fl-impenn kollu li juri magħhom. Il-vokazzjoni ta’ persuna single wkoll hi sejħa biex tagħti ħajjitha għall-oħrajn fl-imħabba. Minkejja li jidhru vokazzjonijiet differenti, kollha jitolbu l-għotja tal-ħajja. Hekk biss nistgħu nitqaddsu, jekk bħal Kristu nkunu kapaċi ningħataw għall-oħrajn.
Id-dinja ma teħtieġx Insara li jippreservaw lilhom infushom, imma Nsara li jagħtu lilhom infushom biex iħarsu lill-oħrajn mid-deni u l-ħsara, kif jagħmel il-melħ li jipproteġi l-ikel mit-tħassir, inkella jkun maqtugħ. Id-dinja ma teħtieġx Insara li jibżgħu jiffaċċjaw il-kurrenti tal-ħajja, imma Nsara li jaffrontaw ir-realtà b’kuraġġ, kif tagħmel xemgħa mixgħula u mqiegħda fl-għoli biex turi r-realtà tal-ambjent ta’ madwar, inkella ma tiswa għal xejn jekk tkun protetta għall-kenn. Ejjew nitolbu lil Mulej biex jagħtina l-kuraġġ u ma nibżgħux ngħixu l-fidi tagħna b’tali mod li nagħmlu differenza fil-ħajja tal-oħrajn, nagħtu togħma u ndawwlu l-mentalita tan-nies ta’ madwarna. Nitolbu lil Mulej biex jgħinna ħalli nkunu kapaċi ninħallu u ndubu fl-imħabba, biex hekk il-ħajja tagħna tkun togħma ta’ tama u dawl għal min niltaqgħu miegħu.
