Riflessjoni għall-festa tad-dedikazzjoni tal-Lateran

Riflessjoni għall-festa tad-dedikazzjoni tal-Lateran

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Illum il-Knisja universali tiċċelebra festa li forsi ftit hi magħrufa, però għandha tifsira tassew profonda: id-Dedikazzjoni tal-Bażilika Laterana, li hu l-Katidral tal-Papa f’Ruma. Din mhijiex sempliċement festa ta’ binja mportanti, imma festa tal-Knisja Universali, għaliex il-Bażilika Laterana hi meqjusa bħala l-omm u r-ras tal-knejjes kollha tal-belt ta’ Ruma u tad-dinja kollha.  Din il-knisja nbniet fis-seklu 4 mill-Imperatur Kostantinu wara li ddikjara li l-Kristjaneżmu hu r-reliġjon uffiċjali tal-imperu ruman. Għal sekli sħaħ il-Lateran kien is-sede tal-Papa. Kull darba li niċċelebraw il-konsagrazzjoni ta’ din il-bażilika, inkunu qed niftakru li aħna parti minn ġisem wieħed. Kull parroċċa, kull komunità, kull nisrani madwar id-dinja hu parti minn dan il-ġisem wieħed ta’ Kristu li hu l-Knisja.

Fl-ewwel qari, il-profeta Eżekjel jara viżjoni sabiħa: ilma ħelu li joħroġ mit-tempju ta’ Ġerusalemm u jġib il-ħajja minn kull fejn jgħaddi. Dan l-ilma għandu qawwa li jfejjaq saħansitra l-baħar mejjet, baħar li ma jgħix xejn fih, u jsir baħar mimli bil-ħajja. Propju din hi l-missjoni li Ġesù afda f’idejn il-knisja. Hu bagħathom mad-dinja kollha biex iwasslu t-tagħlim ħelu ta’ Sidna Ġesù Kristu u b’hekk tasal l-istess ħajja tiegħu. “Morru għallmu u għamdu,” qalilhom. Dan l-ilma hu tassew duwa, għax mhux biss inaddaf il-ġrieħi u jfejjaq, imma wkoll jagħti l-grazzja lil min jilqa’ dan it-tagħlim u jgħixu. Il-Papa sal-ġurnata mqaddsa tal-lum jara li jwassal it-tagħlim tal-verità, jdawwal lill-bniedem tal-lum fil-mixja tiegħu. Dan it-tagħlim isir bħall-ilma ħiereġ mit-tempju biex minn kull fejn jgħaddi jagħti l-ħajja. Din hija xbieha tal-grazzja ta’ Alla li toħroġ mill-Knisja.

Fit-tieni qari, nisimgħu lil San Pawl jgħidilna xi ħaġa tant sabiħa: “Intom ukoll tempju ta’ Alla, u l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom.”  Fil-festa tal-konsagrazzjoni tal-Lateran ma rridux niffukaw  biss fuq dan il-bini majestuż u sabiħ li jinsab f’Ruma, imma rridu aktar nirriflettu dwar il-misteru li kull wieħed u waħda minna qed jipparteċipa fih, jiġifieri dak tat-tempju ħaj ta’ Alla. Mhux il-ġebel jew il-faċċata ta’ knisja jagħmluha qaddisa, imma l-preżenza ta’ Alla fost il-poplu tiegħu. Meta l-Ispirtu jgħammar fina, aħna nsiru bħal dak it-tempju fejn in-nies jistgħu jaraw id-dawl ta’ Kristu. San Pawl jżid jgħid: “Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu, għax it-tempju ta’ Alla hu qaddis, u dan it-tempju huwa intom.”  Kemm hi ħaġa kbira li Alla nnifsu jsejħilna t-tempju tiegħu! Iżda fl-istess ħin, x’responsabbiltà għandna biex inżommu dan it-tempju nadif u ħaj bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba tagħna. Kultant dan it-tempju għandu bżonn jitnaddaf, kif għamel Ġesù meta naddaf it-tempju ta’ Ġerusalemm mill-iskandli li kienu qed iseħħu fih. Kultant ikun hemm bżonn inneħħu kull ostaklu li jfixkilna milli nkunu tassew f’post qaddis, kif Ġesù neħħa l-imwejjed mit-tempju. Ġesù jrid ineħħi minn qalbna dak kollu li jxekkel il-preżenza t’Alla fina u madwarna – l-egoiżmu, in-nuqqas ta’ maħfra, l-indifferenza – biex qalbna terġa’ ssir dar tal-Ispirtu.

llum, waqt li niftakru fil-Knisja Universali ejjew nitolbu għall-parroċċa tagħna biex fiha nesperjenzaw il-ħajja spiritwali u s-sbuħija tal-għaqda, li Ġesù ried fost id-dixxipli tiegħu. Nitolbu biex l-ilma ħaj tal-Ispirtu kontinwament iġedded u jfejjaq lil kull min jilqgħu f’ħajtu. Ejjew nitolbu wkoll biex kull wieħed u waħda minna jkun tempju ħaj u jixhed għal Kristu kull fejn ikun. Niftakru li meta nsiru “bini spiritwali” magħmul mill-imħabba u l-fidi, allura niddu tassew bħala Knisja Waħda Qaddisa u Appostolika. Tassew, il-veru ġmiel tal-Knisja ma jidhirx fl-opri artistiċi, imma fil-qdusija ta’ wliedha.