Riflessjoni għall-festa tal-Magħmudija tal-Mulej

Riflessjoni għall-festa tal-Magħmudija tal-Mulej

mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana.

Ċertu nies importanti jiddistingwu ruħhom u jiġu trattati bħala persuni VIP. Huma jingħataw preferenza fuq il-kumplament tan-nies u jkollhom servizz b’attenzjoni akbar biex jintwera rispett lejn ir-rwol li jkunu qed jaqdu. Imma kultant ikun hawn min fost il-persuni VIP, li jippreferu jidher bħal kumplament tan-nies u għalhekk ma jfittix li jiġi ttrattat differenti mill-oħrajn. Immaġina li titla’ fuq ajruplan jew fuq tal-linja u ħdejk issib xi Kardinal, jew xi kantant ta’ fama nternazzjonali! Inkella tiltaqa’ ma’ xi artist magħruf f’xi ħanut jixtri! Dak il-ħin ma tkunx trid temmen lil għajnejk u jista’ jkun li tħossok ukoll xi ftit mistħi jew tħossok imbarazzat għax ma tkunx taf eżatt kif għandek iġġib ruħek.  Dak li ġara minn Ġwanni l-Battista, hekk kif ra lil Ġesù fil-kju man-nies biex jinżel fl-ilma u jitgħammed. Hekk kif Ġwanni rrealiżża min kien, inħasad, ried l-art tibilgħu u esprima pubblikament li hu ma kienx dehen li jgħammed lil Ġesù. Ġwanni għaraf li Ġesù kien tassew persuna VIP u li żgur kien jistħoqqlu trattament differenti mill-bqija tal-folla. Ma ninsewx li l-kju kien kju ta’ midinbin; kull min kien hemm għax għaraf li kellu bżonn jindem minn dnubietu. Ġwanni għarfu bħala dak li kien bla dnub, anzi dak li kellu jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Mela kif Ġesù sab ruħu mal-bqija tan-nies jistenna biex hu wkoll jitgħammed minnu? Ġesù ma ddistingwiex ruħu mill-oħrajn. Daħal fl-ilma flimkien mal-poplu, u b’hekk qasam magħna l-istess kundizzjonijiet tagħna. Kif jgħid San Pawl (Fil 2, 6-7) “Hu, għalkemm kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx iqis tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża minn kollox billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbaħ lil bnedmin.” 

Din l-azzjoni ta’ Ġesù turina li Alla ma jsejħilniex biss b’mod individwali, imma wkoll bħala poplu. Ġesù identifika ruħu ma’ poplu midneb u mexa flimkien mal-poplu lejn l-ilmijiet tal-Ġordan. Hu ried ikun parti minn poplu anke jekk hu midneb. Bil-magħmudija, aħna nsibu ruħna parti minn poplu – il-poplu qaddis ta’ Alla. Niftakru li aħna m’aħniex insara waħedna. Il-fidi mhix xi ħaġa privata, imma aħna msejħin biex ngħixu f’komunjoni - ma’ Alla u ma’ xulxin. Nisrani li hu nisrani tassew qatt ma jfittex li jiddistingwi ruħu mill-oħrajn, għax iħossu aktar imporanti mill-oħrajn, jew għax iqis ruħu tant differenti, li jħoss li ma jixraqlux li jimxi mal-bqija tal-komunità. Noqgħodu attenti għax jekk ninqatgħu għalina weħidna, inkunu qed ninqatgħu anke minn Alla, li għażel lil dan il-poplu; inkunu qed nagħmlu totalment l-oppost ta’ dak li għamel Ġesù. Li tkun mgħammed, u allura li tkun nisrani, titlob minna li nibnu relazzjonijiet b’saħħithom ma’ l-oħrajn (anke jekk midinbin); relazzjonijiet mibnija fuq l-imħabba, r-rispett u l-maħfra. Knisja maqsuma, indifferenti jew magħluqa fiha nnifisha tmur kontra dak li juri Ġesù fil-Ġordan.

Waqt il-magħmudija ta’ Ġesù, instemgħet il-vuċi tal-Missier tgħid: “Dan hu Ibni l-maħbub.” Din il-kelma tingħad lilna wkoll fil-magħmudija tagħna. Jekk aħna wlied Alla, ma nistgħux nibqgħu spettaturi. Il-magħmudija ssejħilna biex nipparteċipaw fil-ħajja tal-Poplu ta’ Alla – il-Knisja; nipparteċipaw fit-talb, fil-quddiesa, fis-servizz, fil-ħajja tal-parroċċa, u b’kull mod ieħor possibbli. Il-Knisja mhix ta’ ftit, imma ta’ kulħadd. Kull wieħed u waħda minna għandu sehem u responsabbiltà. Meta nipparteċipaw fil-ħajja tal-knisja nkunu qed insaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna u nagħmlu ħafna ġid lil xulxin. Wara l-magħmudija, Ġesù beda l-missjoni tiegħu; ma baqax iħares biss lejn il-bżonnijiet tal-oħrajn u waqaf hemm; l-azzjoni tiegħu wriet li hu kien tassew il-qaddej maħtur ta’ Alla. Hekk ukoll aħna, il-magħmudija tagħna tpoġġi quddiemna missjoni. Aħna mibgħuta biex inwasslu l-Evanġelju fil-ħajja ta’ kuljum: fid-dar, fuq ix-xogħol, fl-iskola, fis-soċjetà. Ħafna drabi mhux bil-kliem, imma bl-għemil: bil-ġustizzja, il-ħniena, l-onestà, u s-solidarjetà.

Għalhekk din il-festa llum qed tfakkarna li aħna msejħin biex inkunu: f’komunjoni u mhux kulħadd għal rasu, f’parteċipazzjoni u mhux passivi, u f’missjoni mhux magħluqin fina nfusna. Nitolbu, għalhekk, lil Alla biex din il-festa ġġedded fina l-grazzja tal-magħmudija u nieħdu sehem fil-ħajja tal-knisja: nitolbu li ngħixu il-komunjoni, nipparteċipaw u nwettqu l-missjoni li afdalna f’idejna l-Mulej Ġesù Kristu.